Madonna Ta’ Pinu, April-Ġunju 2015, Nru 173
Wieħed kien jistenna li l-ħarġa ta’ April-Ġunju 2015 tar-rivista Madonna Ta’ Pinu jkollha fil-qoxra tagħha wieħed mill-ħames affreski ta’ l-artist Sergio Favotto mwaħħlin man-niċeċ il-ġodda tal-Mixja tal-Pellegrin inawgurata ftit tal-jiem ilu fit-triq li twassal għas-Santwarju Ta’ Pinu. L-affresk li jsebbaħ il-qoxra ta’ din il-ħarġa fil-fatt hu dak li jirrappreżenta t-tema “Marija Għajnuna ta’ l-Insara”, propju biex ifakkar ukoll ġrajja oħra sabiħa li seħħet dan l-aħħar f’dan is-Santwarju Marjan: iż-żjara ta’ l-Urna ta’ Don Bosco, devot kbir ta’ Marija taħt dan it-titlu.
Din il-ħarġa tista’ tissejjaħ speċjali għax fil-paġni tagħha tfakkar għadd ta’ okkażjonijiet storiċi. Ibda biex, fl-20 ta’ Ġunju jaħbat it-tmenin anniversarju mill-inkurunazzjoni tal-kwadru devot Ta’ Pinu. Il-ħarġa toffri għadd ta’ kitbiet u ritratti storiċi ta’ din il-ġrajja għażiża, fost l-oħrajn siltiet mid-diskors sabiħ li kien għamel dak in-nhar il-Kardinal Lepicier, il-Legat tal-Papa.
Ġrajja oħra storika li qed tiġi mfakkra f’din il-ħarġa hi ż-żjara ta’ l-Urna bir-relikwa ta’ San Ġwann Bosco fis-Santwarju, f’rabta mal-mitejn anniversarju minn twelidu. L-Urna kienet Għawdex fis-17 ta’ Mejju li għadda. Barra artikli ta’ interess – anki bl-Ingliż – dwar l-invokazzjoni Marjana “Għajnuna ta’ l-Insara” li ilha fil-Litanija Lawretana sa mis-sena 1500, u d-devozzjoni ta’ Don Bosco lejha hekk li bnielha Bażilika kbira f’Turin, insibu wkoll l-omelija sabiħa ta’ Mons. Carmelo Mercieca fl-okkażjoni taż-żjara ta’ l-Urna.
Nistgħu ngħidu li l-aħħar ġimgħat raw mhux waħda, imma sensiela ta’ ġrajjiet kbar f’Ta’ Pinu. Fis-27 ta’ Mejju għamel l-ewwel żjara uffiċjali fid-Djoċesi ta’ Għawex Mons. Charles J. Scicluna, Arċisqof ta’ Malta, propju b’Pontifikal f’Ta’ Pinu. Il-ħarġa tfakkar dan b’rapporti u ritratti, u għandna wkoll l-omelija profonda ta’ l-Arċisqof f’din l-okkażjoni. Ma jonqosx rapport dwar id-dikjarazzjoni uffiċjali min-naħa tal-Konferenza Episkopali Maltija tas-Santwarju Ta’ Pinu, flimkien ma’ dak tal-Mellieħa, bħala “iż-żewġ Santwarji Nazzjonali tal-gżejjer Maltin”.
Kien ukoll f’din l-okkażjoni li ż-żewġ Isqfijiet tagħna bierku t-tliet mużajċi ġodda fuq il-bibien tal-faċċata tas-Santwarju. Dwar dawn l-opri sagri ta’ Rupnik sa naqraw ħafna iżjed fil-ħarġa li jmiss, imma diġà minn dan l-għadd insibu xi tagħrif, kif ukoll ritratti bil-kulur fil-qoxra ta’ wara u fil-paġni tan-nofs.
Fost dawn ta’ l-aħħar hemm ukoll ritratti taż-żjara ta’ relikwa oħra għażiża: dik tad-Demm ta’ San Ġwanni Pawlu II li nġabet fis-Santwarju fid-19 ta’ Mejju. Ix-xahar li għadda fakkarna wkoll il-ħamsa u għoxrin anniversarju minn meta dan il-Papa żar pajjiżna u qaddes fuq iz-zuntier tas-Santwarju, fejn poġġa madwar ras il-Madonna Ta’ Pinu ħames stilel tad-deheb.
Fi ftit kliem, din il-173 ħarġa tar-rivista tas-Santwarju Nazzjonali Ta’ Pinu hi litteralment ippakkjata b’materjal storiku u spiritwali interessanti! Hi wkoll stedina għall-festa tas-Sejħa li tiġi ċċelebrata nhar it-Tnejn 22 ta’ Ġunju. Tistgħu tiksbu l-kopja tagħkom billi tikkuntattjaw is-Santwarju tal-Madonna Ta’ Pinu, l-Għarb Għawdex (tel: 2155 6187; email: tapinupublications@tapinu.org).