Il-Familja. Familja Miġruħa I


23. Katekeżi dwar il-Familja mill-Papa Franġisku. 24 ta’ Ġunju 2015

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

Fl-aħħar katekeżi tkellimna dwar il-familja li ġġarran id-dgħufija tal-qagħda umana, il-faqar, il-mard, il-mewt. Il-lum sa nirriflettu fuq il-ġrieħi li jinfetħu sewwa sew fi ħdan il-konvivenza familjari. Jiġifieri, meta fil-familja nfisha nweġġgħu lil xulxin. L-ikreh ħaġa!

Nafu sewwa li fl-ebda storja familjari ma jonqsu l-mumenti fejn l-intimità ta’ l-aktar relazzjonijiet għeżież ta’ mħabba tisfa’ mweġġgħa mill-imġiba tal-membri tagħha. Kliem u għemejjel (u nuqqas ta’ għemil!) li, flok jesprimu l-imħabba, joħonquha u, agħar u agħar, ikasbruha. Meta dawn il-ġrieħi, li għadna nistgħu nfejquhom, nittraskurawhom, imorru għall-agħar: jinbidlu fi prepotenza, ostilità, disprezz. U hemm huma jinbidlu f’tiċrit qawwi, li jifred il-miżżewġin, u jwasslu biex dak li jkun imur ifittex band’oħra min jifhmu, iwieżnu u jfarrġu. Imma spiss dan it-“tweżin” ma jkollux għal qalbu l-ġid tal-familja!

It-tbattil ta’ l-imħabba konjugali jġib ċerta rabja għal xulxin fir-relazzjonijiet. U spiss l-effetti tal-firda “jaqgħu” fuq it-tfal.

Hekk hu, it-tfal. Nixtieq nieqaf ftit fuq dan il-punt. Minkejja s-sensibbiltà tagħna li minn barra donnha żdiedet, u l-analiżijiet psikoloġiċi raffinati tagħna, nistaqsi jekk forsi mewwitniex ukoll ir-rispett lejn il-ġrieħi f’qalb it-tfal. Iktar ma nippruvaw nagħmlu tajjeb b’rigali u ħelu, aktar nitilfu s-sens tal-ġrieħi – iktar ta’ wġigħ il-qalb u qawwija – tar-ruħ. Spiss nitkellmu fuq disturbi fl-imġiba, fuq saħħa psikika, fuq il-ġid tat-tifel, fuq l-ansjetà tal-ġenituri u ta’ l-ulied… Imma għadna nafu xi tkun ġerħa fil-qalb? Qed inħossu t-toqol tal-muntanja li jgħattan il-qalb ta’ tifel ċkejken, fil-familji fejn nagħmlu l-ħsara lil xulxin, sa ma ntertqu dik ir-rabta ta’ fedeltà konjugali? X’piż għandha fuq l-għażliet tagħna – għażliet żbaljati, ngħidu aħna – il-qalb tat-tfal? Meta l-adulti jitilfu rashom, meta kulħadd jibda jaħseb biss għalih innifsu, meta l-omm u l-missier jagħmlu l-ħsara lil xulxin, il-qalb tat-tfal tbati ħafna, tħossha trid tiddispra. U huma ġrieħi li jimmarkaw il-ħajja kollha.

Fil-familja, kollox marbut flimkien: meta r-ruħ tagħha hi miġruħa xi mkien, l-infezzjoni tmarrad kollox. U meta raġel u mara, li impenjaw ruħhom biex ikunu “ġisem wieħed” u jibnu familja, jaħsbu ossessivament fil-bżonn tagħhom li jkunu ħielsa u jiggratifikaw ruħhom, dan it-tagħwiġ tal-verità jolqot bil-kbir il-qalb u l-ħajja ta’ wliedhom. Ħafna drabi t-tfal imorru jistaħbew biex jibku waħidhom… Dan irridu nifhmuh sewwa. Raġel u mara huma ġisem wieħed. Imma wliedhom huma laħam minn laħamhom. Jekk naħsbu kemm kien iebes Ġesù meta wissa lill-kbar biex ma jagħtux skandlu lit-tfal iż-żgħar – smajnieha s-silta mill-Vanġelu (ara Mt 18:6) –, nistgħu nifhmu aħjar ukoll il-kelma tiegħu fuq ir-responsabbiltà għolja li l-bniedem jindokra r-rabta konjugali li tagħti bidu lill-familja umana (ara Mt 19:6-9). Meta r-raġel u l-mara saru ġisem wieħed, il-ġrieħi u l-abbandun kollu ta’ l-omm u l-missier iħallu l-effett tagħhom fuq il-ġisem ħaj ta’ l-ulied.

Hu minnu, mill-banda l-oħra, li hemm każi fejn is-separazzjoni ma tistax tevitaha. Kull tant tista’ ssir saħanistra moralment meħtieġa, meta appuntu qed nitkellmu dwar li nneħħu lill-parti l-iżjed dgħajfa, jew lit-tfal żgħar, l-iżjed ġrieħi gravi kkawżati mill-prepotenza u mill-vjolenza, mill-umiljazzjoni u l-abbuż, mill-bruda u l-indifferenza.

Għall-grazzja ta’ Alla, ma jonqsux dawk li, imwieżna mill-fidi u mill-imħabba għall-ulied, jagħtu xhieda tal-fedeltà tagħhom lejn rabta li fiha emmnu, ikun kemm ikun jidher impossibbli li jagħtuha l-ħajja mill-ġdid. Mhux is-separati kollha, imma, iħossu din il-vokazzjoni. Mhux kollha jagħrfu, fis-solitudni, is-sejħa li qed jagħmlilhom il-Mulej. Madwarna għandna divesi familji f’sitwazzjonijiet hekk imejħa irregolari – lili ma togħġobnix din il-kelma – u dawn iġagħluna nagħmlu ħafna mistoqsijiet. Kif nistgħu ngħinuhom? Kif nagħmlu biex nakkumpanjawhom? Kif nakkumpanjawhom biex uliedhom ma jispiċċawx ostaġġi tal-missier jew ta’ l-omm?

Nitolbu lill-Mulej fidi kbir, biex inħarsu lejn ir-realtà mill-għajnejn ta’ Alla; u mħabba kbira, biex nersqu qrib tal-persuni bl-istess qalb ħanina tiegħu.

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.