Online u offline  

Print Friendly, PDF & Email

 

Patri Mario Attard OFM Cap

Qiegħdin ngħixu f’era tal-komunikazzjoni soċjali. Era fejn, jekk ma tkunx computer literate, jaf ikollok problemi mhux żgħar. Għaliex illum ħafna servizzi qiegħdin online. Issibhom fis-suq kbir u mifrux tal-erbat irjieħ tad-dinja tagħna. Illum minn fuq l-internet tista’ tixtri, tbiegħ u tiddeverti. U din l-attività kollha issir online!

Issa, minħabba li hawn daqshekk servizzi online meta l-internet ma jaħdimx bir-raġun li tinħolqilna problema kbira. X’se nagħmel? Kif se jkolli aċċess għal dak is-servizz? Imnalla li jkun hawn ċertu numri tat-telefon li tista’ tużahom l-għaliex inkella tibqa’ l-art! Mela t-telefon għad baqagħlu żmienu ħbieb! X’taħsbu?

Din il-biċċa tal-online u l-offline ġagħlitni naħseb mhux ftit. Rassittni nistaqsi l-mistoqsija l-kbira. Il-mistoqsija li qiegħdha tgħum fl-oċejan kbir u fond ta’ qlubna. Meta jien online? U meta jiena offline? Ħalli, għal darba, nimxi fuq il-proverbju Malti: “Aħseb fil-ħażin biex it-tajjeb ma jonqosx”. Qed nagħmel hekk mhux l-għaliex għandi niffissa ħarsti fuq il-ħażin. Għall-kuntrarju! Biex, aktar ma nkun konxju tal-ħażin, aktar naħseb, niffoka u niggranfa mat-tajjeb!

Meta nkun offline? Meta nibqa’ inżomm ġo qalbi kontra xi ħadd. Għandi kemm għandi raġun fil-ħajja ma nistax nibqa’ ngħix irrabjat u irrabjata. Issa din il-biċċa għerf m’hijiex sempliċiment il-filosofija Nisranija li tgħidli: “Aħfer!” (ara Mt 6:14-15). “Bierek lil min jisħtek. Bierek u tistħet lil ħadd!” (ara Lq 6:28). Din hija wkoll ħajjitna ta’ kuljum. Ejja nikkalma u nirraġuna. Jekk se nibqa’ ngħix ħajti kollha irrabjat u irrabjata fejn se nasal?

Bħalissa tiġini l-figura miskina ta’ Adolf Hitler. Minħabba li pajjiżu kien tilef l-Ewwel Gwerra Dinjija, Gwerra li fiha kien iġġieled hu stess, ir-rabja li kellu għal dan l-avveniment ivvelena lil ħajtu stess. Dan il-bniedem qatta’ ħajtu jgħix f’rabja kbira. Rabja li wasslietu biex il-konflitt li kellu jbaqbaq fih innifsu tant kemm kiber li ifforma partit politiku li ntuża biex jaħqar u joqtol lil min ma kienx jaqbel miegħu. Illum, fl-era li qiegħdin ngħixu fiha ta’ taħlit kulturali, nitbissmu għal din l-ideja. Imma, fil-każ tiegħu, tant kemm din l-ideja ossessjonatu li wasal biex iwettaq ħruxijiet kbar. Basta, mingħalih, jasal fejn xtaq.

Imma x’kienet il-konsegwenza ta’ dan il-ġenn? It-tifrik! Il-ġlied! Il-mibegħda! Il-faqar! Il-ħajjiet imkissra! Il-qtugħ mill-ħajja vera! Altru li għemil bħal dan hu offline!

L-online fil-ħajja hu meta naħfru! L-għaliex bil-maħfra u bir-rikonċiljazzjoni biss nidħlu fil-ħajja vera. Din hija ħajja sabiħa. U tagħtina kuraġġ. L-għaliex tagħtina t-tama. Min minna jista’ jgħid li wasal? Żgur li le! U mhux għalhekk li għandna min jirraġuna mod u min jirraġuna ieħor? Li tkun online fil-ħajja tfisser tiddjaloga. Tirraġuna. Tisma’. Titlob maħfra jekk żbaljat u tirranġa l-iżball. Safejn tista’. Li, bil-ħlewwa u bil-għaqal, tiftaħ l-għajnejn ta’ min ikun se jinżel fil-ħama u t-tajn ħalli ma jbatix dak li tkun batejt int. U hekk l-iżball isir okkażjoni ta’ fejqan u mhux xalata fuq id-dgħajjef. L-għerf tal-ħajja hu li nibdlu r-rabja f’interess ġenwin lejn xulxin. F’li niddefendu lil min m’għandux vuċi. F’li nibqgħu inwieżnu lil xulxin anki meta ma naqblux. F’li nibqgħu inħossuna aħwa ta’ xulxin l-għaliex aħna veru hekk!

L-akbar benefiċċju li jista’ joħroġ minn ħajja online hija li nifhem li meta nkunu familja jiena inkun veru qed nikber. U mhux meta d-drittijiet kollha tiegħi, dawk veri u dawk li npasparhom, irridhom kollha u issa. Jekk ma rridx indamdam l-imħabba vera tal-familja bl-inkwiet li naqla’ għal xejn.

 

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading