It-tqaħqiħ


Patri Mario Attard OFM Cap

Bħalissa ħafna għaddejjin iqaħqu kemm jifilħu. U jqaħqu kullimkien. Inkluż fil-knejjes tagħna. Kulfejn tmur tisma’ dik il-kantaliena ta’ tqaħqiħ!

Iva ħbieb! Il-virus tal-influwenza ma jafx b’rispetti. Jaqbad u jattakka kif ġie ġie. Salvaġġ! M’għandux minn nies. L-għaliex lin-nies jaħqrilhom saħħithom. Mgħaddas li hu! Minkejja t-titqiba ta’ prevenzjoni li ngħatat fuq skala nazzjonali xorta waħda dan il-virus inkrepattiv baqa’ jiġri warajna. U dejjem lest biex jara lil min se jmarrad!

Kemm hu bla qalb! Marrad tista’ tgħid lil kulħadd! Żgħar u kbar. X’jimpurtah li fallilhom l-iskola. Inkella li ħarbtilhom il-jiem tax-xogħol. X’jimpurtah li hemm min għandu l-loans xi jħallas fix-xahar. U, forsi hemm min ukoll li l-bank qed jiġri warajh. Għalhekk bilfors, b’saħħtu jew m’huwiex, irid jara minfejn se jġib il-ħobżna ta’ kuljum. Il-virus tal-influwenza għaddas rasu u għamel bħalma jagħmlu l-bdabat. Baqa’ għaddej għal triqtu mingħajr lanqas l-iċken każ tal-konsegwenzi li kien qed iħalli warajh!

It-tqaħqiħ li, għal xi wħud, donnu jieħu post in-nifs li jieħdu, tassew jagħti l-battikati. Għax tassew, bit-tqaħqiħ ġisimna jkun irid jeħles minn xi ħaġa li m’hijiex tiegħu. Għalhekk jirrejaġixxi kif jirejaġġixi. Mela, it-taħqiħa, hija l-protesta tal-ġisem biex jindaf minn xi ħaġa li qed tniġġsu minn ġewwa. Minn dak il-likwidu li ma jagħmillux la ġid u lanqas ġieħ!

Il-mard tal-influwenza jaqtagħna mill-ħajja soċjali tagħna. Idaħħalna f’ħabs. Jaqfilna ġewwa. Anki jekk għandna ċ-ċavetta tas-serratura. Għax dak li jkun jaf iqattagħlek ġimgħa jew għaxart ijiem id-dar għas-sħana. Jistrieħ. Sakemm ir-riħ jgħaddi b’wiċċ il-ġid! Ngħiduha kif inhi, l-influwenza lanqas wiċċ nersqu lejn in-nies ma tħallilna. Dik li rrid nimsaħ imnieħri l-ħin kollu l-għaliex ikun sar vit veru iddejjaqni. U mbagħad, dik it-tqaħqiħa li jisimgħuha minn seba’ kantunieri bogħod, qisni kelb jinbaħ, anki dik tagħtini fastidju. U, fuq kollox, il-leħen imurli wkoll. Irrid noqgħod attent kif nitħaddet u bil-mod li ma taqbadnix xerqa u nibqa’ sejjer biha! Imbagħad veru jkolli nara fejn se naqbad nagħti rasi!

L-influwenza taqtagħna mill-ħbieb tagħna. Kemm-il appuntament ikollna nħassru l-għaliex inkunu ma nifilħux. Addijo l-ikla ħut jew ikla laħam! Għal ġewwa sieħbi! Għall-irdoss u għas-sħana! Għaliex inkella din l-imbierka tqaħqiħa u dan l-imbierek riħ ma jgħaddu qatt. X’jiswa’ li nkunu qattajna għal ma nafx kemm-il ġurnata ġewwa. Nieħdu dik il-massa ta’ arja friska u erġajna koppi! U bilħaqq, meta nkunu morda bl-influwenza lanqas inkunu f’pożizzjoni li nilqgħu lil xi ħadd li, imqanqal mir-rispett li jkollu lejna, jitwebbel jiġi jżurna. Anzi! Inkunu aħna stess li ngħidulu u ngħidulha, b’kuxjenza safja u retta: “Ħu paċenzja! Għalissa aħjar ma tiġix! Jekk ma tridx li tinxteħet xi ġimgħa fis-sodda int ukoll!”

F’dan iż-żmien tal-influwenza nibdew naraw ukoll min fil-ħajja jirrispettana tassew. Kemm tieħu gost hux meta tirċievi messaġġi fuq il-mobile ta’ awguri ta’ fejqan ta’ malajr. Imbagħad hemm dawk il-qalbenin li jgħidulek: “Tlabt għalik!” Inkella: “Offrejt il-quddiesa għall-fejqan tiegħek!” Kemm jimlewni bil-kuraġġ messaġġi bħal dawn! Mhux ta’ b’xejn li, meta l-Mulej jagħtini l-grazzja u d-dehen li nibgħathom, inkun l-ewwel wieħed li nagħmel dan! Bniedem, b’kelma, taf ittellgħu mas-seba’ sema! U bilħaqq, messaġġi bħal: “Ħu ħsieb saħħtek!” tgħidx kemm jagħmlu ġid! Dan l-aħħar, wieħed mill-patrijiet tagħna tgħidx kemm tani kuraġġ l-għaliex għoġbu jibgħatli messaġġ sabiħ bħal dan. Aħna bnedmin. Kull qalb trid oħra! Għalhekk, anki int, ibda’ agħmel hekk ukoll! Ħu ħsieb in-nies ta’ madwarek li ma jifilħux bħalma ħa ħsiebi dan il-Patri sempliċi u ħabrieki! U ejjew ma ninsew qatt li bit-talb tassew li jinfaqa’ l-blat. Forsi ħafna aktar milli nistgħu naħsbu aħna. Mela itlob għal min hu marid. Anki bl-influwenza. Li mhux virus taċ-ċajt ħbieb!

Iż-żmien tal-influwenza jaf ikun żmien ta’ mistrieħ kbir. Speċjalment għal dawk fostna li dejjem għaddejjin u fil-ħajja ma jieqfu qatt. Ma ninsa’ qatt persuna li taħdem ma’ nies ibatu. Qaltli: “Patri! Meta qabdietni l-influwenza irqadt għal tlett ijiem sħaħ. Kont ili ma norqod raqda hekk? Niżlitli għasel!” Sewwa jgħidu li kull deni ħudu b’ġid! L-għaliex jekk dik l-influwenza ma swiet għal xejn almenu swiet biex din il-persuna setgħet tistrieħ kif tassew għandha bżonn.

U kemm hu sabiħ li meta jkollna l-influwenza nieqfu ma’ xulxin! Ibda’, l-ewwel nett, mid-dar! Għadni niftakar s’issa li, meta kont inkun ma niflaħx id-dar, l-għażiża ommi kienet tagħmilli dik in-naqra brodu tat-tiġieġa sħuna sħuna. Kienet tinżilli għasel! Kemm tieħu gost hux meta jkollok min jieqaf miegħek fil-mard. Inkella, jiġini f’moħħi, xi ħbieb li, meta jkun ħa jaqbadni riħ, arahom jibgħatuli kif għandi nieħu l-misħun bil-għasel, bil-għasra tal-lumija u b’naqra skoċċiż ħalli r-riħ jgħaddi u s-sider jindaf.

U, fuq kollox, kif nista’ ma ninsiex lil dak il-Patri li jtektikli fuq il-bieb tal-kamra u jgħidli: “Għandek bżonn xi ħaġa? Xi tridni ntellgħalek minn isfel? Trid nagħmillek naqra kafè jew tè?” Dawn huma l-mirakli tal-ħajja ħbieb! Bħalma huwa l-miraklu l-ieħor meta l-Patri jgħidli: “Toqgħodx hemm li ma tiblax riħ. Aħjar tilbes sewwa u toqgħod ftit għas-sħana!” Dawn it-tip ta’ kummenti jinżlu tassew għasel ma’ min ikun qed ibati mill-influwenza.

L-aħħar ħaġa li xtaqt naqsam magħkom rigward iż-żmien tal-influwenza hija s-sens kbir ta’ gratitudni li għandu jiġri fil-vini ta’ moħħna, ta’ ġisimna u, fuq kollox, fil-vini ta’ ruħna. L-ewwel nett l-akbar sens ta’ radd-il ħajr li għandu jkollna għandu jkun lejn il-Mulej! Xi grazzja li għandna lilu magħna u fina! Xi grazzja li nistgħu nitolbuh ħa jfejjaqna u li jagħtina l-kuraġġ u t-tama li din l-influwenza tgħaddi ukoll mal-oħrajn. Għalkemm fiż-żmien tal-influwenza l-arloġġ donnu jieqaf imma l-moħħ u l-ispirtu tagħna jibqgħu għaddejjin. Jibqgħu jaħsbu u jirriflettu. Xi grazzja ħbieb għandna li aħna ħajjin! U kemm għandna nirringrazzjaw lill-Mulej li qiegħdin ngħixu! Kemm nies, bl-istess virus, f’pajjiżi oħra, spiċċaw taħt it-trab. U aħna, li f’dan il-pajjiż is-settur tas-saħħa għamel passi ta’ ġgant tul is-snin, nistgħu neħilsu minn dan il-virus f’qasir żmien b’riħet il-professjonisti ta’ ħila u l-mediċini li għandna.

Ejja nħalli t-tqaħqiħ jgħallimni li meta ngerger, u kull żrara nagħmilha muntanja bit-tgergir li ngerger, jiena nqaħqaħ inkun u mhux nieħu n-nifs. Jiġifieri ngħix. Ejja nitgħallem inkun rikonoxxenti. U, filwaqt li nissuġġerixxi x’jista’, sa fejn hu possibbli għalija, inxammar idejja u nagħti sehemi. Tinsiex! Ħadd ma jieħu gost joqgħod ħdejn persuna li l-ħin kollu tqaħqaħ. Il-ħin kollu tgerger u issib id-difetti ta’ ħaddieħor u tkabbarhom! Influwenza bħal din ta’ min jaqtalgħha rasha! Tagħmel biżibilju ħsara! Susa mill-kbar nett!

U, fl-aħħar nett, ejja lill-ħajja ngħannulha u mhux inqaħqħulha. Il-ħajja umana ejjew ngħożżuha mill-ewwel mumenti tagħha. Ejjew inħarsuha sal-aħħar, anki meta t-tbatija tagħfas fuqha. Mela ħallina mit-tqaħqiħ tal-abort u tal-ewtanasja!

Allura, addijo tqaħqiħ!

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: