Home > Il-Papa Franġisku minn Dar Santa Marta > In-Nisrani hu lsir tal-imħabba mhux tad-dmirijiet

In-Nisrani hu lsir tal-imħabba mhux tad-dmirijiet


It-Tnejn 6 ta’ Frar 2017. Omelija tal-Papa Franġisku fid-Dar Santa Marta.

Min hu riġidu jibża’ mil-libertà li jtina Alla, jibża’ mill-imħabba, afferma l-Papa Franġisku waqt l-omelija li għamel dalgħodu fil-kappella tad-Dar Santa Marta.  In-Nisrani hu lsir tal-imħabba mhux tad-dmirijiet.  Għalhekk in-Nisrani m’għandux jinħeba fir-riġidità tal-Kmandamenti.

 

Int kbir Mulej: Il-Papa kien imnebbaħ mis-Salm 103, salm ta’ tifħir lil Alla għall-għeġubijiet tiegħu.

Il-Missier, osserva l-Papa,  jaħdem biex jagħmel dawn l-għeġubijiet tal-ħolqien u biex iġeddidhom permezz ta’ Ibnu.

Darba, qal il-Papa Franġisku, lil tifel staqsieh x’kien jagħmel Alla qabel ma ħalaq id-dinja.  It-tweġiba tat-tfajjel kienet: ‘kien iħobb.’

Allura għaliex ħalaq id-dinja Alla?  Sempliċement biex jaqsam magħna l-milja tiegħu u biex jagħmel ħolqien ġdid.  Bagħat lil Ibnu biex iqiegħed kollox f’postu, biex l-ikrah jagħmlu sabiħ, l-iżball jibdlu f’verità u l-ħażin jibdlu f’tajjeb.

Meta Ġesù jgħid – issokta l-Papa – ‘Il-Missier jaħdem dejjem u jien ukoll,’ l-imgħallmin tal-liġi jiskandalizzaw ruħhom u riedu joqtluH.  Għaliex?  Għax ma kinux jafu jilqgħu l-affarijiet bħala rigal mingħand Alla, moħħhom kien biss fil-ġustizzja: Dawn huma l-Kmandamenti imma huma ftit, allura nżidu aktar.

U minflok ma fetħu qlubhom għad-don, inħbew, fittxew kenn fir-riġidità tal-Kmandamenti li huma kienu żiedu għal aktar minn 500.

Ma kinux jafu jilqgħu d-don ta’ Alla għax dan jintlaqa’ biss bil-libertà.  Dawn kienu nies riġidi li jibżgħu mil-libertà li jtina Alla: kienu jibżgħu mill-imħabba.

Kien għalhekk, żied jgħid, li llum faħħarna lill-Missier u għidnielu: Inti kbir, Mulej, inħobbok ħafna għax tajtni dar-rigal.  Salvajtni, ħlaqtni.

Din hi talba ta’ tifħir, talba ta’ ferħ, talba li sseddaq l-allegrija tal-ħajja nisranija.  Mhix talba magħluqa, imnikkta, ta’ persuna li ma taf qatt tirċievi d-don ta’ Alla għax tibża’ mil-libertà li magħha ġġib dejjem ir-rigal.

Meta inti ssir ilsir tal-imħabba, inti ħieles.  Skjavitù sabiħa din, ikkummenta Franġisku.  Imma dawn id-dutturi tal-liġi dan ma kinux jifhmuh.

Dawn huma ż-żewġ għeġubijiet tal-Mulej, issokta l-Papa: il-meravilja tal-ħolqien u l-meravilja tar-redenzjoni.  Allura jien kif qed nirċevih dan id-don tal-ħajja, bħala rigal?  U jekk qed nirċevih bħala rigal, jien inħobbu l-ħolqien?, inħares kull ma hu maħluq?

Kif qed nirċievi r-redenzjoni, il-maħfra li Alla tani, li għamilni iben flimkien ma’

Ibnu, bl-imħabba, bit-tenerezza, bil-libertà?  Jew qed ninħeba fir-riġidità tal-Kmandamenti, ir-riġidità li qatt ma ttik ferħ għax ma tħallikx ħieles?

Kull wieħed u waħda minna jista’ jistaqsi lilu nnifsu kif qed jgħix dawn iż-żewġ għeġubijiet: l-ewwel ħolqien u l-ħolqien ġdid.

Jalla l-Mulej jgħinna nifhmu dan l-għaġeb u jgħinna nifhmu dak li kien jagħmel Hu qabel il-ħolqien tad-dinja: iħobb!  Jalla jgħinna nifhmu mħabbtu lejna biex inkunu nistgħu ngħidu bħalma għidna llum: Int kbir wisq, Mulej.  Grazzi, grazzi, temm jgħid il-Papa Franġisku.

Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija.

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: