Home > Arċisqof Charles J. Scicluna > It-tfajliet għandhom bżonn lil min ix-xewk irattabulhom bid-dmugħ tal-imħabba

It-tfajliet għandhom bżonn lil min ix-xewk irattabulhom bid-dmugħ tal-imħabba


It-Tnejn 20 ta’ Frar 2017 l-Arċisqof Charles J. Scicluna ċċelebra Quddiesa fit-Tifkira tad-dmugħ tal-Madonna, fil-Knisja tal-Madonna tal-Mirakli f’Ħal Lija.

Omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna – Fil-Knisja tal-Madonna tal-Mirakli, Ħal-Lija.

“Int, Mulej, la ċċaħħadnix mill-ħniena tiegħek, it-tjieba u l-fedeltà tiegħek iħarsuni għal dejjem”. Dawn il-kliem mis-Salm li tennejna fil-Liturġija tal-lum joqgħodu tajjeb fil-fomm ta’ kull wieħed u waħda minna.

L-għaraq li deher max-xbieha antika tal-Madonna meqjuma f’dan is-Santwarju, huwa għaraq li jfakkarna fl-għaraq ta’ Binha awlillejl qabel ma bata. L-Evanġelju ta’ San Luqa jgħidilna li qabduh dwejjaq kbar lil Ġesù hu u jitlob fl-ort tal-Ġetsemani u beda jgħaraq qtar tad-demm (Lq 22, 44). Hija kundizzjoni medika ta’ min huwa f’ansjetà terribbli. Aħna wkoll kultant inkunu f’sitwazzjonijiet u ngħidu: “beda jxoqq l-għaraq għalija” jew f’xi eżami, ma tkunx taf tirrispondi d-domanda jew jiġi xi ħadd jagħtik aħbar mhux sabiħa, mumenti ta’ ansjetà u aħna jkollna bżonn tassew lill-Mulej ngħidulu: “iċċaħħadniex mill-ħniena tiegħek” u nagħmlu att ta’ fidi fit-tjieba u l-fedeltà tiegħu li jħarsuna għal dejjem.

Dak li ġara’ bħal-lum impressjona lill-kbarat tal-Gżira ta’ dak iż-żmien: lill-Isqof u anke lill-Granmastru. Minn dan l-avveniment bdiet devozzjoni kbira lejn il-Madonna magħrufa bħala ‘il-Madonna tal-Mirakli’. Aħna fl-Evanġelju m’għandna l-ebda rakkont ta’ xi miraklu tal-Madonna, nafu li hi kienet dik li mbuttat lil Binha Ġesù biex jagħmel l-ewwel sinjal tiegħu, u dan l-ewwel sinjal tiegħu ġara’ f’Kana tal-Galilija u d-dixxipli tiegħu raw il-glorja tiegħu u emmnu fih.

Il-Madonna mhix interessata li turina kemm hi għarfa u kemm hi kbira, hija Omm tippreżentalna dejjem lill-Mulej Ġesù. Tant timpressjonani din il-verità u l-fatt li per eżempju f’Lourdes, fejn il-Mulej kultant snin jerġa’ jikkonferma l-fidi tal-poplu tiegħu, il-fejqan isir waqt il-barka bl-Ewkaristija. Tant hu hekk li Lourdes – min mar, jinduna u jara b’għajnejh stess – li filgħaxija meta jkun hemm il-purċissjoni bl-Ewkaristija, wara is-saċerdot jew l-Isqof li jkun qiegħed iġorr is-Sagrament, wara l-baldakkin ikun hemm it-tobba għaliex hija tradizzjoni peress li l-mirakli jsiru ħafna drabi waqt il-barka Ewkaristika, li t-tobba jmorru immedjatament jiċċekjaw dan għaliex minn fuq il-wheelchair beda jimxi, jew inkella xi ħadd jgħid: “qed inħossni aħjar”.

Hemmhekk post li għażlitu Marija imma biex turina lil Ġesù. Aħna mhux se noqgħodu ninterpretaw id-dmugħ jew l-għaraq mal-kwadru tal-Madonna, imma bħalma qal Mons. Alex, aħna nieħduh bħala sinjal ta’ l-imħabba ta’ omm. L-omm tifrah għal uliedha imma tinwkieta wkoll, tgħaraq l-għaraq tal-ansjetà għal uliedha. Min jaf kemm ġenituri meta jkunu trabi mod, għax jibda jibki u ma tistax tifhem x’għandu, jibki biss jew tibki biss it-tarbija, u meta jikbru mod ieħor għax tibda tgħid: “aħjar huma żgħar” għax joħorġu u qed tistennihom u jgħidlek: “għax qadt mal-ħbieb u qgħadt mal-ħabiba” u insomma sejrin. Kemm tiltaqa’ ma’ ġenituri li fis-silenzju, għax allaħares tkellimhom, fis-silenzju jinkwetaw għal uliedhom, imbagħad jiżżewġu u jibdew it-trikki-trakki u tinkwieta iżjed mill-bogħod, imbagħad it-trikki-trakki bejn l-aħwa, iżjed ikkomplikata dik. L-omm tibqa’ fis-silenzju tibki d-dmugħ tal-imħabba.

It-talba tal-omm Alla ma jinsieha qatt. Ftakru f’Santa Monika. Aħna mhux ta’ b’xejn nagħmlu l-festa tagħha lejliet il-festa tat-tifel. Il-festa tat-tifel, Santu Wistin, nibdewha billi nfakkru d-dmugħ ta’ ommu għax kienet donna qisha l-ewwel magħmudija. Wistin l-ewwel tgħammed bid-dmugħ ta’ ommu, imbagħad bid-dmugħ tas-sagrament, bl-ilma tas-sagrament. Għax kien id-dmugħ ta’ ommu li kienet titlob għalih biex jikkonverti li wasslitu biex jiddeċiedi li jkun Nisrani, imbagħad il-Mulej riedu Isqof. Qabel ma mietet – din hija lezzjoni li naqraw dejjem fis-27 ta’ Awwissu fil-festa tagħha – dawn iż-żewġ ulieda qegħdin ħdejha u hi tgħidilhom: “issa naf li intom Insara, jiena qalbi mistrieħa għax rajtkom Insara”. U jgħidulha fejn: “mhux aħjar nieħduk id-dar fl-Afrika” għax hi mietet mhux il-bogħod minn Ruma, fuq ix-xatt ta’ Ruma, f’Ostia lejn Fiumicino, u tgħidilhom: “le, ftakruni biss waqt il-quddiesa, idfnuni fejn tridu, ftakru fija biss waqt il-quddiesa”. Dik kienet ix-xewqa tagħha.

Tant ommijiet oħrajn qaddisin kbar, li bħal Marija juru l-imħabba tagħhom fis-skiet imma l-imħabba tagħhom Alla la jistmerra u lanqas jinsieha. Għalhekk nixtieq li llum niftakru fl-ommijiet tagħna, b’mod speċjali dawk li forsi nkwetati ftit għal uliedhom, jew għandhom inkwiet ieħor minħabba s-saħħa, u nitolbu wkoll biex aħna nkunu tassew devoti ta’ Marija billi nixbħuha b’din l-imħabba silenzjuża u qawwija.

Jiena l-aħħar talba li nixtieq nagħmel lilkom u lill-Madonna tal-Mirakli, hija għat-tfajliet żgħażagħ. Kultant mhux għax mhux bilgħaqal, imma kultant moħħhom ma nafx fejn ikun jien, qed idumu naqra ma jinġabru mhux bħal fi żmienkom, ħa ngħiduha kif inhi. U jekk it-tfajla ma tinġabarx, jekk l-omm ma tinġabarax, mhux se jkollna familji miġbura. Jiena naf x’qed nitlob: din il-grazzja li t-tfajliet tagħna – orrajt ikunu moderni għaliex le? – jippreparaw għal-ħajja tax-xogħol, għaliex le? imma jibqgħu miġbura, jibqgħu miġbura. Għinuhom, kultant b’kelma, mhux bl-għajjat ta, għax malajr jintrefgħu – tgħallmuni intom – bil-kelma t-tajba, mara ma’ mara, omm ma’ bintha, ma jismagħkom ħadd, għax inkella nitilfuhom, paċenzja kbira. Anke z-zija jew parrina, inti parrina ta’ xi tifla, ta’ xi tfajla? Ħu ħsiebha, itlob għaliha, kellimha tù per tù b’umiltà kbira. Ħu paċenzja kbira, tgħid kelma minn waħda daħlet, mill-oħra sparatha ħarġet. Tibżax tgħid nofs ta’ kelma l-għada, basta ma ddejquhomx għax inkella ntajru kollox bil-mejda u l-artal.

Jien nitlob ħafna llum, b’mod speċjali nitlob lill-Madonna tal-Mirakli għat-tfajliet tagħna. Anke biex meta jkun hemm min jinngannhom, għax l-irġiel jgħidu ‘bandiera bajda’ u l-mara tibqa’ b’dak li jkun hemm, tifhmuni intom. Żball ma nsewwuhx bi żball ikbar. Imma jkollhom min jgħinhom, mhux min iwaddbilhom il-ġebel, taz-zekzik u tal-għarukażijiet, mhux dak għandhom bżonn. Għandhom bżonn min jifhimhom, min jagħdrihom, min jgħinhom, min iserrħilhom rashom, min jikkwiethom.

Dan nitolbu wkoll biex it-tfajliet tagħna jsibu dan l-ambjent fil-komunitajiet tagħna, mhux qlub iebsa, imma qlub li jifhmu. Ma ġara xejn, tfajla tiġi b’qalb maqsuma, l-ewwel ħafna love, love, love u San Valentino ’l hawn, u qlub ’l hawn u ’l hemm u roses, imbagħad tinxef ir-rose u jibqa’ x-xewk għax ix-xewka ma tinxef qatt. Il-fjura tinxef imma x-xewka tibqa tniggeż. U hekk il-ħajja. It-tfajliet tagħna għandhom bżonn isibu lil min ix-xewk irattabulhom bid-dmugħ tal-imħabba.

Fuq din il-Madonna għandha ħafna x’tgħidilna. Inmmaġinawha, immaġinawha taħt is-salib, qed tipprova tara Pietru fejn qiegħed, Pietru mhux hemm. Ġwanni biss, mhux tnax kienu dawn? Rawh jagħmel il-mirakli, bdejna minn Kana tal-Galilija, tlieta minnhom rawh sabiħ fuq it-Tabor raw dan kollu, fejn qegħdin? Wieħed biss, Ġwanni, x’aktarx l-iżjed żgħażugħ minnhom, il-maħbub tal-Mulej. Imbagħad wara tieħu paċenzja bihom, tkun magħhom fiċ-ċenaklu. Ma nimmaġinahiex qagħdet tgħid: “misskom tistħu, ċħadtuh, għaliex?” Magħhom titlob bħala omm biex jiġi fuqhom l-Ispirtu s-Santu. Kemm għandna x’nitgħallmu mill-Madonna. Mhux ġebel, jew bżieq u tgħajjir, imma l-paċenzja tal-imħabba.

✠ Charles J. Scicluna
Arċisqof ta’ Malta

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: