Home > Il-Papa Franġisku minn Dar Santa Marta > Jekk qalbna hija iebsa, aħna “Kattoliċi atei”

Jekk qalbna hija iebsa, aħna “Kattoliċi atei”


Il-Ħamis 23 ta’ Marzu 2017. Omelija tal-Papa Franġisku fid-Dar Santa Marta.

Jekk irridu nevitaw ir-riskju li qalbna tibbies, jeħtieġ nisimgħu l-Kelma t’Alla. Dan affermah il-Papa Franġisku dalgħodu waqt il-quddiesa fid-Dar Santa Marta. Meta nitbiegħdu minn Alla u nittarrxu għal Kelmtu, insiru Kattoliċi infidili jew saħansitra Kattoliċi atei.

 

Meta l-poplu ma jismax il-leħen ta’ Alla u jtih spallejh, fl-aħħar jispiċċa biex jitbiegħed minnu. Il-Papa Franġisku ħa spunt mill-ewwel qari tal-ġurnata meħud mill-Ktieb tal-Profeta Ġeremija biex jimmedita dwar is-smigħ tal-Kelma t’Alla.

Meta aħna ma niqfux biex nisimgħu l-leħen tal-Mulej, nispiċċaw biex nitbiegħdu minnu, intuh spallejna. U jekk ma nisimgħux leħnu, nibdew nisimgħu ilħna oħra.
Fl-aħħar nispiċċaw biex, tant inkunu għalaqna widnejna, li nittarrxu: nittarrxu għall-Kelma t’Alla.

Jekk illum nieqfu naħsbu ftit u nagħtu ħarsa fi qlubna, nintebħu kemm-il darba għalaqna widnejna, sirna torox. Meta poplu, komunità, u ngħidu wkoll komunità Kristjana, jagħlqu widnejhom u jsiru torox għall-Kelma tal-Mulej, jibdew ifittxu ilħna oħra, u jispiċċaw mal-idoli li d-dinja, il-mondanità, is-soċjetà qed joffrulna – jitbiegħdu minn Alla ħaj.

Meta aħna nitbiegħdu mill-Mulej, kompla l-Papa, qalbna tibbies. Meta ma nisimgħux, qalbna ssir aktar iebsa, aktar magħluqa fiha nfisha u titlef il-ħila li tirċievi. Allura tibda tgħix f’dik id-dinja, f’dik l-atmosfera, li ma tagħmlilhiex ġid, tibda tbegħedha minn Alla ftit kuljum.

In-nuqqas ta’ smigħ tal-Kelma t’Alla u l-qalb iebsa magħluqa fiha nfisha, issokta l-Papa, iwasslu biex dak li jkun ma jibqax fidil. L-ewwel qari jgħidilna: Il-fedeltà għebet. B’hekk insiru Kattoliċi infidili, Kattoliċi pagani jew, aktar ikrah minn hekk, Kattoliċi atei, għax nitilfu kull riferiment għall-imħabba t’Alla l-ħaj.

Meta ma nisimgħux, indawru spallejna, qalbna tibbies u nibdew mexjin fit-triq tal-infedeltà. Allura kif timtela din l-infedeltà?, staqsa l-Papa. Timtela bil-konfużjoni, ma tkunx taf fejn hu Alla jew fejn mhux, ma tibqax tiddistingwi bejn Alla u x-xitan.

Il-Papa rrefera għall-Vanġelu tal-lum u nnota li lil Ġesù li jagħmel il-mirakli, tant affarijiet sbieħ għas-salvazzjoni, u jagħmel lin-nies kuntenti u ferħanin, jgħidulu: ‘Dan qed jagħmlu bis-saħħa ta’ Belżebub. Dan iben ix-xitan.’

Din hi dawgħa, issokta l-Papa. Id-dawgħa hi l-aħħar kelma ta’ dil-mixja li tibda meta aħna nieqfu nisimgħu u qalbna tibbies. Twassalna għall-konfużjoni, tnessina l-fedeltà u fl-aħħar nispiċċaw nidgħu. Gwaj, żied jgħid, għal dak il-poplu li jinsa l-istagħġib tal-ewwel laqgħa ma’ Ġesù.

Kull wieħed u waħda minna llum, jista’ jistaqsi lilu nnifsu: Jien nieqaf nisma’ l-Kelma t’Alla, naqbad il-Bibbja f’idejja u nħalliha tkellimni? Qalbi bbieset? Tbegħidt mill-Mulej? Tlift il-fedeltà lejn il-Mulej u qed ngħix mal-idoli li toffrili l-mondanità tal-ħajja ta’ kuljum? Tlift il-ferħ tal-istagħġib tal-ewwel laqgħa tiegħi ma’ Ġesù?

Illum, temm il-Papa, hu l-jum it-tajjeb biex nisimgħu. Illum nisimgħu leħen il-Mulej, kif tlabna. La twebbsux qalbkom. Nitolbu dil-grazzja: il-grazzja li nisimgħu ħalli qalbna ma ssirx iebsa.

Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija.

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: