Il-Ħamis 30 ta’ Marzu 2017. Omelija tal-Papa Franġisku fid-Dar Santa Marta.
Noqogħdu attenti li ma niġrux wara fantasiji u idoli foloz għax Alla biss iħobbna bħal missier u jistenniena l-ħin kollu. Il-Papa Franġisku għamel din l-affermazzjoni dalgħodu waqt il-quddiesa fil-kappella tad-Dar Santa Marta, fil-Vatikan.
[youtube https://www.youtube.com/watch?v=3MKq3dQKkoQ&w=560&h=315%5D
Fir-riflessjoni li għamel dwar l-ewwel qari tal-Quddiesa meħud mill-ktieb tal-Eżodu, il-Papa Franġisku tkellem dwar l-imħabba t’Alla għall-poplu tiegħu, minkejja li dan ma baqax fidil.
Jagħmlilna tajjeb illum nistaqsu lilna nfusna jekk aħniex nitbiegħdu mill-Mulej biex niġru wara l-idoli u l-mondanità.
Alla kien ħolom bil-poplu tiegħu imma dan iddiżappuntah. Il-poplu huwa l-ħolma t’Alla li kien ħolom għax iħobb. Dak il-poplu ttradixxa lill-Missier u hekk Alla beda jħoss id-delużjoni, tant li jitlob lil Mosè jinżel minn fuq il-muntanja fejn kien jinsab biex jirċievi l-liġi.
Il-poplu ma kellux paċenzja jistenna lil Alla għal 40 jum biss. Għamlu għoġol tad-deheb, għamlu alla biex ikollhom biex jgħaddu ż-żmien u nsew lil Alla li kien salvahom.
Il-Profeta Baruk, fakkar il-Papa, għandu sentenza li lil dal-poplu tpinġih sew: Insejtu lil dak li rabbiekom.
Id-delużjoni ta’ Alla li ħalaqna, li kabbarna, li akkumpanjana matul ħajjitna, hi li ninsewh. Ħafna drabi fil-Vanġelu Ġesù jirrakkonta parabboli dwar ir-raġel li żera’ d-dwieli u mbagħad ifalli għax il-ħaddiema jridu l-għalqa għalihom. Qalb il-bniedem dejjem inkwieta minħabba f’dan .
Il-bniedem mhux sodisfatt b’Alla, bl-imħabba fidila. Qalb il-bniedem dejjem ixxaqleb lejn l-infedeltà. Din hi t-tentazzjoni.
Allura, permezz tal-profeta, Alla jċanfar lil dal-poplu li ma jipperseverax, ma jafx jistenna, tħassar, tbiegħed minn Alla veru u ħoloq għalih alla ieħor.
Din hi d-delużjoni ta’ Alla: l-infedeltà tal-poplu tiegħu. U aħna wkoll poplu t’Alla u nafu tajjeb kif inhi qalbna u kuljum irridu nerġgħu nibdew il-mixja biex naqra naqra ma nispiċċawx inqimu l-idoli, il-fantasiji, il-mondanità, l-infedeltà.
Naħseb, issokta l-Papa, li jagħmlilna tajjeb naħsbu fid-delużjoni tal-Mulej: ‘Għidli, Mulej, int deluż minħabba fija? Żgur li int minħabba xi ħaġa jew oħra.’ Imma jeħtiġilna naħsbu dwar dil-mistoqsija.
Alla, afferma l-Papa Franġisku, għandu qalb tenera, qalb ta’ missier. Ġesù kien beka fuq Ġerusalemm. Allura nistaqsu lilna nfusna: Alla jibki għalija, deluż minħabba fija, jien tbegħidt mill-Mulej? Kemm għandi idoli li m’għandix ħila nitbiegħed minnhom, li jagħmluni lsir?
Fina hemm din l-idolatrija… u Alla jibki minħabba fija.
Naħsbu ftit illum, temm il-Papa, f’din id-delużjoni ta’ Alla li ħalaqna għall-imħabba u aħna mmorru nfittxu l-imħabba, il-ġid, li ngħadduha tajjeb, xi mkien ieħor u mhux fl-imħabba tiegħu. Nitbiegħdu minn dan Alla li rabbiena.
Dan hu ħsieb tajjeb għar-Randan. Jagħmlilna tajjeb naħsbu dwaru kuljum, eżami tal-kuxjenza żgħir: ‘Mulej, int li ħlomt tant għalija, jien naf li tbegħidt minnek, imma urini fejn biex nerġa’ lura għandek.’
U s-sorpriża tkun li hu dejjem jistenniena, bħal missier l-iben il-ħali, li ra lil ibnu ġej mill-bogħod, għax kien qed jistennieh.
Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija.