Artemisia Gentileschi: Ġenju femminili

Print Friendly, PDF & Email

Patri Mario Attard OFM Cap

Id-designer tal-moda Ġermaniża, Jil Sander, qalet hekk: “Il-ħajja hi mimlija sfidi u sorpriżi”. U tassew! L-għaliex dawn il-ftit ħsibijiet, li illum nixtieq naqsam magħkom dwar Artemisia Gentileschi, kienu għalija ta’ sfida u sorpriża mill-kbar nett.

Xi ġimgħat ilu kelli x-xorti nara dokumentarju mill-isbaħ dwar Artemisia. Din il-mara straordinarja li, kif turina l-istorja tal-arti, kienet l-aktar pittriċi importanti taż-żmien Bikri Modern Ewropew, b’riħet l-eċċellenza ta’ xogħlha, l-oriġinalità li biha ittrattat suġġetti tradizzjonali fl-arti tagħha u anki n-numru kbir ta’ pitturi li pittret u li għadhom magħna, ilkoll ħarġu mill-ġenju tagħha. Artemisia kienet imfaħħra u immaqdra mill-opinjonisti kritiċi tal-arti ta’ żmienha. Filwaqt li kienet magħrufa bħala ġenju tal-arti madankollu, dawn l-opinjonisti, rawha bħala monstru minħabba l-fatt li qatt ma seta’ ikun li mara kienet qed tħaddem talent artistiku krejattiv bħal tagħha, f’dinja li kienet tappartjeni biss lill-irġiel. Minn dak iż-żmien, fil-kliem tal-magħrufa storika tal-arti li għamlet ħafna xogħol dwar Artemisia Gentileschi, Mary D. Garrard, Gentileschi “soffriet iżolament intellettwali li kważi ma jitwemminx għall-artista tal-kalibru tagħha”. Jalla dawn il-ftit ħsibijiet jippromovu aktar lil din l-artista ġganta femminili fl-istorja tal-pittura barokka tas-seklu sbatax!

Artemisia Gentileschi twieldet nhar it-8 ta’ Lulju, 1593, f’Ruma. Hija kabbret il-ħiliet artistiċi tagħha bil-għajnuna ta’ missierha, Orazio Gentileschi, li kien pittur. Orazio ġie influwenzat bil-kbir minn Michelangelo Merisi, jew kif nafuh aħjar bħala l-Caravaggio, li miegħu kellu ħbiberija qasira. Gentileschi tilfet lil ommha meta kellha biss 12-il sena. Wara din it-traġedja Artemisia kellha tgħaddi minn burraxka oħra. Ta’ 17-il sena ġiet stuprata minn wieħed mill-kollegi ta’ missierha, Agostino Tassi. Meta Tassi irrifjuta li jiżżewwiġha missierha fetaħ kawża legali kontrieh. Il-kawża ħadet ħafna xhur sakemm ġiet konkluża. Fl-aħħar Tassi spiċċa eżiljat minn Ruma. Madankollu s-sentenza qatt ma ġiet fis-seħħ.

Imbagħad Artemisia iżżewġet lill-pittur Fjorentin Pietro Antonio di Vicenzo Stiattesi. Ma’ żewġha l-ġdid marret toqgħod f’Firenze. Il-koppja kellhom bint. Għalkemm iż-żwieġ tagħhom ma kienx wieħed feliċi għal Artemisia kien ta’ pjattaforma biex tkun tista’ tirnexxi bħala artista.

Ġewwa Firenze Gentileschi kellha x-xorti, fost l-oħrajn, li jkollha l-patroċinju ta’ Cosimo de’ Medici, il-gran duka tat-Toscana. Aktar tard, fl-1627, ġiet ikkummisjonata mis-Sultan Filippu IV ta’ Spanja. Gentileschi seħħilha titħabbeb ma’ ħafna artisti, kittieba u ħassieba li kienu jgħixu fi żminijietha. Wieħed minnhom kien il-magħruf astronomu Galileo Galilei.

Minħabba li tħarrġet taħt missierha kien hemm dibattitu sħiħ fid-dinja artistika dwar min kien pitter l-ewlenin xogħlijiet tagħha. Ix-xogħol “Il-Madonna u l-Bambin”, li, bejn wieħed u ieħor, imur lura għas-sena 1609, huwa wieħed minn dawn ix-xogħlijiet li xi minn daqqiet ġie attribwit lil Artemisia filwaqt li drabi oħra kien attribwit ukoll lil missierha. L-ewwel xogħol artistiku li kien iffirmat personalment u datat minn Artemisia Gentileschi kien dak ta’ “Susanna max-Xjuħ”. Dan ix-xogħol kien mitmum madwar is-sena 1610. Din l-istorja bibblika tirrakkonta l-istorja ta’ Susanna li sfat itturmentata minn żewġt ixjuħ li, bil-qerq ta’ moħħhom, akkużawha li kienet wetqet adulterju. U dan l-għaliex ma qagħditx għax-xewqat żienja tagħhom. Ix-xogħol ta’ Gentileschi seħħlu jwassal dan il-konflitt b’mod tassew ħaj u rejalistiku.

Xi xogħlijiet oħra li għadhom magħna ta’ Gentileschi jiffukaw fuq protagonisti femminili. L-istorja ta’ Ġuditta toħroġ frekwenti fl-arti tagħha. Madwar is-sena 1611 Gentileschi temmet il-kwadru “Ġuditta taqta’ ras Oloferne”. Dan il-kwadru juri lil Ġuditta fl-att li issalva lill-poplu Lhudi billi toqtol lill-ġeneral Assirjan Oloferne. Il-kwadru juri fid-dettall din l-azzjoni brutali. Ġuditta qiegħdha tħanxar il-gerżuma ta’ Oloferne waqt li l-qaddejja tagħha qiegħdha iżżommu mal-art. Wara li temmet dan il-kwadru, madwar is-sena 1613, Gentileschi pittret “Ġuditta u l-Qaddejja tagħha”. Dan il-kwadru juri dawn iż-żewġ nisa wara l-mewta ta’ Oloferne. Il-qaddejja qiegħdha iżżomm basket li fih hemm ir-ras maqtugħa ta’ Oloferne.

Fl-1625 Gentileschi reġgħet daħlet mill-ġdid l-istorja ta’ Ġuditta fl-arti tagħha. Din id-darba permezz tal-kwadru “Ġuditta mal-Qaddejja tagħha u bir-Ras ta’ Oloferne”. Dan ix-xogħol juri sens ta’ periklu u misteru. Dawn iż-żewġ ħsibijiet huma mfissra bl-użu tad-dawl u tad-dellijiet. F’dan ix-xogħol Ġuditta u l-qaddejja tagħha qiegħdin jippruvaw jaħarbu mit-tinda ta’ Oloferne li spiċċa b’rasu maqtugħa. Ta’ min jgħid ukoll li Gentileschi ittrattat ukoll figuri oħrajn importanti mill-istorja u mill-mitoloġija. Fost dawn ix-xogħlijiet insibu dak ta’ “Minerva,” li jġib id-data tal-1615, u kif ukoll dak ta’ “Cleopatra,” li nħadem fl-1621 jew fl-1622.

Lejn l-aħħar snin ta’ ħajjitha, jiġifieri mill-1630 ‘il quddiem, Gentileschi nieżlet tgħix f’Napli. Madwar dan iż-żmien hija pittret wieħed mill-aktar kwadri magħrufa tagħha nnifsiha (self-portrait), li għandu bħala titlu “Self-Portrait bħala l-Allegorija tal-Pittura”. Ftit żmien wara, sewwasew fl-1635, Gentileschi temmet xogħol ieħor reliġjuż u li kellu bħala tema “It-Twelid ta’ San Ġwann il-Battista”.

Madwar is-sena 1639 Gentileschi marret l-Ingilterra biex taħsem ma’ missierha. Dan l-għaliex missierha kien imqabbad mis-Sultana Enrietta Marija, il-mara tas-Sultan Karlu I, biex ipitter sensiela ta’ pitturi għad-dar tagħha fi Greenwich. Gentileschi issuktat tpitter għall-bqija ta’ ħajjitha. Madankollu ħafna esperti tal-arti huma tal-fehma li l-krema tax-xogħlijiet tagħha ġew mitmuma fis-snin bikrija tal-karriera artistika tagħha.

Fil-lista tax-xogħlijiet maħduma b’tant artistrija minn Gentileschi nsibu prinċipalment dawn: Il-Verġni u l-Bambin (1609), Il-Madonna u l-Bambin (c. 1609), Il-Mara iddoqq il-Ċetra (c. 1609-1612), Susanna u x-Xjuħ (1610), Ġuditta tħanxar ras Oleferne (1612-1613), Ġuditta u l-Qaddejja tagħha (1612-1613), Ġuditta toqtol lil Oleferne (c. 1620), Allegorija tal-Inklinazzjoni (1615-16), Self-Portrait biċ-Ċetra (c.1615-1617), Maddalena il-Penitenta (c.1617-20), Lucretia (c.1621), Il-Portrait ta’ Gonfaloniere/Pietro Gentile (1622), Ġuditta u l-Qaddejja tagħha bir-Ras ta’ Oloferne (c.1625), Self-Portrait (c.1630) u Santa Cecilia (m’għandniex data ta’ dan ix-xogħol).

Artemisia mietet f’Napli x’aktarx fis-sena 1652. Mhux magħruf x’kienet il-kawża ta’ mewtha. B’xorti ħażina, il-ġuri tal-istupru, ħajjitha bħala artista mara li ma kinitx taqbel mal-mod ta’ ħajja ta’ żmienha u l-ħafna xogħlijiet tagħha ta’ nisa setgħana li qiegħdin kontinwament jissaraw kontra l-ħakma tal-irġiel żgur li ma niżżluhiex tajjeb mal-aristokrazija maskilista ta’ dawk iż-żminijiet. Ħafna mill-epitafji (jiġifieri frażijiet jew grupp ta’ kliem miktuba biex ifakkru persuna li kienet mietet, speċjalment kitba fuq xi lapida) li joffendu lil Artemisia ġew ippubblikati fl-1653. Wieħed minnhom jgħid hekk: “Billi npitter xbieha wara l-oħra/Ma qlajtx xi mertu fid-dinja/Filwaqt li biex niskolpi żewġt iqrejjen fuq ras żewġi/Neħħejt il-pinzell u ħadt minfloku l-furmatur”.

L-istoriku tal-arti, Charles Moffat, huwa tal-fehma li Artemisia setgħet għamlet suwiċidju. Dan minħabba li m’hemmx miktub x’setgħet kienet il-kawża ta’ mewtha. Madankollu kienet x’kienet il-kawża ta’ mewtha Artemisia tibqa’ mara speċjali. Fi żmien fejn il-ħakma tal-irġiel fid-dinja tal-arti kienet sħiħa hija seħħilha tikber u toktor. Artemisia tibqa’ ta’ ispirazzjoni mhux biss għall-qawwa tax-xogħol artistiku tagħha imma wkoll għall-ħila tagħha li tegħleb il-limiti u l-preġudizzji kontrieha ta’ żminijietha. Bħal kienet qalet hi: “Sakemm nibqa’ indum ħajja se jkolli l-kontroll fuqi nnifsi… Ikkontrolla, għix fit-tul eċċellenza. Jiena se nurik x’għandha l-ħila tagħmel mara”.

Artemisia Gentileschi: sfidi u sorpriżi. Mingħajr dubju, ġenju femminili!

One thought on “Artemisia Gentileschi: Ġenju femminili”

  1. Good morning Father, first of all I would like to thank you for your fail posts – always very interesting and enjoy reading everyone of them. Today I felt I was surprised to read about Artemisia Gentileschi. She is one of my favourite artists and a superb Baroque “Caravaggista”. Her play with”chiaro scuro” is (for me, of course) as good as Caravaggio’s. A true heir of the master who inspired her works! Once again, many thanks Father. Best regards Marie Therese Bonello

Leave a Reply

%d bloggers like this: