B’imħabbtu ġabhom demel!


Patri Mario Attard OFM Cap

Fil-Ġimgħa Mqaddsa naraw dmija, kolonna mċapsa bid-demm, kuruna tax-xewk, flaġell, imsiemer, lanza, lanterni u torċi, serduq, id, buqar, friskatur, xugaman b’wiċċ u bla wiċċ. Insomma … U tant sturmenti ta’ tortura.

U ta’ min? U lil min? Kieku tgħid li kien xi wieħed ta’ pezza kustjoni ngħidlek ma tantx jimporta. Għalkemm anki ta’ pezza kustjoni għandu jingħata ċ-ċans li jinbidel. Imma dan? Dan x’għamel? Dan taha s-smiegħ lit-torox, id-dawl lill-għomja, iddritta lill-milwijin, u, fuq kollox, ħafer lill-midinbin. Ħallini nerġa’ ndejqek, l-għaliex inħoss li għandi ndejqek. Anki jekk jien ukoll għandi xi nxomm taħt apti. Imma, bħad-Disma, dak li ngħidulu l-ħalliel it-tajjeb, ħallini ngħidlek għax b’hekk qed ngħid lili nnifsi: “Tagħna hija ġusta, tassew, għax qegħdin nieħdu li ħaqqna ta’ kull ma għamilna; imma dan ma għamel xejn ħażin” (Lq 23:41).

F’tagħna hemm problema. Għax aħna imnellħin. U kollha imnellħin. Min jilbes u min ma jilbisx. Imma Hu? Ma nafx x’fatta Hu. Meta Pietru ried juri x’jaf, ried jagħmilha tal-buli billi “ħareġ idu u silet is-sejf, darab lill-qaddej tal-qassis il-kbir u qatagħlu widintu” (Mt 26:51) malajr poġġieh f’postu. U ġabu … Meta qallu: “Erġa’ daħħal sejfek f’postu għax kull min jaqbad is-sejf, bis-sejf jinqered. Taħseb int li ma nistax nitlob lil Missieri u jibgħatli issa stess aktar minn tnax-il leġjun ta’ anġli? Iżda mbagħad kif isseħħ l-Iskrittura li tgħid li hekk għandu jsir?” (Mt 26:52-54).

Eh! Hekk mod ieħor! Mela kollox kien ippjanat! Kien jaf x’kien ġej għalih! Is-siegħa tiegħu kienet waslet. Dik is-siegħa li “jgħaddi minn din id-dinja għand il-Missier” (Ġw 13:1). Il-passaġġ tiegħu ma kellux ikun xi honeymoon. Le! Is-siegħa tiegħu kellha tkun waħda ta’ tbatija ħarxa. Ta’ għotja “f’idejn il-midinbin” (Mt 26:45). U x’tip ta’ midinbin kienu dawn? Dawn kienu nies li magħhom ma tiċċajtax. Qalb milli jidher ma kellhomx. Mhux fil-fatt l-għaliex ma kellhomx daqskemm kienu iva taħt it-treġija tax-xjaten.

U int taf tgħidli: “U ejja Patri! Teżaġerax!” Minix neżaġera sieħbi! Ħa nsemmagħlek naqra x’jgħid il-Profeta Iżaija.

“Wiċċu tħassar, donnu ma kienx bniedem, u s-sura tiegħu ma kontx tqisha ta’ bniedem … Ebda sura ma kellu, u ebda ġmiel biex inħarsu lejh, jew xi sura biex nitgħaxxqu bih. Kien imżeblaħ u mwarrab mill-bnedmin, bniedem li bata u kien jaf x’inhu l-mard, bħal wieħed li n-nies jaħbu wiċċhom minnu, bniedem imżeblaħ, u aħna xejn ma qisnieh…Ħaqruh, u hu qagħad għalihom bla biss ma fetaħ fommu; bħal ħaruf meħud għall-qatla, u bħal nagħġa mbikkma f’id min iġiżżha, ma fetaħx fommu. Bil-forza u l-ħaqq neħħewh; u min qagħad jaħseb fuq xortieh? Iva, qaċċtuh mill-art tal-ħajjin, minħabba fi dnub il-poplu tiegħi kien midrub. U tawh qabar mal-ħżiena, u ma’ l-għonja difnuh, għalkemm ma għamel ebda deni, u minn fommu ma ħareġ ebda qerq” (Is 52:14-53:2-3. 7-9).

Il-fundatur tar-Reliġjon Nisranija, minflok ma’ għamel xi kurċjata, inkella iġġieled kontra l-għedewwa tiegħu u serqilhom kulma kellhom, jew għafashom bit-taxxi sakemm ħadilhom kulma kellhom, mar u ta lilu nnifsu f’idejn l-għedewwa. Kos hux! Issa jew kien miġnun? Inkella kien xi ħaġa oħra? Alla magħmul bniedem?

Matul il-passjoni tiegħu kemm għajruh! Kemm qalgħulhu. B’li għandu u b’li m’għandux! Kemm sfidawh! Kemm tawh bil-ponn. U beżqulu! In-nemel juru snienhom mal-iljunfant! Tad-daħk hux! Imma hekk għamlu! L-għaliex f’sensihom ma kienux. Ix-xjaten ħaduhom. U tal-biża’ sieħbi meta l-ispirti ħżiena jieħdu over!

Imma hu kif rebħilhom? Meta ġie f’tiegħu mill-hangover ta’ dnubu Pietru kiteb hekk: “Meta għajjruh ma weġibx bit-tagħjir; meta bata ma heddidx imma ħalla f’idejn l-Imħallef ġust” (1 Pt 2:23). U fejn kienet il-ġustizzja f’dan kollu? “Missier, aħfrilhom, għax ma jafux x’inhuma jagħmlu” (Lq 23:34). “Mara, hawn hu ibnek” (Ġw 19:26). “Hawn hi ommok” (Ġw 19:27). “Illum tkun fil-Ġenna miegħi” (Lq 23:43).

“Kliem li ma nafux qiegħed nisma’” (S:81:6). Għax jien niħdar u nivvendika ruħi rrid! Imma dan il-kliem lili jagħtini ħafna paċi. U jimlieni b’fejqan kbir! U dan il-kliem se nħallieh imexxini f’ħajti… Ħafrilhom! Rebħilhom!… B’imħabbtu ġabhom demel!

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.