Home > L-Isqof ta' Għawdex Mario Grech > L-Imħabba “farfett”

L-Imħabba “farfett”


Il-Ġimgħa 25 ta’ Awwissu 2017. Omelija tal-Isqof ta’ Għawdex Mons. Mario Grech, fil-Manifestazzjoni Marjana Bajja ta’ Marsalforn, Għawdex.

Il-faqar materjali huwa ikrah, imma l-faqar tal-imħabba huwa wisq agħar. Dan il-faqar affettiv huwa deskritt tajjeb mis-soċjologu Zygmunt Bauman (1925-2017) meta jgħid li llum l-imħabba saret fluwida. L-imħabba saret qisha bħall-ilma li jaħarbilna minn idejna! Fi żminijietna l-bniedem irid iħobb, imma mingħajr ma jkollu rabtiet jew impenji. Ħafna jfittxu l-imħabba li tissodisfa l-emozzjonijiet – imħabba li sserraħ fuq il-ħass! L-imħabba saret tfisser gratifikazzjoni tal-pjaċir.

Fil-fatt, hemm min dsc06485-e1504251367551.jpg ixebbah din it-tip ta’ mħabba mal-Baci Perugina. Wieħed jieħu gost jiftaħ il-Baci li tkun imqartsa fis-smontor; imbagħad jeħla meta jtiegħem iċ-ċikkulata. Forsi wkoll toħroġlu xi demgħa minn għajnejh meta jaqra l-messaġġ konness mal-Baci. Imma f’ħakka t’għajn dak il-pjaċir jgħib! B’xorti ħażina għas-soċjetà tal-lum, l-imħabba toffri biss din ix-xorta ta’ esperjenza.

Minħabba f’hekk ir-relazzjonijiet saru wisq dgħajfin u ma nistagħġibx meta sikwit nisma’ b’relazzjonijiet li jixxellfu u saħansitra jsiru frak. Illum persuna tħobb sakemm tissodisfa l-bżonnijiet tagħha; ladarba tkun ħadet dak li riedet, l-imħabba tisparixxi. F’ċertu sens hemm ir-riskju li meta wieħed jgħid li jħobb lil xi ħadd, ikun irid ifisser li qiegħed iħossu tajjeb għax hemm xi ħadd iħobbu! Huwa fatt li għal ħafna l-affettività mhix frott ta’ konvinzjoni, imma ta’ konvenjenza, u għalhekk jibdlu l-bandieri ma’ kull riħ. Meta r-relazzjonijiet jiftaqru, ibati kulħadd. Mhux qed nitkellem biss dwar relazzjonijiet ta’ bejn il-miżżewġin, imma dwar kull xorta ta’ relazzjoni ta’ bejnietna f’kull qasam tal-ħajja – bejn il-ħbieb, fuq ix-xogħol, fl-attività kulturali, fl-isport, fil-politika, u l-bqija.

Waħda mill-kawżi għaliex l-imħabba saret fluwida hija d-dittatura tal-konsum. Illum il-ġurnata darrewna nibdlu u narmu mhux biss il-karozza, il-friġġ, il-ħwejjeġ jew il-mowbajl, imma saħansitra l-persuni! Kif illum, meta l-konsumatur jixtri oġġett, hu għandu d-dritt li jekk ma jkunx sodisfatt, jista’ jingħata lura credit note, hekk ukoll bdejna napplikaw dan id-dritt fil-konsum tal-imħabba – bħal ikkonvinċewna li anki f’relazzjoni ma’ persuna oħra, “il-konsumatur” għandu dritt jibdel u dritt għal credit note.

DSC06487

Imbagħad l-imħabba likwida hija sostnuta mill-komunikazzjoni teknoloġika. Il-midja soċjali mhux biss ikkaġunat soċjetà virtwali, imma wkoll imħabba effimera. Illum hemm relazzjonijiet affettivi li jibdew u jispiċċaw b’sms, b’chat, b’copy u paste fuq Facebook! Daqskemm jafu jkunu ta’ benefiċċju dawn l-għodod, daqstant ieħor jafu jkunu ta’ dannu! Hemm responsabbiltà morali u legali fl-użu ta’ dawn il-mezzi. Kif wieħed jaf jagħżel li daqqa jkun online u daqqa offline, iddakkarna biex anki fir-relazzjonijiet ta’ bejnietna xħin ifettlilna nkunu online u xħin jaqblilna nkunu offline!

L-imħabba likwida saret opportunità għad-dinja tan-negozju! In-negozjanti ntebħu li l-bniedem huwa appassjonat b’din l-imħabba “farfett” u għalhekk jippromovu attività varja biex jagħmlu l-qligħ billi jisfruttaw din id-dgħufija umana. Ftit ilu l-kumpanija Kanadiża Ashley Morison li tispeċjalizza f’servizzi biex tibda jew ittemm relazzjonijiet ta’ mħabba, saħansitra riedet tibda tiġi kkwotata fil-Borża ta’ Londra – daqshekk huwa b’saħħtu dan in-negozju! Attività oħra minn fuq dahar din l-imħabba sentimentali huma l-gentlemen’s clubs u l-prostituzzjoni organizzata. Illum il-prostituzzjoni mhix xi attività riservata għal ċerti żoni mwarrba, imma teżisti wkoll fl-abitat. F’dan il-kuntest jinteressani mhux biss l-aspett morali ta’ din l-imġiba, imma wkoll l-isfruttament tal-persuni.

Dan kollu jikkonferma kemm il-bniedem tal-lum huwa għatxan għal imħabba solida. L-Istat jista’ joffri servizzi soċjali u jiġġieled il-faqar materjali, imma ma jistax jindirizza dan il-kankru tal-imħabba likwida. Għandna bżonn ta’ xi ħadd li jħobbna tassew biex l-imħabba tiegħu tkun mera għalina.

Dan huwa l-kontribut li tagħti r-reliġjon Nisranija li hija msejsa fuq il-verità li Alla huwa mħabba. Alla tant ħabb lid-dinja li ta lil Ibnu l-waħdieni biex min jemmen fih ikollu l-ħajja. Ġesù mhux biss jagħtina l-kmandament tal-imħabba, imma jgħidilna wkoll biex inħobbu kif ħabbna hu. Kif jikteb San Pawl, “l-imħabba taf tistabar u tħenn; l-imħabba mhijiex għajjura, ma tintefaħx biha nfisha, ma titkabbarx fuq l-oħrajn; ma tagħmilx dak li mhux xieraq; ma tfittixx dak li hu tagħha, xejn ma tinkorla; ma żżommx f’qalbha għad-deni, ma tifraħx bl-inġustizzja, imma tifraħ bil-verità; kollox tagħder, kollox temmen, kollox tittama, kollox tissaporti. L-imħabba ma tintemm qatt” (1 Kor 13:4-8).

Nirrikonoxxi li fostna hawn persuni li jagħtuna eżempju ta’ kemm hija sabiħa l-imħabba solida. Għandi f’moħħi dawk il-koppji miżżewġa li baqgħu flimkien għomorhom minkejja diffikultajiet u sagrifiċċji. Dawn jikkonfermaw dak li jgħid Baumann: l-imħabba esklussiva mhix ħielsa mit-tbatija jew il-problemi – il-ferħ isibuh fl-impenn komuni biex jegħlbu dawn l-isfidi. Hemm persuni li minkejja li romlu, baqgħu leali lejn żwieġhom – jibqgħu jħobbu anki wara li l-mewt firdithom. Imbagħad hemm dawk il-persuni impenjati fil-volontarjat li jagħtu ruħhom għall-oħrajn. Dawn kollha huma “teżor” imprezzabbli!

Ħa tkun din il-Bxara t-tajba tal-imħabba l-mediċina kontra l-imħabba likwida.

Ritratti: Carmel Saliba

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: