Home > Aħbarijiet, L-Isqof ta' Għawdex Mario Grech > Nilqgħu fostna lin-Nunzju Appostoliku

Nilqgħu fostna lin-Nunzju Appostoliku


It-Tlieta, 5 ta’ Settembru 2017. Ittra lill-Poplu ta’ Alla tal-E.T. Mons. Mario Grech Isqof ta’ Għawdex

Għeżież,  Ftit ġimgħat ilu wasal f’pajjiżna n-Nunzju Appostoliku l-ġdid l-E.T. l-Arċisqof Mons. Alessandro D’Errico. Il-preżenza tan-Nunzju f’pajjiżna tgħinna nsaħħu r-rabtiet tagħna mal-Q.T. il-Papa Franġisku. Fi kliem il-Papa Franġisku, in-Nunzju Appostoliku huwa dak li jisma’ b’attenzjoni fejn tħabbat il-qalb tiegħu ta’ Ragħaj universali tal-Knisja, u jaħdem biex in-nifs tal-imħabba tal-Papa jasal fil-Knejjes kollha.

Permezz tal-ħidma diplomatika tiegħu, ikompli l-Papa, in-Nunzju jsir l-għajn attenta li permezz tagħha s-Suċċessur ta’ Pietru jista’ jżomm ħarstu fuq il-Knisja u fuq id-dinja (ara Franġisku, Diskors lill-Parteċipanti fil-Laqgħa tar-Rappreżentanti Pontifiċji, Sala Klementina, 17 ta’ Settembru 2016).

Dan l-aħħar in-Nunzju l-ġdid fisser ix-xewqa li jagħmel l-ewwel żjara uffiċjali fid-Djoċesi tagħna, nhar il-Ħamis li ġej, 7 ta’ Settembru.

L-ewwel attività f’din il-ġurnata ser tkun laqgħa miegħi, mal-Vigarju Ġenerali Mons. Tarcisio Camilleri u xi rappreżentanti mill-Kunsill Presbiterali, fejn ser issirlu preżentazzjoni tal-istrutturi pastorali tad-Djoċesi.

Waranofsinhar stedint lin-Nunzju jagħmel żjara lil Dar Arka f’Għajnsielem, biex jara “ġojjell” tal-Knisja f’Għawdex u japprezza l-ħidma li qed issir mal-persuni b’diżabbiltà. Huwa ser iżur ukoll Dar il-Ġublew tal-Ħniena, immexxija mill-Fondazzjoni Arka, fejn persuni b’diżabbiltà jgħixu ħajja indipendenti fil-komunità.

Ftit taż-żmien ilu kont għamilt appell lill-parroċċi tagħna biex jilqgħu u jsostnu familji ta’ persuni immigranti. Il-Parroċċi tan-Nadur u ta’ Għajnsielem laqgħu din l-istedina. In-Nunzju ser jiltaqa’ ma’ xi familji ta’ refuġjati li qed jiġu megħjuna mill-Knisja f’Għawdex.

Fis-6.00pm in-Nunzju ser jagħmel żjara privata fis-Santwarju għażiż tagħna tal-Madonna Ta’ Pinu.

Imbagħad fit-8.00pm in-Nunzju jmexxi quddiesa fil-Bażilika tax-Xagħra. Ser nikkonċelebraw miegħu jien, l-Isqof George Bugeja ofm, il-Kapitlu tax-Xagħra, u rappreżentanza tal-Kulleġġ tal-Kappillani.

Filwaqt li nqiegħed lin-Nunzju taħt il-ħarsien tal-Madonna Ta’ Pinu, nappella lill-poplu ta’ Alla fil-gżira għażiża tagħna biex iwieżen bit-talb lin-Nunzju D’Errico fil-bidu tal-missjoni tiegħu f’pajjiżna. Minn qalbi nistedinkom, flimkien mas-saċerdoti, reliġjużi u lajċi kkonsagrati, biex nieħdu sehem f’din il-quddiesa fil-Bażilika tal-Bambina, ix-Xagħra, nhar il-Ħamis li ġej fit 8.00pm.

Mogħtija mill-Kurja tal-Isqof, ir-Rabat, Għawdex, illum it-Tlieta 5 ta’ Settembru 2017, Tifkira liturġika ta’ Santa Tereża ta’ Kalkutta.

 + Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex

Ref: 56/2017

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: