Home > Minn Fr Michael Bugeja > Il-Qari tal-Quddiesa tal-Ħadd, l-1 ta’ Ottubru 2017

Il-Qari tal-Quddiesa tal-Ħadd, l-1 ta’ Ottubru 2017


Ħsieb minn Fr Michael Bugeja
Eżekjel 18, 25.28, Fil 2, 1-11 u Mt 21, 28-32

Dan ieħor li kellu żewġ ulied. Donnu Ġesù irid jaqsam lil dawk li għandu quddiemu fi tnejn. Mhux l-ewwel darba. L-iben il-ħali u ħuh kienu wkoll ulied l-istess missier. Fis-sinagoga daħlu l-publikan u l-fariżew. Meta tkellem fuq il-ġudizzju u l-proċedura li se tintuża jitkellem fuq nagħaġ u mogħoż. Quddiemu kellu lil dawk li jaħbsu li huma tajbin u lil dawk, li dawk li jaħsbu li huma tajbin huma ħżiena. Insomma aħna u l-oħrajn li mhumiex bħalna. Aħna li mmorru l-quddies u dawk li ma jmorrux. Il-kurrent u dawk li jeħduha kontrih. Il-firda ġustifikata tal-qaddisin. Jien il-ġenwin u jien il-kapriċċuż. Jien l-altruwista u jien l-egoista.

Għal Ġesù il-firda mhix ġustifikata u donna mhux biss tirritah, iżda tweġġgħu.

Għalhekk, f’din il-parabbola, sewwa sew kontra dik tal-iben il-ħali, l-iben iż-żgħir huwa dak li jidher qrib tal-missier. Il-fessudu. Mela le, qallu, arani sejjer. U mingħaih għalaqlu ħalqu. Fil-fatt ma mar xejn. Mingħalih għaddieh biż-żmien. Ma semax tgergir u qrid għax qal li mħeġġeġ biex imur. Fih hemm il-gidba, li mingħaliha tgħaddi biż-żmien, tqarraq, tgħatti x-xemx bl-għarbiel. Hija l-gidba, u allura nuqqas serju ta’ ġeniwità u sinċerità li twarrab għal kolox il-lejaltà. Hija l-gidba tal-ħafna wegħdi fl-entużjażmu tal-mument, fil-ħeġġa tal-bidu, fl-akkwist ta’ xewqa ta’ ksib. Hija l-gidba li fl-aħħar mill-aħħar tilludi u tiffrustra li min jistqarra u jgħixha. Ma ddumx attur għal żmien twil. Il-maskra ma’ wiċċek tibda tħossha tifgag. L-identità tiegħek tintilef fit-taparsi.

Il-kbir, huwa l-imqareb, ir-ribell, dak li jagħmel li jfettillu, li ma jisma’ minn ħadd u dejjem tgħaddi tiegħu. Iżda mbagħad, għal xi raġuni li Ġesù ma jgħidilnhiex, biddel il-fehma u mar. Jista’ jkun kien iktar matur u allura wara ftit ġie f’sensih, irraġuna u ddeċieda li jmur.

Ġesù lanqas jgħdilina x’għamel il-missier. Staqsa lill-qassisin il-kbar u lix-xjuħ tal-poplu: “Min minnhom it-tnejn għamel kif ried il-missier?” ma din il-mistoqsija tajjeb li nżidu dik li jagħmel Alla lill-poplu tiegħu llum fl-ewwel qari: Jien jew intom qed iġġibu ruħkom ħażin, jien li nsejjaħ jew int li tiddeċiedi li ma tweġibx jew li twieġeb kif jaqbillek?

Huma mistoqsijiet li ħerġin mill-qalb donnu b’dispjaċir. F’Eżekjel Alla li jħobb lill-bniedem juri sogħba meta l-bniedem jiddeċiedi li jagħmel li jfettillu u meta r-riżultat ma jogħġbux iwaħħal f’Alla; mhux int! Iżda tant iħobb u mxennaq għall-bniedem li jridu lura miegħu, anke jekk fl-aħħar mument. F’San Mattew il-mistoqsija hija differenti. Mhix mistoqsija dwar min għamel it-tajjeb, imma jekk it-tajjeb li sar hux dak li ried il-missier.

Huma żewġ mistoqsijiet marbutin ma’ xulxin imma llum indirizzati lilna. It-tajjeb li qed tagħmel huwa t-tajjeb kif tafu int jew it-tajjeb li jrid Alla minnek? Taħseb li l-effett tad-deċiżjonijiet tiegħek huwa tort tiegħek jew ta’ Alla?

Il-mod kif għandna nġibu ruħna jagħtiulna San Pawl fis-silta mill-Ittra tiegħu lill-kommunità ta’ Filippi (illum fil-Macedonia fil-Greċja):

Ħuti, jekk hemm fikom xi faraġ fi Kristu; jekk hemm xi kelma ta’ ħlewwa fl-imħabba; jekk hemm xi xirka fl-Ispirtu; jekk hemm xi ħniena u mogħdrija; kunu fehma waħda u mlewni bil-ferħ! Ħa jkollkom l-istess imħabba, u ruħ waħda u ħsieb wieħed.

Tagħmlu xejn b’pika ta’ partit, anqas għall-ftaħir fieragħ; imma kunu umli u kull wieħed minnkom iqis lill-ieħor aħjar minnu. Ħadd minnkom ma għandu jfittex li jaqbillu, imma li jaqbel lil ħaddieħor.

Aħsbu bħalma kien jaħseb Kristu Ġesù: hu li għad li kellu n-natura ta’ Alla, ma qagħadx ifittex tiegħu li hu daqs Alla, iżda xejjen lilu nnifsu billi ħa n-natura ta’ lsir; sar jixbah lill-bnedmin, u deher minn barra bħala bniedem; ċekken lilu nnifsu, billi obda sal-mewt, anzi sal-mewt tas-salib. Għalhekk Alla għollieh sas-smewwiet u żejnu bl-isem li hu fuq kull isem, biex fl-isem ta’ Ġesù – fis-sema, fl-art u f’qiegħ l-art – il-ħlejjaq kollha jinżlu għarkubbtejhom, u kull ilsien jistqarr: “Ġesù Kristu hu l-Mulej”, għall-glorja ta’ Alla l-Missier.

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: