Home > Minn Fr Michael Bugeja > L-Evanġelju tal-Ħamis, 26 ta’ Ottubru 2017

L-Evanġelju tal-Ħamis, 26 ta’ Ottubru 2017


Ħsieb minn Fr Michael Bugeja
Lq 12, 49-53

Meta din is-silta kienet tinqara’ mill-insara tal-ewwel komunitajiet l-Evanġelju kien ġa beda jixtered. Kien hemm ħafna lilaqgħuh u kien hemm ħafna iżjed li bdew jiddarsu għax kien hemm min jilqgħu. Ir-rejazzjoni għall-firxa tal-Evanġeju f’kull livell tas-soċjetajiet fl-ewwel snin tat-tixrid tiegħu ma kienetx sabiħa. Aħna mdorrijin wisq nirromanitiċiżżaw il-persekuzzjonijiet u dawkli ħarġu rebbieħa fihom. Ftit li xejn jgħaddilna minn moħħna s-sitwazzjonijiet reali fil-familji, fis-soċjetà, fil-qrati u fl-istituzzjonijiet ċivili tal-imperu ruman u l-provinċji tiegħu.

Ġesù jsemmi n-nar, in-nar li jsaffi u jnaddaf. In-nar, anke f’tixbihat li tuża l-Kelma ta’ Alla stess, huwa meħtieġ biex id-deheb u l-fidda jissaffew, u mhux mingħajr tbatija. In-nar jeqred dak li hu bla valur, dakli jtebba’, dak li jniġġes, jgħaddi mill-passatur tat-tbatija. It-tbatija ma jħosshiex biss min jinqered, it-tbatija jħossha u jħossha iżjed min jibqa’, min irid ikun imsoffi, imnaddaf. Ġesù nnifsu għadda mill-esperjenza tat-tbatija, tan-nar li jsaffi mhux mit-tinġis tiegħu iżda mill-imperfezzjonijiet tagħna. Hu sar il-vittma li tinħaraq biex nissaffew u nitnaddfu aħna. Għal dan kellu xewqa kbira, għal din il-ħeġġa wasslitu l-imħabba tiegħu.

Hawn min jaħseb, illum ukoll, li, meta tipprova tgħix l-Evanġelju u l-valuri li jwasslilna Ġesù fih, kollox se jibda jimxi fuq ir-rubini, bħal arloġġ svizzeru li rari jfalli sekonda. Hawn min jppriedka Evanġelju ta’ prosperità u jqarraq lil min jisimgħu għax Ġesù qatt ma wiegħed li kgħal min jemmen fih, kollox se jimxi ħarir. Hawn min jaħseb li se jkun stmat u pprivileġġjat għax għandu f’idejh l-imfietaħ tas-saltna tas-sema, se jkun mgħolli fuq l-idejn u jagħli u jdoqq kull ħorn li jsib biex jipprotesta meta dan ma jiġrix. Hawn min jgħid li l-Knisja tbiegħed in-nies minnha meta twassal il-verità, meta ġġib quddiem għajnejn il-bnedmin il-verità li teħles lil kull bniedem. Donnu hawn min ma jridx li l-bniedem ikun meħlus u jgħix ħieles.

Sakemm il-bniedem jibni daru fil-btieħi tal-ħżiena u l-qarrieqa, m’għandux għax jibża minnhom. Huwa malli jitħajjar joħroġ min-normalità tagħhom li jibda l-inkwiet. Il-qarrieq, f’kull qasam tal-ħajja, moħħu mistrieħ meta kulħadd huma miegħu, meta kulħadd marbut miegħu jew imċappas bħalu, iżda jaqbdu estru meta xi ħad djitħajjar jibdel it-triq u jibni daru ’l barra miż-żoni tal-qerq, meta jibda jfittex il-verità. Fit-tajjeb il-ħażin jara theddida, u jagħmel minn kollox biex ifixkel, igiddeb, jaħqar u jżeblaħ lil min ma jimxix id f’id miegħu. Jasal ukoll biex jeqirdu.

Għalhekk Ġesù jorbot tan-nar li jsaffi biex toħroġ il-verità mal-firda li sseħħ anke fl-iktar ambjenti intimi bħall-familja. Nistgħaġbu b’dan il-kliem ta’ Ġesù, nitkażaw bih? Jekk nistgħaġbu jew nitkażaw ifisser li aħna għomja u boloh u rridu nibqgħu hekk. Ma ninsewx li aħna wkoll niġġustifikaw il-qerq u l-ħażen, ma ninsewx li għalina l-ħażin hu ħażin mhux għax hu ħażin fih innifsu, imma skont min jagħmlu. Jekk nagħmlu jien mod, jekk jagħmlu ħaddieħor mod ieħor, jekk jagħmlu t-tali huwa ġid, jekk jagħmlu tali ieħor huwa ħsara. Il-bluha tal-bniedem tibqa’ tissorprendik dejjem.

M’hemmx għalfejn immorru ’l bogħod mill-għetiebi ta’ djarna biex, b’għajnejn ċari, naraw li l-firda li ġejja mill-ġustifiakzzjoni ta’ min iqarraq bina, saret il-ħobżna ta’ kuljum. Ma rridux wisq biex nintebħu li qed nogħxew bil-firda, bit-tgħajjir u bl-insulti, anke lil min qatt ma għamlilna ebda azzjoni ħażina biex neżaltaw il-kliem, il-wegħdi u l-għemil ta’ min jiddandan bil-qerq minn fuq dahrna. Bħall-imzazen nibilgħu kull ma jbellgħulna u naslu biex insiru nobgħodu anke lil min hu għażiż u min jixtieqilna l-ġid.

Esaġerat il-kliem ta’ Ġesù? Ejjew ma nidħkux iktar bina nfusna. Meta nidħku bina nfusna aħna stess, ħaddieħor se jsibha faċli ħafna jgħaddina biż-żmien.

Għaliex ngħidu li fil-għaqda hemm is-saħħa u, fl-istess nifs, jien u int infittxu dejjem u nagħmlu minn kollox biex issaltan il-firda?

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: