Home > Minn Fr Michael Bugeja > L-Evanġelju tal-Erbgħa, 8 ta’ Novembru 2017

L-Evanġelju tal-Erbgħa, 8 ta’ Novembru 2017


Ħsieb minn Fr Michael Bugeja

Lq 14, 25-33

Tidher stramba ħafna! Li Ġesù, li qal li l-ikbar kmandament huwa li tħobb lil Alla u lill-proxxmu, jgħid li ma tisatx tkun dixxiplu tiegħu jekk ma tobgħodx, tinstema stramba. Jekk l-imħabba hija l-aħbar it-tajba tiegħu, minnha għandhom ikunu esklużi l-ġenituri, il-mara, l-ulied u l-aħwa?

Ġesù qed jaqbad it-triq lejn Ġerusalemm. Simbolikament hija triq għat-tela’. Minn issa ’l quddiem Ġesù ma jitkellimx wisq b’mod ġenerali dwar id-dixxipulat, dwar l-għażliet li jrid jagħmel kullmin irid jisma’ u jagħmel ir-rieda ta’ Alla. Ġesù jidħol fid-dettalji tal-ħajja tad-dixxiplu, u jekk s’issa t-twissijiet tiegħu kienu dwar dak li hu bażiku, minn issa ’l quddiem juri xi tfisser tassew li tkun miegħu u jkollok sehem mill-ħajja tiegħu. Hija s-sejħa għall-ftit jew għal kulħadd?

Wieħed irid jifhem ukoll, għax il-kuntest hu mportanti biex il-messaġġ jinftiehem fl-aqwa tiegħu, li min qed jisma’ dan ir-rakkont diġa għaddej minn żmien li fih irid jagħmel għażliet serji ħafna, li fostna u fi żmienna, għad hawn min irid jagħmel ukoll. L-Evanġelju ta’ Luqa jidher li kien miktub lejn it-tmiem tal-ewwel seklu, meta kienet diġa seħħet il-persekuzzjoni fi żmien l-imperatur Neruni u bdiet isseħħ dik tal-imperatur Domitjanu. Kienu bdew u ħraxu l-persekuzzjonijiet. Bniedem seta’ jiġi mitlub jagħżel bejn ħajja u mewt, mhux għalih innifsu biss iżda wkoll għall-għeżież tiegħu. U għalhekk il-kliem ta’ Ġesù, li jidher li hu ndirizzat lill-irġiel dixxipli tiegħu, huwa iktar twissija li wieħed aħjar ma jkollux rabtiet familjari li jinfluwenzawlu l-għażla tiegħu minħabba r-responsabiltà tiegħu lejn il-membri tal-familja tiegħu.

Hu x’inhu l-każ, Ġesù juri li l-imħabba tad-dixxiplu trid tkun l-ewwel u qabel kollox lejh u min iħbb lilu l-ewwel u qabel kollox biss, jista’ jagħmel għażliet li jixbħu lil tiegħu. Kull rabta hija rabta; ir-rabta ma’ Ġesù biss hija dik li teħles u tagħti libertà assoluta biex wieħed jiddeċied dejjem skont ir-rieda ta’ Alla. U qiegħed jgħid dan biex wieħed iqis sewwa qabel jiddeċiedi li jgħix bħala dixxiplu ta’ Ġesù jew le. Bniedem avżat. Ġesù għal darb’oħra ma jgħaddi biż-żmien lil ħadd.

Biex ifisser dan Ġesù jġib żewġ eżempji. Fl-ewwel wieħed iqiegħdilna quddiemna xi ħadd li jrid jibni torri (probabilment tal-għassa f’xi għalqa, kif ġieli semma f’parabboli oħra). Min hu dak li jrid jibni torri u ma joqgħodx bilqiegħda biex jippjana, jara il-bini x’ifisser, kemm se jiswielu? Il-pjan mhux biss irid jidher sabiħ, iżda jrid ikun jista’ jitwettaq. Inkella jista’ jiġri, li wieħed ma jwassalx u minflok jibni torri tal-għassa, jkun qed jibni monument lill-bluha tiegħu, għax ikun beda u ma kompliex. Ma kellux riżorsi biżżejjed biex iwassal sat-tmiem. Hekk jiġrilu l-bniedem li, għaref kemm hu għaref, mhux għaqli, ma jafx jibdel l-għerf f’għaqal, hekk jista’ jiġrilu l-bniedem li jrid jibla’ kollox imma, għal xi raġuni jew oħra, jieqaf nofs leħja. Huwa bluha f’għajnejn kulħadd u huwa diżappunt għalih innifsu.

Fit-tieni eżempju Ġesù jsemmi sultan li jsib ruħu fi gwerra ma’ sultan ieħor. L-eżempju huwa differenti minn ta’ qablu. Il-gwerra mhix għażla, hija sitwazzjoni imposta fuq dan is-sultan, u barra minn hekk, m’għandhiex biss effett fuqu, iżda wkoll fuq eluf ta’ rġiel u l-familji tagħhom, effett fuq il-pajjiż kollu. Ġesù donnu jrid jgħid li d-deċiżjonijiet żbaljati minħabba nuqqas ta’ għaqal ma jaffettwawx biss lil min jeħodhom, iżda wkoll li dawk li jemmnu fih jew jobduh, dawk li jiddependu minnu. Minbarra l-falliment personali, is-sultan qed jilgħab bil-ħajja ta’ dawk li hu fir-responsabiltà li jmexxi u jieħu ħsieb.

Aħna nibdew kull proġett b’ħafna ħeġġa, iżda l-ħeġġa mhix biżżejjed u mhix għal dejjem. Fina jrid ikun hemm ir-rieda, l-għaqal u d-determiazzjoni. L-idejat sbieħ u l-ħolm huma mportanti, iżda biehom biss ma nagħmlu xejn. Barra minn hekk id-deċiżjonijiet li nieħdu jinfluwenzaw mhux biss lilna iżda lil ħafna oħrajn. Donnu sakemm ma jagħmlux ħsara lilna, ftit li xejn jimpurtana, iżda meta ħaddieħor jieħu deċiżjonijiet li jagħmlu ħsara lilna, nirraġunaw differenti.

L-għaqal qatt ma jagħmel ħsara. L-għaqal jagħmilna nies.

  1. Anonymous
    November 8, 2017 at 8:49 am

    Prosit ta’ din is site, Ideja tajbe hafna fif tigie trasmesa il kelma ta’ Alla.
    Keep it going.

  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: