Il-Ħadd, 24 ta’ Diċembru 2017: Ittra mill-E.T. Mons. Mario Grech lil Dun Ġamri Cauchi f’għeluq il-50 sena mill-ordinazzjoni saċerdotali tiegħu.
Ittra mill-E.T. Mons. Mario Grech
Għażiż Dun Ġamri,
Huwa ta’ ferħ kbir għalija li niċċelebra miegħek dan il-jum tal-50 anniversarju mill-ordinazzjoni presbiterali tiegħek. Il-ferħ tiegħi huwa wkoll dak tal-Knisja f’Għawdex li dakinhar offriet wieħed minn uliedha bħala saċerdot fil-missjoni, u 50 sena wara dan għadu qed jaqdi l-missjoni tiegħu b’tant ħeġġa, fedeltà, u sagrifiċċju.
Ftit ilu ġiet f’idejja s-santa tal-ordinazzjoni tiegħek, li inti kont bgħatt lill-qarib tiegħek l-Isqof Nikol Cauchi – li anki hu ftit xhur qabel kien irċieva l-ordinazzjoni episkopali. Il-frażi sempliċi li għażilt kienet din: “Para server ao povo de Deus Joȃo Marie Cauchi foi unido sacerdote” (“Biex jaqdi l-fqar ta’Alla, Ġamri Cauchi ġie midluk saċerdot”). Dan il-kliem impressjonani meta nqis kemm hu faċli għalina li ninsew l-għażliet, l-ideali, u l-proponimenti li nkunu għamilna fil-mument tal-għotja tagħna. Imma l-ideal tiegħek – minbarra li kien ċar – ma kienx biss fil-moħħ tiegħek imma f’qalbek. Ma kienx biss frott entużjażmu tal-mument jew ħolma taż-żgħożija, imma konvinzjoni li iddedikajt għaliha ħajtek.
Xħin nipprova nimmaġina f’dawn il-50 sena kemm rajt faqar, kemm iltqajt ma’ inġustizzji, kemm għażliet għamilt favur il-maħqur, kemm-il darba rbaħt il-biża u l-indifferenza u waqaft lis-setgħanin, kemm kellek tbati biex tgħaddi minn dan kollu… l-ewwel ħaġa li titnissel fil-qalb tiegħi hu r-radd ta’ ħajr lil Alla. Inrodd ħajr lil Alla mhux biss għax dan kollu seħħ, imma għax inti għixtu bħala saċerdot. Kienu ħafna dawk li – fiż-żminijiet meta inti kont saċerdot żagħżugħ – filwaqt li ntefgħu għal dawn l-isfidi, tħawwdu u ħallew is-saċerdozju. Inti bqajt sħiħ fil-fidi tiegħek u ma nsejtx li n-Nisrani ma jistax jiġġieled il-faqar u l-inġsutizzja jekk ma jkunx qrib il-Mulej. Fit-13 ta’ Diċembru 1973 ktibt hekk lill-Isqof Cauchi: “Nuqqasijiet, għażż, abbużi, it-talb magħmul bl-għaġla jew bla attenzjoni, dan kollu joqtol il-leħen ta’ Alla ġewwa fina”. Jalla nimitawk ilkoll f’din is-sensibilità spiritwali.
Issa li se tibda l-aħħar parti ta’ ħajtek, taqtax qalbek. Baqagħlek ħafna x’tagħtina u x’tgħallimna. Il-kuxjenza tiegħek tkun għalina ta’ għajn biex ma nħallux il-kuxjenza tagħna torqod quddiem kull xorta ta’ faqar. Il-preżenza tiegħek tkun ta’ għana kbira għall-Knisja tagħna, eżempju biex iqumu oħrajn fuq il-passi tiegħek.
Il-Mulej ibierkek,
Mario Grech
Isqof t’Għawdex