Il-Ġimgħa, 12 ta’ Jannar 2018: Biex jgħin fil-promozzjoni tal-vokazzjonijiet reliġjużi, il-Vatikan ippubblika dokument ta’ 50 paġna b’riflessjonijiet dwar l-importanza tal-ħajja, il-missjoni tal-evanġelizzazzjoni, il-fraternità u s-sagrifiċċji tar-reliġjużi.
Il-Kongregazzjoni għall-Istituti ta’ Ħajja Kkonsagrata u Soċjetajiet ta’ Ħajja Appostolika ħarġet id-dokument intitolat: “L-Identità u l-Missjoni tal-Brothers Reliġjużi fil-Knisja”.
Id-dokument hu ppubblikat f’ħames lingwi u għandu jservi bħala gwida għall-Knisja universali.
Fl-2008 il-Papa Benedittu XVI kien talab lill-Kongregazzjoni biex tipprepara abbozz li jenfasizza l-importanza tal-vokazzjoni ta’ brothers lajċi partikolarment minħabba “l-isfidi kbar li dawn iridu jiffaċċjaw fid-dinja tal-lum”.
L-Arċisqof Jose Rodriguez Carballo, Segretarju tal-Kongregazzjoni, qal li “waħda mir-raġunijiet għan-nuqqas ta’ vokazzjonijiet hi ċertu nuqqas ta’ attenzjoni min-naħa tal-Knisja stess għal dawn il-brothers li bilkemm jissemmew fid-dokumenti tal-Konċilju Vatikan II”.
Filwaqt li n-numru ta’ reliġjużi f’kull kategorija naqas fl-aħħar 50 sena, in-numru ta’ brothers naqas b’mod drastiku ħafna, u filwaqt li fl-1965 in-numru ta’ brothers kien ta’ 16,000 illum dawn huma biss 5,000.
L-Arċisqof Rodriguez qal li d-dokument hu maħsub biex juri l-importanza u l-ħtieġa ta’ aktar vokazzjonijiet fil-Knisja, b’mod speċjali vokazzjonijiet ta’ reliġjużi lajċi kemm irġiel kif ukoll nisa.
Hu ttamat li r-riflessjonijiet miġbura fid-dokument jgħinu lill-membri kollha tal-Knisja jifhmu aħjar u japprezzaw is-servizz tal-brothers reliġjużi, jgħinuhom u jiggwidawhom jgħixu din il-vokazzjoni b’ “awtentiċità u ferħ”.
Ħafna nies qed jesperjenzaw “għatx għall-ispiritwalità” u l-brothers reliġjużi, b’mod partikolari dawk li jgħixu f’komunitajiet monastiċi jew kontemplattivi, għandhom joffru lilhom infushom bħala gwida għal dawk li qed ifittxu li jifhmu aħjar din il-vokazzjoni.
“Illum aktar minn qatt qabel id-dinja għandha bżonn persuni kkonsagrati li mill-qalba tar-realtajiet soċjali u tal-ħajja umana, jagħtu xhieda tal-imħabba t’Alla”.
Il-brothers reliġjużi jistgħu jkunu l-profeti ta’ żminijietna f’dinja li qed tassisti għal tibdil soċjali kbir.
Rapport fuq Newsbook