L-Evanġelju tal-Ħadd, 18 ta’ Frar 2018


Ħsieb minn Fr Michael Bugeja
Ara l-qari kollu tal-quddiesa tal-lum: http://laikos.org/QQ/Qari_Quddies.php
Mk 1, 12-15

Xott xott, qasir qasir, Marku jagħtina bl-inqas dettalji possibli it-tiġrib ta’ Ġesù fid-deżert. Għalih, kienu x’kienu t-tentazzjonijiet mhux importanti; l-iktar ħaġa mportanti għalih huwa l-fatt li Ġesù mhux biss ħareġ mid-deżert qawwi u sħiħ, iżd aiktar determint li jxandar l-Evanġelju ta’ Alla.

Meta nħarsu lejn il-ġrajja tat-tiġrib ta’ Ġesù fid-deżert, naraw fiha tħejjija, sawm u penitenza u rebħa fuq it-tentazzjonijiet li jħejjuh għall-ministeru pubbliku tiegħu.

Iżd ajekk wieħed iħares sewwa naraw f’dawn l-erbgħin ġurnata, mument qawwi ta’ kriżi kif Ġesù jagħarf li wasal iż-żmien li jibda jwassal l-Evanġelju, l-Aħbar it-Tajba ta’ Alla. It-tentazzjonijiet u t-tirġib ta’ Ġesù ma waqfux fuq l-għatba tad-deżert, bħalma ma jieqfux it-tentazzjonijiet u t-tiġrib tagħna ma stadju wieħed ta’ ħajjitna. Wiċċ’imb’wiċċ mar-riżultati immedjati xejn sbieħ tax-xandir tal-indiema minn naħa tal-bniedem u l-ħniena minn naħa ta’ Alla, Ġesù jġoss il-bżonn li jieqaf. Fit-tentazzjonijiet tax-xitan li jsemmulna l-Evanġelji naraw il-konflitt intern, imqanqal mill-Ħażin, ta’ Ġesù.

Mat-tentazzjonijiet hemm marbuta l-emozzjonijiet, ir-raġunamenti, il-loġika tal-bniedem mibnija fuq l-esperjenza tal-imgħoddi tiegħu u ta’ oħrajn. Minn dak li jgħid Ġesù fix-xandir tal-kelma, jidher ċar li t-tentazzjonijiet u t-tiġrib li għadda minnhom fid-deżert baqgħu hemm, jiġru miegħu, kultant iwassluh fix-xifer tal-qtiegħ il-qalb. Dan poplu li ma jridx jisma’; dan poplu li jisma li jaqbillu, dan poplu li juża li jisma’ għall-kapriċċi tiegħu. Iridu sinjal spettakolari. Iridu jieklu u jfiqu b’xejn. Iridu s-setgħa fuq l-oħrajn minflok is-setgħa fuq qalbhom. Sa fuq is-salib ix-xitan, dakli jfixkel, jibqa’ jġarrbu; inżel minnhemm u nemmnu; għandu l-għatx u jisquh il-ħall, jaħfrilhom u jgħadduh biż-żmien.

Iżda il-konflitt ma jħarbatx ir-rieda ta’ Ġesù li jwassal l-Evanġelju. L-imħabba tnissel il-ħniena u l-ħniena twasslu biex jirbaħ il-qtiegħ ta’ qalb u jiftaħ għajnejn dawk li ma kienux jaraw. Il-qalb ta’ dan il-poplu xriefet u hu ried irattabha mill-ġdid.

Iż-żmien huwa mitmum. Xi żmien qed jitkellm dwaru? Alla kien wiegħed lil Noe li qatt u qatt iżjed ma jeqred l-umanità. Huwa ż-żmien li fih Alla jidher jikkastiga u jeqred lil min hu dgħajjef u jonqos u li jpatti għal erba’ ġenerazzjonijiet lil min jiżbalja. Intemm iż-żmien tat-tpattija u beda ż-żmien tal-ħniena għax it-tpattija tintemm fil-għotja fuq is-salib. Beda ż-żmien li fih il-bniedem jagħaraf li d-deċiżjonijiet li jieħu kemm wara l-konflitt u anke spirtu pront, iqarrbuh jew ibiegħduh minn Alla u minn ħutu.

Din hi l-bxara t-tajba. In-nisġa bejn l-imġieba tal-bniedem ma’ Alla u ma’ ħutu l-bnedmin. Hekk tinqala’ l-ħniena u hekk tingħata, hekk l-imħabba tinżel u tgħammar fil-qalb tal-bniedem. Ma tibqax vjaġġ f’direzzjoni waħda iżda jsir stil ta’ ħajja li li jgħaqqad u jmexxi lejn l-għaqda ma’ dak li għax ħabb nissel u ħalaq u għax iħobb jiġbed lil kulħadd lejh u jgħaqqdu miegħu.

Author: laikosblog

Blog tas-Segretarjat għal-Lajċi.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.