Min jaf jekk ħafirlix

Print Friendly, PDF & Email

Mill-Arċisqof Emeritu Monsinjur Paul Cremona OP.

Il-kultura tagħna Maltija dejjem kellha element reliġjuż marbut mal-fidi tagħna nisranija. Iżda t-tjubija tan-nies li fasslu din il-kultura mhux dejjem kienet tesprimi b’mod eżatt dak li aħna nsibu fil-Vanġeli. F’dawn ir-riflessjonijiet jien se nipprova naħseb fuq dan il-fatt. Nagħmilha ċar li jien mhux qed innaqqas mill-valur ta’ min fassalhom jew min jgħidhom, iżda biex kemm jista’ jkun nitkellmu skont il-Vanġelu.

Mgr Paul Cremona OPWieħed minn dawn il-frażijiet hija proprju din: “Min jaf jekk ħafirlix?”. Kultant tiltaqa’ ma’ nies li jibqgħu jkunu turmentati għal snin anki jekk stqarru l-ħtijiet tagħhom fis-sagrament tar-Rikonċiljazzjoni (il-Qrar).

Alla l-Missier tagħna wriena permezz ta’ Ibnu Ġesu’ Kristu x’jiġri verament meta niġu lura b’indiema mid-dnubiet tagħna. Spjegaha permezz tal-parabbola tal-Iben il-Ħali (Lq 15,11-24).

L-istorja nafuha. Li jinteressana hawnhekk l-iktar hija x’ġara meta l-Iben il-Ħali mar lura għand missieru. Ma setax imur lura kieku ma telaqx mill-post fejn kien waqa’ f’ħajja mtajra. Meta wasal lura sab lil missieru li kien qiegħed jistennih: kieku baqa’ fejn kien, missieru ma kienx ikun jista’ jgħinu mhux għax ma riedx, iżda għax ikun għadu ma ddeċidiex li jrid li missieru jgħannqu. Jista’ jgħannaqna biss meta nagħtuh il-permess aħna: ħalaqna b’rieda ħielsa.

L-ibrn kien qiegħed jinkwieta x’laqgħa se jkollu mingħand missieru. Iżda missieru, la darba ra lil ibnu ġie lura niedem, kien iktar kuntent li ġie lura għandu milli x’għamel meta kien bogħod. Ma taħx biss li jkun qaddej, iżda tah id-dinjita’ kollha li kellu qabel bħala Ibnu.

Hekk jagħmel magħna l-Mulej. Irrid nemmen f’din il-forma ta’ laqgħa, li mhijiex bħal tagħna l-bnedmuin li mhux dejjem naħfru. Irridu nbiddlu dik il-frażi “Min jaf jekk ħafirlix” kull darba li nerġa’ niftakar fid-dnubiet tiegħi mal-kliem: “Grazzi talli ħfirtli!”.

(p.s.: Jiena se nibda nagħtikom xi referenzi biex tkunu taqrawhom intom stess għalikom. Tajjeb li tkunu aktar qrib il-Kelma ta’ Alla fis-sbuħija tagħha!)

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

One thought on “Min jaf jekk ħafirlix”

Leave a Reply