L-Evanġelju tal-Ġimgħa 23 ta’ Frar 2018


Ħsieb minn Fr Michael Bugeja
Ara l-qari kollu tal-quddiesa tal-lum: http://www.laikos.org/QQ/Qari_Quddies.php
Mt 5, 20-26

Alla ta l-liġi lil Mosè u l-kittieba u l-fariżej ħaduhielu minn idu u għamluha tagħhom. Alla ta l-liġi lill-poplu Lhudi u l-poplu Lhudi ħa l-liġi u għamilha alla tiegħu; nisslu, welldu u rabbew l-idolatrija tal-liġi. L-ubbidjenza tal-liġi saret tiddefinixxi t-tjubija. Il-kelma li tnisslet mill-ispirtu qatlet l-ispirtu u ppretendiet li tgħajjex lil min inħalqet biex tiggwida. Meta l-ispirtu nqatel il-liġi ntemmilha l-għan u minflok għenet il-ħajja qatlitha. It-tjubija tal-kittieba u l-fariżej saret tiddependi minn kemm tidher l-osservanza tal-liġi u spiċċat tjubija li tqarraq għax turi dak li ma hux. Jekk it-tjubija tagħkom mhix ħafna aqwa minn tagħhom qed titħabtu għalxejn.

Smajtu xi ntqal. Imma jiena ngħidilkom.

Fejn jidhrilna u fejn naħsbu li jaqblilna, tiġri wisq madwarna u f’moħħna l-ideja li dak kollu li hu antik huwa tajjeb. Ħaġa ssir darba u tingħoġob; issir tradizzjoni, liġi mhux miktuba li għandha tkun osservata akkost ta’ kollox. Meta l-liġi jinqatlilha l-ispirtu tagħha ssir għodda f’idejn min irid jabbuża minnha biex jimmanipula l-ħajjiet tal-bnedmin u jagħmilhom dipendenti fuqu; jittrasferixxi d-dipendenza tal-bnedmin fuq Alla għal fuqu u hekk jibda jilgħabha ta’ Alla.

In-nies ta’ żmien Ġesù, bħal ħafna nies fi żmienna, qatt ma qraw il-liġi; semgħu x’inhi u semgħu dwarha mingħand dawk li kellhom l-awtorità jinterpretawha u jfissruha. Dawn dawruha f’mezz biex huma jogħlew u jitbaxxa min ta l-liġi għax ħabb. Meta mbagħad jaħsbu li għolew biżżejjed fit-torri tagħhom, iwarrbu lil Alla biex jidħlu minfloku u jiddeċiedu huma x’inhu t-tajjeb u x’inhu l-ħażin. Le, mhux kull ma sar jew intqal fl-imgħoddi huwa tajjeb. It-tajjeb trid tiskoprih mingħand dak li hu tajjeb għax iħobb u l-ħażin huwa dak kollu li mhux ġej mill-imħabba tiegħu. Kull definizzjoni jew interpretazzjoni tal-liġi li mhix imnebbħa minn dan l-ispirtu hija liġi li tifred, teqred u toqtol. Ir-riżultat qiegħed quddiemna anke jekk niċħduh u nippruvaw ninjorawh.

Jiena ngħidilkom. Ġesù jieħu f’idjeh lura dak li kien tiegħu sa mill-bidu u l-bnedmin bla skrupklu ħadulu minn idejh. Jiena Alla li qed nurikom x’inhu l-ispirtu tal-liġi u dan għandu jkun osservat mhux dak li jidher minn barra. Il-kittieba u l-fariżej jgħidulkom la toqtlux imma mabgħad jippermettu kull xorta ta’ rabja, mibgħeda, korla, irawmu l-firda u jsaħħu l-argumentazzjoni mibnija fuq in-nuqqas ta’ tagħrif jew it-tagħwwiġ tal-verità; jinsulentaw l-intelliġenza u joqtlu t-tama billi jherru l-fiduċja li l-bniedem għandu jkollu fih innifsu. Il-kundanna tagħhom hija iebsa ħafna. Iżda r-riżultat tal-ħsieb u l-għemil tagħhom jinħass minn issa. Il-kilba għas-setgħa fuq bnedmin oħra li twassal għall-attentat biex jixxejjen kullmin inqisu kontra tiegħi, jimla lil ruħi bil-frustrazzjoni u jeqred minn ġo fija l-paċi miegħi innifsi. Jibda minn issa għalija n-nar tal-infern.

Għal Ġesù hija l-attitudni tal-qalb li tiddefinixxi t-tjubija, għax hija dik li twassalni għall-perfezzjoni. L-osservanza tal-liġi turini bħala bniedem li ma niksirx il-liġi imma ma tagħtinix il-paċi, ma twassalnix għas-serenità, ma tagħmilnix qaddis.

Li ntella’ l-offerta hija liġi, hija obbligu. Imma hemm obbligu aqwa: li nkun fis-sliem ma’ ħija, anke jekk naqasni hu, anke jekk għandu kontrija hu. Is-supremazija mhhi f’li jien inkun aqwa minn ħija imma li nkun fis-sliem miegħu. Inkella kull ma nagħżel, isirli żuf.

Author: laikosblog

Blog tas-Segretarjat għal-Lajċi.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.