Home > Minn Angelo Xuereb > Ġesù huwa d-Dawl

Ġesù huwa d-Dawl


Kitba ta’ Angelo Xuereb – L-Għid jurina li Kristu huwa d-dawl. Huwa rebaħ id-dlamijiet tad-dnub u tal-mewt.

Il-Blandun

L-ewwel parti taċ-ċelebrazzjoni tal-Vġili tal-Għid hija l-mixegħla tad-dawl. L-ewwel jinxtegħel il-blandun minn ħuġġiega li tkun tqabbdet apposta. Imbagħad minnu jinxtegħlu l-xemgħat ta’ kull persuna li jkun hemm fil-knisja. Il-mixegħla tal-blandun, tax-xemgħat u tad-dawl fil-Knisja huma simbolu ta’ realta mill-iżjed profonda.

Ifissru li Kristu huwa d-dawl. Nirriflettu ftit. L-ewwelnett Kristu huwa d-dawl għax huwa t-tieni persuna tat-Trinita Qaddisa li ġie fostna l-bnedmin biex idawwalna billi jgħallimna u jifdina mid-dnub. Fil-prologu ta’ San Ġwann jiġifieri fid-daħla ta’ dan l-Evanġelju nsibu miktub: “Kien id-dawl tassew, li jdawwal kull bniedem sa jiġi fid-dinja” (Ġw 1, 9).

Kien Ġesù nnifsu li stqarr: “Jien hu d-dawl tad-dinja; min jimxi warajja ma jimxix fid-dlam, imma jkollu d-dawl tal-ħajja” (Ġw 8, 12). Insibu l-miraklu fejn Kristu ta d-dawl lil wieħed li kien agħma mit-twelid.

Kristu huwa d-dawl
Forsi wieħed jistaqsi: “Kif Kristu huwa d-dawl?”. L-ewwelnett Kristu dawwalna bil-miġja tiegħu fid-dinja. Ħabbar l-Evanġelju kif ukoll miet għalina l-bnedmin fuq il-Kalvarju. Waqqaf ukoll il-Knisja li tibqa’ xxandru sa meta jerġa’ jiġi fil-glorja.

Għalhekk meta aħna nimxu fit-triq li fasslilna Ġesù, ma nkunux nimxu fid-dlam iżda fid-dawl. Forsi ħafna jitqarrqu li d-dawl ta’ Kristu jikkonsisti f’ħajja mingħajr salib. Min jaħseb dan ikun qiegħed jitqarraq. Kristu ma qalilniex li min jimxi warajh ser ikollu ħajja mingħajr tbatijiet u mingħajr salib. Anzi huwa stess kien li qalilna: “Min jimxi warajja jerfa’ salibu kuljum u jimxi warajja” (Mk 8, 34). Iżda min jimxi fid-dawl ta’ Kristu, fit-tbatijiet tiegħu ser isib il-faraġ kbir. Ikun jerfa’ l-piż tiegħu ma’ Kristu, fi Kristu u bi Kristu. U hekk is-salib jeħfief.

Kristu huwa d-dawl li jħeġġeġ dejjem
Min jaċċetta d-dawl ta’ Kristu fih żgur li ma huwiex ser joħroġ diżappuntat. Jibqa’ jħobbna dejjem. Anki jekk ma niftakrux fih fit-talb huwa xorta waħda jħabbat il-bieb ta’ qalbna. Lanqas ma huwa ser jabbanduna. Jekk nitbiegħdu minnu dan ikun tort tagħna u mhux tiegħu. U anki meta nidinbu huwa jkompli jfittixna u jiġri warajna bħalma naraw fl-Evanġelju li r-ragħaj iħalli d-disgħa u disgħin nagħġa biex ifittex lil dik il-mitlufa.

L-Għid jurina li Kristu huwa d-dawl
Jekk inqallbu l-Evanġelji u naqraw dwar il-passjoni u l-mewt ta’ Kristu naraw li meta miet fuq is-salib l-għedewwa tiegħu ħasbu li għamlu rebħa. Ħasbu li issa kien spiċċa u l-messaġġ tiegħu kien ser jintesa. Iżda żbaljaw. Fit-tielet jum Sidna Ġesù Kristu qam rebbieħ u glorjuż biex ma jmutx aktar. Rebaħ fuq id-dnub u fuq il-mewt.

Din ir-rebħa ta’ Kristu ma hijiex biss għalih iżda wkoll għalina. Ir-rebħa ta’ Kristu tagħtina garanzija li huwa d-dawl tassew. Jekk naraw l-istorja ta’ l-umanità naraw li bosta persuni għamlu ħwejjeġ kbar u ta’ min jammirahom għalihom. Iżda ħadd minnhom ma qam mill-mewt bis-saħħa tiegħu nnifsu kif għamel Kristu.

L-Għid inissel tama
Din ir-rebħa ta’ Kristu fuq il-mewt tagħmlilna kuraġġ. Meta nsibuha diffiċċli li nimxu wara t-tagħlim ta’ Kristu, ma ninsewx li min jimxi fid-dawl tiegħu ser isib is-serħan tal-qalb. Id-dawl ta’ Kristu jibqa’ jiddi avolja aħna forsi niddubitaw minnu.

U d-dawl ta’ Kristu għandu qawwa u forza li ħadd fid-dinja ma għandu bħalha. U meta l-ħajja tal-bniedem tkun ser tispiċċa, id-dawl ta’ Kristu biss għandu l-ħila li jakkompanjaha għall-ħajja eterna. Huwa li rebaħ il-mewt għandu l-qawwa biex mewtna ma tkunx pass fid-dlam iżda b’tama ta’ qawmien permezz tiegħu.

Kristu jiddi permezz tagħna
Meta nitkellmu fuq id-dawl ta’ Kristu ma għandniex ninsew li għalkemm Alla ma għandu bżonn ta’ ħadd u ta’ xejn jrid li aħna nkunu xhieda għad-dawl ta’ Kristu fid-dinja. Bħal Ġwanni l-Battista aħna msejħa biex inwittu t-triq għall-Mulej. Kif fiċ-ċerimonja ta’ Sibt il-Għid aktar ma jintegħlu xemgħat aktar ikun hemm hemm dija, hekk aktar ma nagħtu xhieda għal Kristu aktar is-saltna ta’ Alla tinxtered.

Categories: Minn Angelo Xuereb
  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

w

Connecting to %s

%d bloggers like this: