Mill-Arċisqof Emeritus Pawlu Cremona OP
L-istorja ta’ Adam u Eva kien il-mod kif Alla l-Imbierek wasslilna ħafna tagħlim li għandu bniedem, ragel u mara, li Alla ħalaq xbieha tiegħu. Insibu wkoll tagħlim fuq il-pjan ta’ Alla għaż-żwieg bejn raġel u mara u l-familja li toħroġ mill-imħabba għal dejjem ta’ bejniethom, li ssir bejta fejn jistgħu jitwieldu l-ulied li jibgħat Alla.
Meta dinbu huma stħaw u staħbew għalhekk Alla ma setax iħares f’għajnejhom u jimlihom bid-divinita’ tiegħu. Il-mod kif Alla ħall din il-problema kienet li bagħat lil Ibnu bħala bniedem, biex hekk il-bnedmin ikunu mimlija bid-divinita’. Il-Madonna kienet dik li minn fostna l-bnedmin tat il-permess lil Alla l-Missier jibgħat lil Ibnu u biex jieħu l-ġisem permezz tagħha. It-tweġiba tagħha kienet: “Jiena l-qaddejja tal-Mulej. Ħa jsir minni skont kelmtek”. U dak il-mument l-Iben t’Alla beda jgħix bħala bniedem fil-ġuf ta’ Sidtna Marija.
Iżda għal Alla l-Missier anki dan ma kienx biżżejjed. Hu ried li l-Iben tiegħu jidħol f’kull persuna li tkun tixtiequ, tħejji ruħha u tħalli lil Ġesu jidħol ġewwa fiha.
Din hija l-Ewkaristija . Huwa l-mod kif id-divinita’ tidħol fina permezz tal-Ġisem u d-Demm ta’ Sidna Ġesu’ Kristu. Dan huwa l-pjan mimli mħabba li fassal Alla l-Missier permezz ta’ Sidna Ġesu’ Kristu u jitwettaq kull darba li nirċievu l-Ewkaristija. Għalhekk it-tqarbin m’għandux ikun darba fil-bogħod iżda parti mill-mixja tagħna spiritwali lejn Alla l-Missier permezz ta’ Sidna Ġesu’ Kristu..
L-aħħar Ċena
L-ewwel rakkont li għandna tal-Ewkaristija hija dik tal-aħħar Ċena (Mt 26,17-29). Hemmhekk għandna xena ta’ dgħufija. Ġesu’ żgur li kien imbeżża’: meta marru fil-Ġnien tal-Ġetsemani ftit ħin wara huwa għamel dik it-talba lil-Missier: “Abba’ Missier, kollox jista’ jkun għalik; biegħed minni dan il-kalċi! Iżda mhux li rrid jien, iżda li trid int” (Mk 14,36). L-appostli ftit wara ħallewh waħdu: Ġuda ttradih, Pietru ċaħdu tlett darbiet (Mk 14,17-31).
Iżda Ġesu’ ried jagħmlilhom din l-Ikla biex jagħtihom kuraġġ: xtaq li jagħmel din l-aħħar ikla magħhom bħala turija tal-imħabba tiegħu lejhom. Bħala sinjal ta’ dak li ġie għalih, mhux biex ikun moqdi, iżda biex jaqdi. huwa ħaslilhom riġlejhom (Ġw 13,1-15). Forsi Pietru biss fehem biżżejjed it-tifsira kbira ta’ dan l-għemil, li l-Imgħallem kien qed jitbaxxa quddiemhom. Għalhekk ma riedx li Ġesu jaħsillu riġlejh.
Hawn għandna l-ewwel tifsira li rridu naraw fl-Ewkaristija. Hija l-Ewkaristija li ssaħħaħna fit-tbatijiet tagħna. Iżda hija wkoll l-Ewkaristija li turina l-umilta’ ta’ Ġesu. Ftit wara raw lil Ġesu’ fuq is-Salib. Ma ħax mewta faċli, fil-kumdita’. Ħa mewta ħarxa bit-tbatijiet, biex ikun magħna fit-tbatijiet tagħna. Miet ta’ eta’ żgħira għax hi din il-mewt li l-aktar taħsadna, ta’ xi ħadd żgħir. Miet quddiem ommu biex jingħaqad ma’ dawk l-ommijiet – u l-missirijiet – kollha li jsofru l-mewt ta’ xi ħadd minn uliedhom. Is-Salib li niftakru fih f’din l-Ewkaristija sar wirja tal-ikbar imħabba.
L-Ewkaristija tal-Qawmien ta’ Ġesu’
IL-Mulej ġie fostna bies jurina dak li Alla l-Missier ħejja għalina: is-Saltna tas-Sema. Ħejja l-appostli għal din il-bxara t-tajba billi kemm il-darba semmielhom mhux biss li kellu jbati u jmut, iżda wkoll li kellu jirxoxta. Biex jgħinhom, fuq il-muntanja Tabor inbidel quddiemhom u wera lilu nnifsu fil-glorja tiegħu (Mk 9,2-8).
Iżda b’diżappunt kbir tiegħu, ħadd ma emmen fil-qawmien tiegħu. Anki dawk in-nisa li kienu ħdejn is-salib, tant ma emmnux li l-Ħadd filgħodu marru jidilku lill-ġisem tiegħu (Mk 16,1-8).Meta ra li ma emmnux, kellu bil-paċenzja kollha jgħinhom biex jemmnu, issa billi jarawh u jmissuh.Id-dehriet tiegħu ma kienx xi privileġġ iżda att ta’ ħniena biex jgħinhom fin-nuqqas ta’ fidi tagħhom. L-ewwel deher hu, rxoxtat, lil Marija Maddalena (Mk 16,9-11), u mbagħad lill-appostli. Dam erbgħin jum magħhom sakemm fl-aħħar mar għand il-Missier.
Iżda biex igħinhom iktar, deher lil żewġ dixxipli li kienu sejrin Għemmaws (Lq 24,13-35). Ma kenux emmnu li hu qam. Baqa’ miexi biċċa triq magħhom, l-ewwel spjegalhom il-Kelma ta’ Alla. Daħal magħhom, fuq stedina tagħhom. “U waqt li kien fuq il-mejda magħhom, qabad il-ħobż, qal il-barka, qasmu u tahulhom”. Jista’ jkun li ftakru dak li qalulhom l-appostli li għamel Ġesu’ fl-aħħar Ċena.
Iżda din kienet rivelazzjoni ġdida. Huma reġgħu marru Ġerusalemm u qalu lill-appostli: “U huma tarrfulhom x’kien ġralhom fit-triq, kif kienu għarfuh fil-qsim tal-ħobż”. (Lq 24, 28-35). Fl-Ewkaristija rridu naraw lil Kristu Rxoxt: Kieku ma rxuxtax kif jista’ jagħtina l-ħajja?