Ġimgħa ta’ Sagrifiċċju 2018


Il-Ħamis, Bħal snin oħra, is‑Segretarjat Assistenza Soċjali tal‑Azzjoni Kattolika se jorganizza “Ġimgħa ta’ Sagrifiċċju” minn nhar il‑Ġimgħa tad‑Duluri sal‑Ġimgħa l‑Kbira, jiġifieri bejn it‑23 u t‑30 ta’ Marzu 2018 bit‑tema: “ĠUSTIZZJA B’IMĦABBA”

ass-soc.jpgGħal dan l‑iskop, matul id‑dati msemmija hawn fuq, f’kull knisja fl‑Arċidjoċesi għandhom jitqiegħdu kaxxi bil‑kitba “Ġimgħa ta’ Sagrifiċċju”, biex nitfgħu fihom l‑offerti tagħna.

Bis‑saħħa tal‑offerti ġenerużi tagħna, speċjalment matul il‑Ġimgħa tas‑Sagrifiċċju, fis‑snin li għaddew is‑Segretarjat Assistenza Soċjali tal‑Azzjoni Kattolika kompla jiżviluppa l‑ħidma tiegħu, u għen materjalment ħafna individwi u familji fil‑parroċċi. Ħarreġ ukoll persuni u saħħaħ l‑organizzazzjoni tiegħu biex jingħata servizz kemm jista’ jkun wiesa’ lil ħutna li jeħtieġu diversi forom ta’ għajnuna.

Bl‑għajnuna ġeneruża li nagħtu lil dawn il‑ħidmiet ta’ karità li aħna, bħala Knisja, qegħdin inżommu f’Malta, inkunu qegħdin naqdu lil Kristu Ġesù f’ħutna li jinsabu fil‑bżonn. Fl‑istess ħin inkunu nfissru l‑apprezzament tagħna lejn dawk li jmexxu dawn il‑ħidmiet jew jaħdmu fihom bil‑qalb u b’sagrifiċċju bħala volontiera jew impjegati. Il‑Mulej ibierek u jippremja kull sagrifiċċju li nagħmlu biex infissru b’mod prattiku l‑imħabba tagħna.

Published by

laikosblog

Blog tas-Segretarjat għal-Lajċi.