Il-familja hija l-vera ċentru tas-soċjetà … Aħna se nkomplu fejn inti bdejt – L-Arċisqof fil-funeral ta’ Mons. Charles Vella


Il-Ħamis, 22 ta’ Marzu 2018: L-Arċisqof J. Scicluna qaddes il-Quddiesa tal-funeral ta’ Mons. Charles Vella, fundatur tal-Moviment Ta’ Kana.

389332-740xNone

 

L-omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna – Fil-Knisja Parrokkjali ta’ San Girgor, Tas-Sliema

Il-Profeta Ġeremija, li fil-kitba tiegħu fl-Ewwel Qari smajna profezija qawwija, jipprova jfiehem lill-poplu kemm hi importanti l-fedeltà lejn Alla. Bħal ħafna profeti jilmenta li għalkemm il-poplu f’Alla biss sab ħellies, liberatur u redentur, l-istorja tagħhom kienet ukoll immarkata bil-ksur tal-patt: ‘Ħriġtkom mill-art tal-Eġittu, ksirtu l-patt tiegħi’ (ara Ġer 31, 32). Hu jipprova jispjega t-traġedja ta’ din il-verità u jgħid: “Jien kont l-għarus tagħkom”. Imma ma jieqafx hemm. Il-profeta jrid jinsisti li għandu wkoll profezija ta’ ħelsien mill-ġdid, ta’ ħelsien li jibda mill-qabar. “Inqiegħed il-liġi tiegħi fosthom u niktibha f’qalbhom; u jiena nkun Alla tagħhom, u huma jkunu l-poplu tiegħi” (Ġer 31, 33).

Jekk hemm konvinzjoni li mexxiet lil Dun Charles Vella matul is-saċerdozju tiegħu, meta fostna ħadem f’diversi oqsma tas-soċjetà, b’ħarsa tassew fit-tul u profetika, kienet din: li aħna poplu li l-għeruq u l-glorja tagħna huma li nkunu l-poplu ta’ Alla u li nagħmlu lilna nfusna bħala konsagrati lilu. Hu kien jemmen li l-Mulej hu l-għarus tal-poplu tiegħu; kien jemmen ukoll fil-fidi tal-Knisja, li fir-rabta tal-mara u r-raġel fis-sagrament imqaddes taż-żwieġ, hemm it-tifsira profonda tal-għaqda dejjiema bejn Alla li jsejjaħ lilu nnifsu ‘għarus’ u l-Knisja li tissejjaħ ‘l-għarusa’.

Alla jħobbna b’mod konkret fin-nies li jlaqqagħna magħhom

Illum nitolbu bl-istess fidi tal-Knisja li hu qiegħed igawdi f’Ġerusalemm il-ġdida, dan il-ħolqien ġdid u li qed jara l-Knisja li tant ħabb u ħabb fil-verità, it-tħejjija tal-għarusa mżejna għall-għarus tagħha. Il-qari tal-lum b’mod xieraq juża’ dawk it-tixbihat tal-imħabba konjugali biex ifisser kemm Alla jħobbna. U Alla jħobbna b’mod konkret fin-nies li jlaqqagħna magħhom, fin-nies li, għax ingħataw totalment lilu, ilaqqgħuna miegħu bħala Alla ta’ ħniena, Alla ta’ mħabba.

Alla jitlobna xi ħaġa li hija ’l fuq mill-kapaċitajiet tagħna, li magħna għandu paċenzja kbira. Il-kelma tiegħu hija kelma ta’ kull għerf, l-ilma li jnixxi minn ħdanu huwa ilma li jagħti l-ħajja. “Ara se nġedded kollox”. Din il-kelma tal-Mulej li hija wkoll tal-profeti tat-Testment l-Antik u li terġa’ tidher fuq fomm il-Verb Divin fl-aħħar kapitlu tal-aħħar ktieb, tal-Apokalissi. “Ara se nġedded kollox” hija wkoll il-kelma li l-Mulej jagħti fil-qalb tal-profeti tal-Knisja. Huma dawn li kontra kull kurrent il-Mulej jagħtihom ħolma, u li mhux mingħajr kapaċità u xi ftit makekkerija wkoll, jaslu biex itemmuha. Aħna rridu nsemmu wkoll lil Dun Charles: bniedem ta’ kapaċitajiet straordinarji u bniedem ukoll li kien jaf id-dinja u kien jaf iħaddimha sew. Jiena nixtieq insellem lil tant nies li ħadmu miegħu fil-ħolma li aħna nirrikonoxxu bħala l-Moviment ta’ Kana.

U l-Evanġelju li ġie pproklamat illum huwa Evanġelju approprijat, xhieda, għaliex Dun Charles fi żmien meta l-ministeru lejn il-familji kien għadu fil-bidu u ħafna djoċesijiet lanqas biss kienu joħolmuh, bil-barka ta’ Mons. Gonzi u bil-barka ta’ Dun Ġorġ Preca, kien jinsisti ħafna fuqha Dun Charles, beda din l-opra, l-opra li ma setax jħaddimha waħdu imma bl-għajnuna u l-koperazzjoni ta’ ħafna nies fosthom ħafna minnhom qiegħdin hawn illum biex jagħtu tislima xierqa lil dan l-appostlu u dan il-profeta.

Dun Charles kien iniggiżna biex aħna ma norqdux fil-ħidma tagħna, biex aħna nkomplu noħolmu, ma nibżgħux

Bħal kull appostlu u profeta, il-preżenza tiegħu kienet ukoll preżenza ma ngħidx ingrombranti imma kultant skomda għaliex kien iniggiżna biex aħna ma norqdux fil-ħidma tagħna, biex aħna nkomplu noħolmu, ma nibżgħux, u mimlijin tama u kuraġġ naqdu lill-Mulej skont l-esiġenzi tal-lum. Kien bniedem li qatt ma beża’ jkellem lill-Knisja bl-imħabba imma fil-verità. Dak li jkollu jgħid kemm lis-setgħanin ta’ din l-art u kemm lill-umli li dejjem ħabb, aħna rridu nsellmu l-imħabba li dejjem ħadmet fil-qalb tiegħu, li kienet xrara tal-ispirtu tal-Mulej li huwa spirtu li jġib il-ħelsien, li jġib il-għaqda, li jġib is-sewwa, li jġib l-imħabba.

Il-Mulej Ġesù, imqanqal u mħeġġeġ minn Ommu Marija, jagħmel l-ewwel sinjal tiegħu f’dan il-kuntest tal-għerusija, tal-imħabba bejn il-mara u r-raġel. U l-ilma li kien ilma umli mħejji għall-purifikazzjoni imma li kien abbundanti, isir abbundanza ta’ ferħ, ta’ nbid li qatt ma daqu bħalu. Imlew il-ġarar bl-ilma imma l-ilma jiġi trasformat. Aħna nafu kemm hu prezzjuż l-ilma imma rridu wkoll induqu l-inbid it-tajjeb.

F’nies bħal Dun Charles, aħna ltqajna mal-inbid it-tajjeb tal-ispirtu li ma jsakkarx bis-sokor tad-dinja imma jimliena bil-qawwa tal-Mulej, il-qawwa li tagħti ħajtek, sal-aħħar; li tibqa’ tittama u toħlom sal-aħħar u li ma tibżax tgħid kelma ta’ ġid fejn il-Mulej iqanqlek tgħidha għall-ġid.

Aħna nixtiequ f’din l-Ewkaristija ta’ sufraġju, għax ħuna ħabb il-bniedem dgħajjef, u f’din l-Ewkaristija ta’ ringrazzjament għax f’ħuna aħna rċevejna ħafna, nixtiequ wkoll nagħmluha Ewkaristija ta’ impenn — impenn li aħna nkomplu, forsi b’iżjed urġenza, il-ministeru għall-familji tagħna; li aħna nkomplu nemmnu li l-familja hija l-vera ċentru tas-soċjetà u fejn ma jasalx l-Istat, għax m’għandux fondi biex jissapportja l-Moviment ta’ Kana, nidħlu aħna biex insostnu din ir-realtà li mhijiex biss ħolma imma programm. Aħna mhu se nħallu qatt il-Moviment ta’ Kana nieqes minn dak li għandu bżonn biex ikompli l-operat tiegħu anke fejn min għandu prijoritajiet oħra m’għandux biex jissapportjah. Għażiż Dun Charles, dan l-impenn jiena nagħmlu f’isem il-Knisja. Strieħ. Aħna se nkomplu fejn inti bdejt.

✠ Charles J. Scicluna
Arċisqof ta’ Malta

Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Ġer 31, 31-34
Salm: 23
QARI ii: Apok 21, 1-5a.6b-7
Evanġelju: Ġw 2, 1b-11

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.