“SE NIŻŻEWWEĠ”. “ARA SE TITGĦALLAQ?”: IŻ-ŻWIEĠ SAGRAMENT (7)

Print Friendly, PDF & Email

Mill-Arċisqof Emeritus Pawlu Cremona OP

L-Imħabba tal-Ġenituri (tkompli). Jiena għandi rispett enormi għall-ġenituri li jrabbu lit-tfal tagħhom għax hija missjoni sabiħa, iżda bħal kull ħaġa sabiħa, ikollhom jagħmlu wkoll ħafna sagrifiċċji. It-tfal għandhom ikollhom ċans biex jisimgħu u jiġu mismugħa mill-ġenituri. Din hija forsi l-iktar aspett importanti fil-formazzjoni lejn  il-valuri – meta jkunu tajbin – tal-ġenituri li jixtiequ jgħadduhom lil uliedhom. Għal dan hemm bżonn ta’ hin.

Mgr Paul Cremona OPIllum iktar minn qabel, iċ-ċirkustanzi jagħmlu iktar prezzjuż il-ħin biex tagħtih lit-tfal milli li tagħtihom il-flus u ħwejjeġ materjali: dan minħabba diveri fatturi, fosthom il-loans, l-istudju, etc Forsi dan tkun komdu għal dan il-mument għax iżżomm lit-tfal kwieti biex ma jgergrux, iżda ma tkunx qed tħejjijhom għall-futur għax ma tkun għallimthom xejn. Importanti li niftakru li huma mhux tfal irabbu biex jibqgħu tfal, iżda jrabbu tfal biex isiru żgħażagħ u mbagħad adulti.

Il-ġenituri jridu waqt it-tfulija jagħtuhom l-għodod biex jużawhom meta jikbru u ma jibqgħux iktar jiddependu fuq il-ġenituri għad-deċiżjonijiet tagħhom. um(Jiena nixtieq naqsam magħkom xi ħsibijiet għar-riflessjoni. Jiena ġieli nxebbah lit-tfal ma’ whiteboard vojt: lill-ġenituri nistaqsihom jekk iddeċidewx x’se jiktbu fuqu. U llum ħafna whiteboards huma ‘interactive’, jiġifieri t-tfal ikun jistgħu jħallu l-imprint tagħhom: naħseb li dan jgħodd ukoll għall-ġenituri, li t-tfal ikollhom iċ-ċans li jagħmlu l-imprint tagħhom fuq il-ġenituri jekk jagħtuhom ċans li jħallulit-tfal jitkellmu u jisimgħuhom). Hemm koppji li jagħmlu sagrifiċċju u jippreferu li joqogħdu mat-tfal l-aktar meta jkunu żgħar allavolja dan ikun ifisser sagrifiċċju finanżjarju. Fir-realta’ ta’ llum ħafna koppji jħossu l-bżonn li jaħdmu t-tnejn. Hija għażla tal-koppja, iżda dan jitlob ħafna iktar ħsieb biex isibu ħin għat-tfal: jekk ma jsirx dan, allura jkunu qegħdin iħallulhom biss ‘leftovers’ ta’ hin, li mhux biżżejjed biex jgħaddulhom  il-valuri tagħhom. Meta nqegħduhom għal sigħat twal quddiem it-television jew media oħra, nkunu qed inħallu lil dawn jiffurmaw lit-tfal tagħna skont l-agenda tagħhom, li mhux dejjem jaqblu mal-valuri tal-ġenituri. Il-miżuri ‘family friendly’ jistgħu jgħinu ħafna lill-ġenituri f’din il-missjoni tagħhom.

Ġesu’ fuq iż-żwieġ u l-familja 

Ġesu’ spjega l-missjoni tiegħu hekk: li hu ġie biex jaqdi mhux biex ikun moqdi (Mt 20,28).          Din forsi tgħodd b’mod speċjali biex jaqdi mhux biss iż-żwieġ u l-familja bħala kunċetti astratti, iżda biex jaqdi lil dawk il-persuni li ġew imsejħin biex jgħixu is-sejħa taż-żwieġ u l-familja.

Alla l-Missier beda biex juri d-dinjita’ taż-żwieġ u l-familja meta għażel koppja biex tieħu ħsieb ‘l Ibnu l-għażiż. Fil-fatt huwa għażel lil Marija li kienet diġa’ “mgħarrsa ma’ raġel jismu Ġużeppi” (Lq 1,27).  Għalkemm, minħabba l-misteru tal-Iben ta’ Alla li sar bniedem kienet il-Madonna li saret omm mill-Ispirtu s-Santu (Lq 1,35),  it-trobbija tat-tifel Ġesu’ ġiet fdata lill-koppja ta’ Ġużeppi u Marija. L-importanza anki tas-sehem tal-missier fit-trobbija tat-tfal hija fundamentali.

Ġesu’ wriena wkoll id-dinjita’ tat-tarbija fil-ġuf, meta huwa wkoll kien ‘embrijun’ għal disa’ xhur fil-ġuf ta’ Ommu Marija. Quddiem Marija omm, bit-tarbija Ġesu’ fil-ġuf tagħha, Elisbetta qalet dan il-kliem fuq Ġwanni l-Battista: “it-tarbija li għandi fil-ġuf qabżet bil-ferħ” (Lq 1,44). Għal min jemmen, dan jista’ jgħinu biex qatt ma jagħmel xejn kontra t-tarbija fil-ġuf – li qatt ma jaċċetta li l-embrijun mhu xejn u allura jista’ jinqatel fl-abort. (Darba kont ħsibt li xi darba nġibu lil Ġesu’ bħala ‘embrijun’ bir-raġġiera madwaru, bħalma nġibuh meta kien għadu tifel jew meta kien adult!).

Iżda biex ikompli juri l-imħabba tiegħu lejn dan il-pjan ta’ Alla l-Missier, Ġesu’ għamel l-ewwel miraklu tiegħu biex igħin lil żewġ għarajjes fil-mument tat-tieġ tagħhom f’Kana. Huwa biddel l-ilma fl-inbid biex jgħinhom ikomplu jifirħu mal-mistednin f’dak il-mument sabiħ (Ġw 2,1-11).

Ġesu’ stqarr li hu ma ġiex biex iħassar dak li hemm miktub – anki fuq iż-żwieġ u l-familja – iżda biex iġeddidha: “Jiena ma ġejtx biex inwaqqagħhom (il-liġi u l-profeti) iżda biex inwassalhom għall-perfezzjoni” (Mt 5,17-19). Il-Pjan oriġinali ta’ Alla fil-ħolqien li nsibu fil-Ġenesi (kif spegajna ‘l fuq) sar il-Pjan imġedded tal-Iben ta’ Alla, il-Feddej.

 

Leave a Reply

%d bloggers like this: