L-Isqof Mario Grech fil-funzjoni tal-Lejl Qaddis tal-Għid, fil-Katidral ta’ Għawdex

Print Friendly, PDF & Email

Is-Sibt, 31 ta’ Marzu 2018: Omelija tal-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex, fil-funzjoni tal-Lejl Qaddis tal-Għid, fil-Katidral ta’ Għawdex.

 

Omelija fil-Velja Solenni tal-Għid il-Kbir – Fil-Katidral tal-Assunta, il-Belt Victoria

“BNIEDEM, GĦALIEX QED TIBKI?”

Meta Kristu ħareġ mill-qabar, l-ewwel ħaġa li waqgħet taħt il-ħarsa tiegħu kienet mara tibki. Għajnejh ma bdewx ifittxu lil dawk li għaddew mill-passjoni u naxruh fuq is-salib biex ipattihielhom; lanqas ma fittex jiġbor lid-dixxipli li kienu diġà tferrxu biex “iwaqqaf” il-Knisja tiegħu.

Il-ħarsa tiegħu strieħet fuq it-tbatija ta’ Marija ta’ Magdala. L-ilfiq tagħha nifed qalb l-Irxoxt! Għal tliet darbiet l-evanġelista jgħidilna li l-Madalena kienet qed tolfoq: Marija baqgħet barra mill-qabar tibki… iż-żewġ anġli, bilqiegħda wieħed in-naħa tar-ras u l-ieħor in-naħa tar-riġlejn fejn kienu qiegħdu l-ġisem ta’ Ġesù, qalulha: “Mara, għalfejn qiegħda tibki?”… u xħin Ġesù Rxuxtat waqaf ħdejha, staqsieha: “Mara, għalfejn qiegħda tibki?”.

Qabel ma għalaq għajnejh fuq is-salib u radd ruħu, għajnejn Ġesù ltaqgħu mal-għajnejn miksura ta’ ħalliel li xtaq jagħmel stqarrija ta’ mħabba; issa filgħodu kmieni, hekk kif qam mill-mewt, il-qalb mifnija ta’ din il-mara, li għandha għali kbir għax ma tafx fejn qiegħdu lill-maħbub tagħha, tisraqlu qalbu! Lil din il-mara li ftit tal-jiem qabel kienet dilkitlu riġlejh bil-fwieħa ta’ nard ifuħ u xxottathomlu b’xuxitha, l-Irxoxt jersaq biex jixxottalha d-demgħat iġelbnu fuq ħaddejha u jċappas l-idejn glorjużi tiegħu bid-dmugħ jaħraq tagħha. Kif jgħid is-Salmista, Alla “jiġma’ fi flixkun id-dmugħ tagħha” (55:9). Għax għal Kristu kull kull demgħa tal-qalb imbikkma hija perla li ma jħallihiex tintilef. Id-dmugħ tal-bniedem ikompli dak li jonqos mill-Passjoni ta’ Kristu għall-ġisem tiegħu li hu l-Knisja (ara Kol 1:24).

Il-mistoqsija li l-Irxoxt għamel lil Marija ta’ Magdala hija l-istess li huwa jagħmel lili u lilek meta jilmaħna nibku f’dan il-wied ta’ dmugħ! Kif Kristu Rxoxt jitqanqal quddiem il-Madalena, jien żgur li llum ukoll iħossu mqanqal quddiemek li tibki. Hu li jaf x’hemm fil-fond ta’ qlubna, irid jixxottalna dmugħ tal-biki li nibku fil-moħbi! Bil-qawmien tiegħu, Ġesù mhux biss xejjen il-mewt li tbikki lil kulħadd, imma wera li hu għandu l-qawwa li jegħleb kull xorta ta’ ħażen li jaf jgħakkisna u jġagħalna nibku biki tad-demm! Filwaqt li llum id-dinja tiġi taqa’ u tqum mill-weġgħat u d-delużjonijiet personali u familjari tagħna, illum bil-qawmien tiegħu Ġesù qed jgħid lid-dinja li hu qed magħna biex jinfaxxalna l-ġerħat tagħna! Huwa ħalla l-faxex tal-għażel u l-maktur fil-qabar biex aħna nkunu nistgħu innaddfu wiċċna mid-dmugħ!

Huwa biss min jaf x’inhu l-biki, li jista’ jixxotta d-dmugħ ta’ ħaddieħor; biex tkun tista’ tagħmel kuraġġ lil min hu qalbu maqtugħa, trid tkun qsamt miegħu d-disperazzjoni tiegħu; biex tkun tista’ tixxotta d-dmugħ ta’ xi ħadd, trid tkun bkejt miegħu.

Ġesù jaf dan kollu. Hu seta’ jieqaf mal-Madalena li kienet qed tibki. Ġesù jista’ jifhem il-biki tagħna proprju għaliex hu jaf x’inhu l-biki. Huwa mhux biss ħass ruħu mqanqal u tħawwad meta ra lil Marta u Marija jibku lil ħuhom Lazzru li miet, imma saħansitra beka hu wkoll! Kif jgħid l-awtur tal-Ittra lil-Lhud, Ġesù “offra talb u suppliki b’leħen għoli u bid-dmugħ lil dak li seta’ jsalvah mill-mewt” (5:7). Għalhekk il-Papa Franġisku jgħid li “ġaladarba Ġesù beka, huwa jista’ jifhem id-drammi tal-ħajja tagħna”.

Hemm it-tielet mument li fih Ġesù nkiser u beka: meta darba wasal qrib il-belt ta’ Ġerusalemm u beda jibkiha għax ma għarfitx tilqgħu bħala l-mibgħut tal-Missier (ara Lq 19:41). Il-Papa Franġisku josserva li hawnhekk ma għandniex biss il-bikja personali ta’ Ġesù, imma huwa Alla l-Missier li jibki fil-persuna ta’ Kristu! Fil-parabbola tal-iben il-ħali, il-missier flok ma jperreċ man-nies il-ħwejjeġ maħmuġin taż-żewġ uliedu, jagħżel li jibki waħdu. Aħna naraw lil Alla l-Missier jolfoq għall-umanità. Alla ma jperriċx il-ħmieġ (id-dnub) tagħna, imma jibkina waħdu!

Anzi, il-Papa Franġisku jgħid li Alla tagħna sar bniedem biex proprju seta’ jibki mal-bniedem! Kienet din il-qalb maqsuma ta’ Alla l-Missier, kien il-biki li ġarrab, li wasslu biex bi Kristu ġedded il-ħolqien (27 ta’ Ottubru 2016). Kien proprju bil-mewt u l-qawmien ta’ Kristu li l-ħolqien ġie mġedded. Għalhekk Ġesù għadda mill-passjoni, il-mewt u l-qawmien biex Alla jkun jista’ jibki magħna – biex Alla jkun jista’ jilqa’ d-dmugħ tagħna!

Dwar Marija ta’ Magdala, Santu Wistin jgħid li “filwaqt li (dakinhar) l-irġiel telqu, is-sess l-aktar dgħajjef baqa’ marbut mal-qabar bl-ikbar imħabba. Kien id-dulur li żamm lil din il-mara ħdejn il-qabar”. Marija bkiet għax ħabbet u baqgħet tħobb. Ħabbet bi mħabba li ma ċedietx lanqas quddiem il-mewt – imħabbitha saqqietha sakemm rat xewqitha mitmuma. Kien Ġesù Rxoxt it-temma ta’ xewqitha.

Għalhekk, intom ilkoll li tħossukom komdi fiż-żarbun ta’ Marija ta’ Magdala, li qegħdin tibku għax bħalha tħossu n-nuqqas ta’ xi ħadd jew xi ħaġa li kienu jimlewlkom ħajjitkom, illum għamlu l-qalb għax Ġesù qam mill-mewt biex int ma tibkix iżjed, u jekk tibki, hu għandu mħabba passjonali għal kull min għaddej mill-passjoni tal-ħajja: “Il-pjaga ta’ qalbu hija l-ġabra tat-tbatijiet tal-umanità”. Bħal Marija ta’ Magdala, inti kompli fittex lil Ġesù… kompli fittxu anki meta jkun diffiċli li tagħrfu. Xi drabi lil Alla narawh biss meta għajnejna jitnaddfu bid-dmugħ! Marija ta’ Magdala għarfet lil Kristu proprju wara li għajnejha nħaslu bid-dmugħ! Għax il-biki jista’ jinbidel bi grazzja: li tkun taf tibki hija grazzja għal min għandu l-kompassjoni u huwa sensibbli għall-mistoqsijiet tqal li tqajjem l-istorja.

Ftit ilu ltqajt ma’ mara li tilfet li żewġha u qaltli li għada ma tistax tibki waħda kbira! F’isem Kristu, nistieden lilkom li tixtiequ tibku u ma tistgħux, biex illum tmorru f’riġlejn il-Mulej Irxoxt u tibku f’riġlejh – il-biki tagħkom jinbidel f’ferħ! Nitlob lil Ġesù rebbieħ fuq il-mewt mhux biss biex jgħinkom tegħlbu l-kawża tal-biki tagħkom, imma wkoll biex intom tkunu dawk li tixxuttaw id-dmugħ lil dawk li qegħdin jibku.

Leave a Reply

%d bloggers like this: