Minn Fr Michael Bugeja

L-Evanġelju tal-Ħamis 5 ta’ April 2018


Ħsieb minn Fr Michael Bugeja
Ara l-qari kollu tal-quddiesa tal-lum: http://www.laikos.org/QQ/Qari_Quddies.php
Lq 24, 35-48

Jekk matul ir-Randan iriflettejna fuq li rriflettejna fuq il-ħniena ta’ Ġesù mal-midinbin minħabba d-dgħufija, u kultant, il-ħażen tagħhom, dan iż-żmien tal-Għid iqegħdilna quddiemna l-ħniena u l-mogħdrija u l-fiduċja ta’ Ġesù, f’kuntrast mad-dubji u s-suspetti u n-nuqqas ta’ twemmin tad-dixxipli tiegħu stess. Jagħdirhom, iħenn għalihom u jaġfrilhom u ma jaqtax qalbu minnhom billi jibqa’ jafdahom anke meta dawn , jarawh kemm jarawh u jġarrbuh kemm iġarrbuh, jibqgħu ma jemmnux, jibqgħu jiddubitaw, jibqgħu jaħsbuh fantażma.

Għadhom kemm rawh u tkellmu miegħu, u għarfuh fil-qsim tal-ħobż, għadhom kemm semgħu lil xulxin jitkellmu fuq il-laqgħat tagħhom miegħu u jibqgħu ma jemmnux jibqgħu jitwerwru minnu. Xi ħaġa mhux sewwa hemm żgur. Ma jistgħux iniżżlu lil dan Ġesù differenti, ġdid ta’ wara l-qawmien mill-imwiet. Moħħhom baqa’ jgħidilhom li dan suppost hu mejjet, din hi l-ordni tan-natura li jafu huma; u min hu mejjet ma jqumx, jibqa’ mejjet. Ħadd qatt ma mar u ġie lura, jekk mhux biex iwerwer lill-ħajjin bħala ħares, u l-iħirsa għandhom għan wieħed, li jwerwru lill-ħajjin.

Fejn qabel il-mewt tiegħu Ġesù qatt ma ta prova ta’ min hu lil min talabhielu, wara l-qawmien tiegħu mill-imwiet il-ħin kollu jagħti prova tar-rejaltà tiegħu anke lil min ma jitlobhielux. Issa huwa l-waqt li jemmnu u jagħtu xhieda ta’ dak li qed iġarrbu, ta’ dak li raw u semgħu; jagħti prova tar-rejaltà tiegħu għax il-fidi tagħhom fih hija meħtieġa, mhux biex ikun spettakulari jew jafferm al-awtorità u s-setgħa tiegħu, imma biex id-dixxipli jagħtu xhieda, billi jemmnu u jgħixu dak li jemmnu u hekk id-dinja tagħaraf li hu mibgħut minn Alla. Mhux biss kiel imma tahom ukoll deskrizzjoni bijoloġika tiegħu innifsu, għandi l-laħam u l-għadam, kif qegħdin taraw.

Iżda l-bnedem ma jġegħluhx jemmen il-provi. Il-bnedem jemmen meta jħobb; hemmhekk il-konvinzjoni tiegħu ma teħtiġx provi. U Ġesù f’dan li jittama; li l-imħabba tiegħu lejhom tqanqal imħabbithom lejh. Jibqa’ jittama għax iħobb u jħobb għax jittama. Din it-tama, mqanqla mill-imħabba tnissel u trawwem u tkabbar il-fiduċja; il-qtiegħ ta’ qalb mhux parti minn din is-somma.

Intom xhud ta’ dan.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

w

Connecting to %s