L-Evanġelju tal-Ġimgħa 4 ta’ Mejju 2018


Ħsieb minn Fr Michael Bugeja
Ara l-qari kollu tal-quddiesa tal-lum: http://www.laikos.org/QQ/Qari_Quddies.phpĠw 15, 12-17

Għal ħafna l-aħħar kliem ta’ Ġesù huma l-kliem li qal fuq is-salib, sewwa sew qabel miet; is-seba’ kelmiet. Iżda dawk is-seba’ kelmiet jew frażijiet li aħna naraw jitperrċu rrakkmati fuq il-bellus fil-purċissjonijiet tal-Ġimgħa l-Kbira huma t-twettiq ta’ dak li Ġesù ried u qal.

F’dawn il-kapitli mill-Evanġelju ta’ San Ġwann, it-testment tiegħu, Ġesù juri x’inhuma x-xewqat tiegħu, x’inhu l-għan tiegħu għal dawk li umanament kien se jħalli warajh; x’inhu l-wirt għażiż li ried iħallilhom.

Jekk inżommu f’moħħna li Ġwanni qed jikteb l-Evanġelju tiegħu qrib is-sena mija, nifhmu li l-Insara ta’ żmienu kienu diġa qe djiltaqgħu ma’ ħafna saram fil-ħajja tagħhom. Hawn min jgħid li l-Evanġelju tiegħu mhux frott ta’ esperjenza individwali, iżda frott l-esperjenza ta’ komunità li bdiet timmatura u tħoss il-ħtieġa taż-żabra. L-inkwiet ma kienx ġej biss mill-persekuzzjonijiet li ħafna minnhom kellhom għerq politiku, iżda il-problemi l-kbar kienu ġejjin minn ġewwa, fejn l-aħwa kienu qe djitkaxkru mill-kurrenti ta’ żmienhom, jinkinsu mill-egoiżmu u mill-individwaliżmu li jkisser il-bini tal-kommunità, l-idejat li hemm min hu aqwa minn ħaddieħor jew li għandu xi dritt li ġej minnu nnifsu biex jisserdaq fuq l-oħrajn. Il-bniedem, kien għadu u jibqa’ bniedem u l-varjetà ma tonqos qatt.

Diġa fl-ittri ta’ Pawlu nsibu referenza għall-qasmiet politiċi nterni, min hu ma’ Kefa, min hu ma’ Pawlu u min hu ma’ Apollo. Pawlu jiġġiled qatta bla ħabel kontra din il-mentalità, għax hija mentalità li tkisser u teqred u jekk fejn hemm l-għaqda hemm il-qawwa, fejn hemm il-firda hemm it-tmermir u d-dgħufija. Il-firda u l-għira huma s-selħa fis-sur qawwi tal-għaqda fil-komunjoni u min jistkenn wara sur bħal dan għandu garanzija li ma jibqax ħaj.

Ġesù jemfasizza żewġ punti mportanti f’din is-silta. Il-ħtieġa tal-imħabba. Mhix dritt jew privileġġ. Hija ħtieġa. U l-imħabba mhix kundizzjonata jew limitata. Tagħti ħajtek għal dawk li tħobb u jekk il-kmandament hu li nħobbu lil xulxin, mingħajr distinzjoni, mela nagħtu ħajjitna għal xulxin; dan ifisser li tħobb. U jekk ma mmutux għal xulxin għa xma jkollniex l-opprtunità, allur arridu naraw kif Ġesù ħabb qabel ma ta ħajtu għalina fuq is-salib.

Biex l-imħabba tiegħu tkun konkreta, u ma tistax tkun mod ieħor, Ġesù ta dejjem lil min kellu bżonn, dak li kellu bżonn, fil-ħin li kellu bżonnu. M’hemmx mod ieħor u dan huwa mod li jitlob mewt kontinwa għalina nfusna, darba wara oħra. L-imħabba ma tqisx il-burdata ta’ min iħobb iżda l-tieġa mmedjata ta’ min ikun maħbub, ma tħallix għal darb’oħra dak li hu meħtieġ issa għal minuta oħra, xejn iżjed xejn inqas. L-imħabba titnissel mill-għarfien ta’ dak li tħobb, mill-ħtiġijiet tiegħu, minn dak li hu meħtieġ għalihom u mill-immedjatezza tat-tweġiba għal dik il-ħtieġa. L-imħabba mhix istintiva żda razzjonali, trid rieda li tfisser deċiżjoni determinata li tibd au tkompli, tippersevera. Hekk iħobb Alla u hekk għandu jħobb kullmin hu ibnu.

Biex dan iseħħ, irridu ndaħħlu f’moħħna li weħidna, bil-ħila tagħna biss ma naslux. Il-bniedem li jaqta’ lil Alla minn ħajtu huwa l-bniedem li ma jistax iħobb b’dan il-mod, il-bniedem li l-għaxqa tiegħu hi li jilbes il-porpra u jagħmel ikla mill-aqwa kuljum u jiġi jaqa’ u jqum minn Lazzru mixħut f’bieb daru, ġismu ġerħa waħda imma sieket jistenna l-loqom jaqa’ fl-art biex jixba bih.

Mhux intom għażiltu lili iżda jien għażilt lilkom. Jekk taħsbu li tistgħu tużawni biex tmexxu l-aġenda personali tagħkom, qed titqarrqu. Ħadd ma jista’ jieħu b’idejh din il-ħajja, ħadd ma jista’ jħobb din l-imħabba b’qabu. Tipprova tista’ imma r-riżultat se jkun il-kuntrarju ta’ dak li tgħid li qed tagħmel.

Aħna sirna noghxew nemfasizzaw il-firda bejn soċjetà u oħra u ngħidu li dak li jgħid Alla jgħodd għal waħda imma mhux għall-oħra, bħallikieku dak li jgħid Alla huwa ta’ ħsara għal xi wħud u ta’ ġid għal oħrajn, Alla li jtella x-xemx tiegħu sew fuq it-tajbin u sew fuq il-ħżiena, li jniżżel ix-xitta tiegħu sew fuq min jemmen u sew fuq min ma jemminx, Alla li meta s-sikrana tikber qalb il-qamħ, iħalliha tikber u tiffjorixxi, Alla li jibgħat il-messaġġiera tiegħu darba wara l-oħra biex jippriva jiftaħ għajnejn dawk li determinati li jżommuhom magħluqa.

Hu għażel lil min għażel u jagħtih il-qawwa li jħobb kif iħobb hu.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.