Kitba ta’ Angelo Xuereb
Il-festa tal-Qalb ta’ Ġesù tagħtina ħafna tagħlim spiritwali. Fuq kollox insibu l-umiltà li hija waħda mill-pedamenti tat-tagħlim tiegħu.
It-toqol ta’ Ġesù huwa ħelu
Fl-Evanġelju ta’ San Mattew insibu miktub: “Ħudu fuqkom il-madmad tiegħi u tgħallu minni, għaliex jiena ta’ qalb ħelwa u umli, u intom issibu l-mistrieħ għal ruħkom. Għax il-madmad tiegħu ħelu u t-toqol tiegħi ħafif” (11, 29-30). Dan huwa vers sabiħ li jagħtina diversi tagħlimiet. It-toqol li bih jgħabbina Ġesù jiġifieri l-kmandamenti u l-liġi tal-imħabba mhumiex piż li jtaqqluna iżda jekk inwettqhom “bi Kristu, fi Kristu u ma’ Kristu dawn ser isiru ħfief. Jgħamlulna l-ħajja aktar faċli filwaqt li wara mewtna niksbu l-ħajja eterna.
Ma jfissirx li kull min jimxi skont it-tagħlim ta’ Ġesù huwa meħlus minn kull tbatija. Dan narawh fil-ħajja tal-qaddisin li tant ħabbewh. Safrattant huma kellhom jgħaddu minn martirji f’din il-ħajja u oħrajn waslu biex xerrdu demmhom. Iżda Ġesù kien magħhom; għinhom fit-tbatijiet u tahom l-ispirtu tiegħu.
Forsi hawn min jitqarraq u jaħseb li dawk li jgħixu kif iridu ser igawdu aktar minn min jimxi fuq it-tagħlim ta’ Ġesù. Il-Qaddej ta’ Alla Dun Mikiel Attard kien jgħid li jew tbati mas-salib ta’ Kristu jew mal-għuda ta’ Ġuda. Min jitħaddan mas-salib ta’ Kristu, anki meta jkun għaddej minn xi prova tal-ħajja jsib ċertu faraġ li Ġesù biss jaf jagħti. Iżda min jagħmel xi ħażen ikollu jbati xorta oħra. Is-Salmista stess jgħidilna: “Ħafna huma t-tbatijiet tal-ħżiena, iżda min jittama fil-Mulej jitħaddan bil-ħniena” (Salm 32).
Ġesù huwa ta’ qalb ħelwa
Ġesù jgħidilna li huwa ta’ qalb ħelwa u umli u sabiex nitgħallmu minnu. L-evanġelji kollha juruna dan il-fatt. Minn fuq is-salib ħafer lill-għedewwa tiegħu billi qal: “Missier, aħfrilhom, għax ma jafux x’inhuma jagħmlu” (Lq 23, 24). Naraw kif ġieb ruħu mal-midinbin, kemm kellu ħniena mal-morda u dawk maħkuma minn spirti ħżiena, u kemm xandar is-saltna ta’Alla lil kull klassi ta’ nies sew foqra sew sinjuri. Ġesù tant ħabb lil kulħadd li ta’ ħajtu għall-bnedmin ta’ kull żmien permezz tal-passjoni u l-mewt tiegħu.
Għalhekk bħala insara jiġifieri is-segwaċi tagħna għandna nimmudellaw lil qalbna skont il-Qalb tiegħu. Dan ifisser li rridu nagħmlu metanoia jiġifieri bidla tal-qalb. Meta nqabblu qalbna mal-Qalb ta’ Ġesù ser naqtgħu qalbna għaliex nagħmlu kemm nagħmlu sagrifiċċji qatt ma aħna ser naslu biex ikollna dik il-Qalb li kellu Ġesù.
Dan huwa veru. Iżda l-Qalb ta’Ġesù għandha tkun l-ideal tagħna. Irridu nitgħallmu nħobbu verament bi mħabba altruwista u mhux egoista biex niksbu xi ħaġa. Nitgħallmu nħobbu lil kulħadd anki dawk li huma emarġinati u skartati mill-oħrajn. Nitgħallmu ngħaddru lil dawk li għaddejjin minn xi sofferenza filwaqt li ngħadru lil min jiżbalja. Filwaqt li nikkundannaw l-iżball tiegħu qatt ma għandna naslu biex niġġudikawh. Huwa Alla biss li jiġġudika l-qalb tal-bniedem u ħadd aktar.
Fuq kollox meta nkunu f’xi sitwazzjoni biex naraw biex għandna nġibu ruħna skont i-Qalb ta’ Ġesù għandna nistaqsu lilna nfusna: “Kieku Kristu kien minfloki f’din is-sitwazzjoni kif kien iġib ruħu?” U r-risposta toħroġ waħedha.
Meta nimxu l-ħajja nisranija u nimmudellaw il-qalb tagħna fuq dik ta’ Kristu żġur li ser ninħelsu minn emozzjonijiet negattivi li qegħdin fina. Nikkontrollaw aktar il-għira, ix-xeħħa, it-tberbiq u nuqqas ta’ għaqal, il-biza’, is-sens ta’ tpattija, ix-xewqat bla rażan ta’ ħwejjeġ ta’ din id-dinja, suppervja u kburija, filwaqt li naħsbu aktar fil-proxxmu tagħna.
Nimxu t-triq tal-umiltà
B’hekk il-qalb tagħna ssir aktar ħelwa u umli. Biex insiru umli rridu nissieltu magħna nfusna. In-natura umana tagħna mwaqqa fid-dnub ta’ kulħadd hija inklinata biex b’xi mod tiftaħar biha u titkabbar. Niftakru li d-dnub ta’ Satana kien is-suppervja filwaqt li l-awtur tal-Ġenesi jurina kif id-dnub daħal fid-dinja ukoll frott tal-kburija. Anki x-xitana fid-deżert ittanta lil Ġesù biex juri l-qawwa mhux biex jagħmel il-ġid iżda biex juri l-qawwa tiegħu u jsir popolari. It-tentatur qallu: “Jekk inti Bin Alla, inxteħet għal isfel; għax hemm miktub li ‘Lill-anġli tiegħu jordnalhom jieħdu ħsiebek ,’u li ‘Fuq idejhom jerfgħuk, ħalli ma taħbatx riġlek ma’ xi ġebla” (Mt 4, 6). Tant is-suppervja hija magħġuna fil-qalb tal-bniedem li anki t-tfal iż-żgħar jibdew ma jobdux lill-ġenituri tagħhom.
It-triq tal-umiltà mhix faċli iżda permezz tal-grazzja ta’ Alla naslu. La Ġesù jridna nkunu umli żgur li ser jgħinna. Niftakru li Alla ma jrid qatt minna l-impossibbli. Biex nimxu fit-triq tal-umiltà jeħtieġ nifhmu l-ewwelnett xi tfisser għax jista’ jkun li jkollna idea ħażina ta’ din il-virtù. Ma tfissirx li jekk għandna xi talent ma nużawhx u jekk inkunu ser nagħmlu xi ħaġa tajba avolja nkunu ser nidhru ma nagħmluhiex. Iżda jfisser li nammettu li dak kollu li aħna u għandna ġej minn Alla. Għandna nistqarru li kollox huwa ġej minnu, kollox bih u għalih.
Inkunu umli għalhekk ifisser li nkunu konxji li aħna niddependu minn Alla u dak li nagħmlu huwa kollox għalih. Niftakru wkoll li dak kollu li aħna u għandna huwa mezz u mhux skop fihom infushom. Anki l-aktar ħaġa għażiża li għandna jiġiferi ħajjitna xi darba b’riħ jew riefnu rridu nitilfuha biex nidħlu fil-ħajja eterna. Fuq kollox nimtlew bi spirtu ta’ gratitudni lejn Alla u nħallu lil Kristu jsir iċ-ċentru ta’qalbna.