Home > Lectio Divina > Lectio Divina għall-11-il  Ħadd matul is-Sena “B”

Lectio Divina għall-11-il  Ħadd matul is-Sena “B”


Vanġelu (Mk 4, 26-34): Ġesu jkompli jfiehem is-Saltna t’Alla permezz tal-parabboli. Ġa qal dik tal-bidwi li ħareġ jiżra’ u ż-żerriegħa waqgħet f’diversi postijiet fl-għalqa. Min dan joħroġ li ż-żerriegħa hi l-Kelma t’Alla li jiħtieġ li tinżera’ f’qalb il-bnedmin. Illum naqraw żewġ parabboli oħra. L-ewwel waħda nsibuha f’Mark biss.

  1. “..iż-żerriegħa tinbet u tikber bla ma jaf kif.” B’dan Ġesu ried jagħti risposta għal xi domandi li għamlu l-appostli, l-ewwel Insara u li anki aħna nagħmlu llum: Dil-kelma miżrugħa se tagħmel frott jew le? Matul iż-żmien, it-tixrid ta’ dil-kelma swiet għal xi ħaġa? Bir-riformi li saru fil-Knisja biex tkun aktar effikaċi, f’hiex wasalna? U jien, wara li ilni tant nismagħha dil-kelma, għaliex għadni l-istess? Għaliex jgħaddi tant żmien biex naraw xi effett ġdid tagħha? Ma jistax isir xi ħaġa biex diż-żerriegħa tikber malajr, e.g. nagħmlu kompromess mal-pubbliċita’ moderna bir-riskju li ninponu fuq in-nies biex jaċċettawha? Fuq min jiddependi l-frott tagħha, fuq il-predikaturi?
  2. “Is-Saltna t’Alla” hi s-saltna ġdida ta’ mħabba. Mhiex is-saltna antika tal-vjolenza u egoiżmu. Mela din tikkonċerna l-ħajja t’issa. Imbagħad tilħaq il-milja tagħha wara l-mewt. Għalissa Ġesu jridna nikkonċentraw fuq soċjeta’ ġdida ta’ mħabba u maħfra fost il-bnedmin kollha. Il-Persuna u l-Kelma tiegħu qed joffru alternattiva għal ħajja totalment umana. Din trid tiġi attwata issa, f’dil-ħajja. Dil-parabbola fiha tlett partijiet: (i) “Raġel xeħet iż-żerriegħa fl-art”. Ir-raġel hu Ġesu. Warajh hemm id-dixxipli ta’ żmienu u tal-lum. Għax anki aħna fdati b’dil-missjoni tat-tixrid tal-Kelma. Kurjuż il-verb “xeħet” mhux żera’, i.e. waddab fejn ġie, ġie. Dan ifisser li dil-kelma hija għal kulħadd, u mhux għal xi roqgħa jew lok partikulari. Imma hekk se tagħmel frott? Hawn niġu għall-messaġġ tal-lum: min ixerred il-Kelma jrid jemmen fiha u fil-qawwa tagħha. Anki meta din tiltaqa’ ma’ ħafna tfixkil. F’għalqa Lhudija wieħed kien isib ħafna ġebel, ħurrieq, ħaxix ħażin u min jgħaddi jgħaffeġ fuq il-miżrugħ. Ix-xita kienet skarsa wkoll. Id-dixxiplu jirbaħ dawn id-diffikultajiet dment li jemmen li l-Kelma hi effikaċi. Dan jgħodd għas-saċerdoti u lajċi mpenjati li jiltaqgħu ma’ ħafna ostakli fit-tixrid tal-Kelma u jaħbtu jaqtgħu qalbhom. Jirbħu dan l-iskoraġġiment jekk ikollhom fiduċja sħiħa fil-qawwa tal-Kelma. Din il-fiduċja rridu nikkultivawha sew għax inkella nintilfu fuq ħafna devozzjonijiet li, għalkemm jikkumplimentaw il-Kelma, jistgħu jieħdu post it-tixrid tagħha.  g. dawk li jaħdmu għall-paċi iqiegħdu l-prinċipji tal-Vanġelu fuq nett, jew jadottaw kriterji tal-bnedmin, biex jimxu mal-kurrent jew għax m’għandhomx fiduċja sħiħa fil-Kelma?
  3. “ iż-żerriegħa tikber bla ma jaf kif.” Fil-ħamrija ż-żerriegħa ma tidhirx aktar. Katekist jagħti lezzjoni. X’jiġri minnha fil-qlub tat-tfal ma jiddependix aktar minnu imma mill-qawwa tal-Kelma. Jista’ jaħseb li l-Kelma ntilfet u kollox baqa’ kif kien. Dan jista’ jiġri lis-saċerdoti u l-ġenituri wkoll. Dawn jiħtieġ li ma jistennewx l-effet tal-Kelma immedjatament, għax din trid tinbet, trabbi l-għeruq u tikber. Dan jieħu ż-żmien.
  4. “Rieqed jew imqajjem.” Il-bidwi ma joqgħodx iħares lejn il-pjanta tikber b’idu f’idu. Jaħdem jew jorqod iħalli l-pjanta tikber waħedha. Anki aħna rridu nagħmlu l-istess, bil-fiduċja li din għandha fiha qawwa Divina.
  5. “Tinbet, tikber..il-qamħ mimli fis-sbula,,,il-frott isir…ħsad.” B’dawn id-dettalji kollha Ġesu juri x-xhur li jridu jgħaddu biex naslu sal-ħsad. Dan jiħtieġ paċenzja, fiduċja u fidi fil-qawwa tal-Kelma. Iridna wkoll nikkontemplaw dal-miraklu tan-natura: “Int tnibbet…il-ħxejjex li bihom jinqeda l-bniedem, biex joħroġ il-ħobż mill-art li jsaħħilhom qalbhom” (Salm 104, 13). “La min jiżra’ la min jaħsad hu xi ħaġa, imma Alla hu li jkabbar” (Kor.). Jista’ jkun li predikatur jispjega l-Kelma aħjar minn ieħor. Imma, la darba tkun inżergħet, sta għall-qawwa tal-Kelma biex tagħti l-frott. Alla se jieħu ħsieb ikabbarha. Forsi għal xi wħud tidher fjakka quddiem tant ħażen fid-dinja. Dawn jippretendu riżultat mill-ewwel. Ġesu llum iwissina: “Temmen fil-qawwa Divina tal-Kelma? Mela xerridha, imma stenna bil-paċenzja, għax din tagħmel il-frott f’waqtu.”
  6. “Meta l-frott isir….ikun żmien il-ħsad.” Qed ngħixu ħajja mgħaġġla, kollox bis-“sell-by date”. Irridu riżultati malajr. Diż-żerriegħa, dil-Kelma trid tagħti ċans lill-bniedem biex jagħmel l-għażliet tiegħu, u żmien itwal biex dawn l-għażliet jimmaturaw. Hekk id-deċiżjoni aħħarija tkun soda u tajba. Ġenitur m’għandu qatt jaqta’ qalbu minn ibnu għax it-tagħlim li jtih fi tfulitu hemm jibqa’, u se jsibu utli 10 jew 20 sena wara.
  7. “Mustarda.” Il-lhud kienu jqabblu s-Saltna t’Alla ma ċedru tal-Lebanon. Ġesu jaħsadhom bil-kliem: “Iż-żerriegħa tal-mustarda hi l-iċken waħda.” Hi proverbjali li minn tant ċokon tisplodi fi pjanta ta’ żewġ metri fi staġun wieħed. Imbagħad issir l-akbar waħda fost il-ħxejjex. Ma ssirx siġra bla xi ċedru. B’dan Ġesu ried ineħħi l-ideja li s-Saltna t’Alla għandha xi kobor glorjuż bħal xi mperu dinji. Għalhekk iqabbilha ma’ ħaxixa komuni li tikber kuljum fil-ġnien tad-dar. Din m’għandhiex kobor minn barra għax tikber fil-qalb tal-bniedem. Din saltna li ma titkejjilx bin-numri. Min jista’ jgħodd kemm nies aċċettawha u qed jgħixuha? Anki t-trasformazzjoni fil-bniedem issir minn ġewwa. “Kieku jkollhom fidi mqar daqs żerriegħa tal-mustarda, tqanqlu l-muntanji.”
  8. “L-għasafar ta’ l-ajru” kienu l-pagani li kienu jfixklu l-Lhud fir-reliġjon tagħhom. Issa anki dawn se jiġu aċċettati fil-friegħi ta’ din ix-xitla.

Sors: lachiesa.it/liturgia/omelie/padrefernandoarmellini

Categories: Lectio Divina
  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

w

Connecting to %s

%d bloggers like this: