Lectio Divina tat-18 Ħadd. Sena “B”


Vanġelu (Ġw 6, 24-35): Ftit versi qabel is-silta tal-lum insibu li Ġesu baqa’ fuq l-għolja waqt li d-dixxipli niżlu ħdejn il-baħar, rikbu d-dgħajsa u ġibdu għax-xatt l-ieħor. Il-baħar qam sew u beda jonfoħ riħ qawwi. Ġesu deher miexi fuq l-ilma u qalilhom: “Jiena hu, la tibżgħux.” Kif kien tielgħa fuq id-dgħajsa, din messet l-art. Din id-dgħajsa ta’ Pietru qed iġġorr l-ewwel komunita’ li, kuntrarju għall-folla mitmugħa minn Ġesu, aċċettaw il-proposta tiegħu għal dinja ġdida. Din titlob impenn qawwi u diffiċli u, kull tant, ta’ qtigħ il-qalb. Imma b’Ġesu magħhom. il-biża’, l-irwiefen u l-qtigħ il-qalb jgħibu.

  1. “Rabbi, meta ġejt hawn?” Il-folla ma fehmitx il-messaġġ tat-tkattir tal-ħobż. Kienet qisha merħla bla ragħaj, bla direzzjoni. Allura kompliet tiġri wara Ġesu bit-tama li tifhem aktar dwar il-proposta ta’ Ġesu. Id-diskors li se jagħmel Kafarnahum jgħodd għalina wkoll illum għax kull tant inkunu qisna d-dixxipli li fehmu dan is-sinjal mhux ħażin, u kull tant inkunu bħall-folla li t-tifsira baqgħet imċajpra. In fatti n-nies ma ridux jafu “meta ġejt hawn?” imma “meta se terġa’ tkattar il-ħobż u titmagħna?” Ma tgħallmu xejn mill-ewwel tkattir tal-ħobż u riedu jibqgħu ma’ Ġesu biex isolvi l-problemi materjali tagħhom li jinqalgħu kuljum. Ħafna Nsara jagħmlu l-istess u jsaqsu: “Jekk Ġesu ma jsolvix il-problemi ta’ kuljum, x’sens fiha li timxi wara Ġesu?” Illum Ġesu jiċċara l-affarijiet:
  2. “Intom qed tfittxuni mhux għax rajtu s-sinjali.” In-nies tal-folla ma ridux lil Ġesu imma l-ħobż u l-ħut. Jekk Ġesu ma jtihomx, ser imorru jfittxu band’oħra. Illum irridu noqogħdu attenti kif nitolbu u kif qed inqisu domni, relikwi u oġġetti oħra mirakolużi bħall-ilma ta’ Lourdes. Irridu nsaffu dawn l-oġġetti minn kull superstizzjoni, nużawhom b’devozzjoni u fidi kbra, u dejjem nispiċċaw bit-talba ta’ Ġesu fl-Ort: “Mhux kif irrid jien, imma kif trid int.” Dejjem inżommu quddiem għajnejna li l-Missier jagħti lil uliedu l-aktar li hu ta’ ġid għalihom. Aħna għalfejn infittxu lil Ġesu? Biex naqilgħu grazzji personali jew biex jgħallimna nħobbu l-proxxmu aħjar biex inservuh tajjeb? Nitolbu ta’ spiss: “Biddilli qalbi biex titqanqal bl-Ispirtu tiegħek u b’hekk ngħin biex did-dinja ssir aktar ġenna tal-art għal kulħadd”?
  3. Bil-Grieg insibu bios li tfisser il-ħajja bijoloġika u zoe ionios li tfisser ħajja eterna, il-ħajja tal-Etern. Din ġiet mogħtija lilna bħala rigal minn għand Ġesu. Illum qed jgħid: “Aħdmu għall-ikel li jibqa’ għall-ħajja ta’ dejjem”, i.e. imxu fid-dawl li ġej li mis-sema, id-dawl tal-kelma t’Alla, li jurikom kif se tibnu dinja ġdida.” “Imqar jekk il-bniedem ta’ barra jitħassar, il-bniedem ta’ ġewwa jiġġedded minn jum għal jum” (2 Kor 4, 16). Mela Ġesu llum qed jgħid: “Hemm ħobż li jmantni l-ħajja bijoloġika. Din għandha tkun ħajja tajba u ferrieħa, imma xi darba tintemm. Mela mhux bil-fors il-ħwejjeġ, mobiles, karozzi, eċċ ikunu tad-ditta u tal-aħħar moda. Dan ħafna drabi nagħmluh biex nidhru, inkunu minn tal-ewwel, b’pika mal-ġirien. Dawn il-ħwejjeġ kollha qatt mhu se jaqtgħulna l-ġuħ u l-għatx, għax dawn jew jispiċċaw jew ikollna nħalluhom warajna. Mela aktar irridu nagħtu mportanza għall-ħobż li se jwassalna għall-ħajja li ma tintemm qatt. Aħna liema ħobż qed nitolbu lil Ġesu meta mmorru għandu? X’qed nitolbu u għal x’hiex qed nipprattikaw dir-Reliġjon?
  4. “X’għandna nagħmlu biex naħdmu għall-għemejjel t’Alla?” Nistgħu nsaqsu l-istess ħaġa aħna wkoll: “Mulej, jien immur il-quddies, ngħid ir-Rużarju, insum, eċċ. X’ nista’nagħmel aktar?” U Ġesu jwieġeb: “L-għemil t’Alla hu li temmnu f’dak li Hu bagħat.” Temmnu ifisser li mhux biss fil-fatt li għex tassew imma li tafdaw fil-Kelma tiegħu u tħaddnu l-proposta biex nibdlu d-dinja ta’ mibegħda f’waħda ta’ mħabba. Dan jista’ jinvolvi riskju għall-istess ħajjitna. Mela naturali li nitolbu garanzija: “X’sinjal se turina biex nemmnu fik?” It-tweġiba hi fis-silta tal-lum: “L-ebda miraklu. Jien il-garanzija tagħkom. Ħajti kollha hi prova tal-imħabba kbira li għandi għalikom.” Għarus jgħix ħajtu mill-aħjar li jista’ biex ikun jista’ jistieden lill-għarusa tiġi taqsam miegħu il-frott tal-isforzi tiegħu. L-imħabba ta’ Ġesu (l-Għarus) għall-Komunita (l-għarusa) tixbaħ din ir-relazzjoni. X’sinjal aqwa mill-persuna tiegħu stess seta’ jagħtina?
  5. “Mhux Mose’ tagħkom il-manna, imma Missieri.” Ġesu jixtieq jikkonvinċina li Hu biss jista’ jissodisfa l-bżonn tagħna għall-Infinit, għall-imħabba dejjiema. Aħna għandna bżonn il-ħobż ta’ kuljum. Il-gwaj hu li ħafna jqisu li barra dan il-ħobż m’għandniex bżonn ħobż ieħor. Oħrajn ma jaħdmu xejn u jistennew il-manna taqa’ waħedha mis-sema. Din kienet rigal t’Alla lill-poplu fid-deżert biex issostni l-ħajja materjali biss u mhux il-ħajja ta’ dejjem. Darba Ġesu qal li l-ġid li nrekknu jissaddad jew jisirquhulna. Il-ħobż tal-ħajja la jissaddad u l-anqas jinsteraq għax imantni għall-ħajja li ma tispiċċax.
  6. “Agħtina dejjem minn dan il-ħobż.” Il-folla għadha ma fehmitx. Baqgħet taħseb fuq il-ħobż materjali.  Anki s-Samaritana talbitu: “Agħtini dejjem minn dan l-ilma.” Ġesu jrid jurina dak li qal lil Nikodemu: twelid mill-ġdid ma jfissirx li wieħed imur lura fil-ġuf t’ommu, imma dan twelid ġdid mogħti minn Alla għall-ħajja eterna: “Jiena hu l-ħobż tal-ħajja.” “Jiena hu” huma l-kelmiet li qal Alla lil Mose’ meta saqsieh x’jismu. “Jien hu r-ragħaj it-tajjeb” mela jfisser “f’wiċċi għandkom taraw is-sbuħija t’Alla”. Wiċċ Alla mhuwiex dak il-wiċċ li jikkastiga u jpattiha – ħaġa li vvintajna aħna l-bnedmin biex inwaddbu fuqu n-nuqqasijiet tagħna. “Jien hu d-dawl tad-dinja” – “f’wiċċi taraw jiddi wiċċ Alla li jdawwal id-dinja.” Mela, “Jien hu il-ħobż tal-ħajja” ifisser li Alla qed jirrivela ruħu bħala dak li jmantnina u jaqtagħlna l-ġuħ li għandna għall-ħajja eterna. Hija ħasra li ħafna minna, meta jħossu dan il-vojt tal-infinit, jippruvaw jimlewh bil-ġid materjali u billi jokkupaw kull minuta ta’ ħajjithom bix-xogħol u divertiment. Dawn għandhom bżonn kbir li jieqfu ftit fis-silenzju biex jirrejalizzaw li dan il-ġuħ Alla biss jista’ jtaffieh: “Jien biss hu dak li nista’ nxabba’ dan il-ġuħ”. “Il-ġuħ u l-għatx fuq din l-art mhumiex għall-ħobż u l-ilma imma biex tisma’ l-kelma t’Alla” (Amos). “Meta smajt il-kelma tiegħek jien iddivorajtha għax hija ferħ għall-qalbi”(Ġeremija).

Sors: lachiesa.it/liurgia/omelie/padrefernandoarmellini

Author: laikosblog

Blog tas-Segretarjat għal-Lajċi.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.