L-Evanġelju tat-Tlieta 21 t’Awwissu 2018


Ħsieb minn Fr Michael Bugeja
Ara l-qari kollu tal-quddiesa tal-lum: http://www.laikos.org/QQ/Qari_Quddies.php
Mt 19, 23-30

Iż-żgħażugħ għani telaq imnikket u Ġesù tnikket għalih. Ħabbu u għażlu iżda kellu qalbu marbuta wisq mal-ġid li kellu, li, minħabba li kien żgħażugħ mhux bilfors kien tħabat għalih hu u jista’ jkun ukoll li l-ġid li kellu ma kienx tiegħu iżda ta’ missieru. Il-kilba għall-ġid materjali ġejja mill-istint tas-sopravivenza: naħdem biex ngħix, iżda mabagħad nibqa naħdem u nsorr għal għada u għall-għada tal-għada. Fl-aħħar isir rebgħa; iġġemma il-ġid mhux bie xtinqeda bih, iżda biex ikollok iżjed, il-ġid materjali fih innifsu.

Ir-rebgħa twassalna biex inħarsu lejn l-oħrajn jew bħala theddida għal dak li għandna jew bħala meżż biex niksbu iżjed minn fuq dahrhom. Ir-rebgħa twassalna biex nistmaw lilna nfusna ta’ magni li l-valur tagħhom huwa għoli daqskemm jipproduċu u jirrendu dejjem iżjed. Ir-rebgħa twassalna biex il-ġid li joffrilna Alla, anke il-ħobżna ta’ kuljum narawhom ftit u mhux biżżejjed biex jissodisfawlna il-kilba għal ġid tal-art. Ir-rebgħa twassalna bie xnistħajlu lilna nfusna ta’ setgħa bla tarf għax tilludina li nistgħu nixtru kollox bil-flus, anke l-imħabba, anke bnedmin oħra, anke lil Alla stess. Eħfef li ġemel jgħaddi minn għajn ta’ labra milli wieħed għani jidħol fis-saltna tas-smewwiet.

Għall-bnedmin dan ma jistax ikun. Għal Alla iva għax għal Alla kollox jista’ jkun.

Ħafna minna m’aħniex miljunarji u forsi qatt ma nkunu kemm indumu ħajjin, iżda b’daqshekk ma jfissrx li meħlusin minn din ir-rabta, minn dan l-iskandlu jew tfixkil għad-distakk totali u għal fiduċja sħiħa fil-ġenerożità u fil-providenza ta’ Alla u għall-hena li nħossu meta naraw il-ġid tal-oħrajn.

Ħokkli dahri u nħokklok dahrek ħaseb Pietru u disgħa u disgħin fil-mija, ħasbu hekk sħabu imma beżgħu jistaqsu. Hekk naħseb jien u hekk naħsbu ħafna minna meta nħarsu lejn l-isforzi li nagħmlu biex nilqgħu il-verità u ngħixuha.

Dak li tfisser din il-mistoqsija ta’ Pietru dak li jfissru l-mistoqsijiet tagħna huwa li l-verità, minkejja l-isforzi għadha ma rabbietx għerqu fina; tfisser li aħna għadna naħsbu kif jaħseb kull bniedem mhux kif jaħseb Alla; tfisser li għadna mtebbgħin bl-egoiżmu tagħna li jżommna milli nafdaw, milli nintelqu għal kollox f’idejh; tfisser li għadna nagħżlu x’nemmnu u lil liema mill-kliem ta’ Ġesù nagħtu importanza u liema nwarrbu; tfisser li naħsbu li qed nagħmlu xi pjaċir lil Alla għax iniweġbu għas-sejħat tiegħu biex inħobbuh u nafdawh; tfisser li l-imħabba f’moħħna għadha ‘business’, inħobbok biex tħobbni, nagħtik biex tagħtini, inkella ħabbat bieb ieħor.

Ħadd ma jagħmel xejn għal xejn, niffilosofizzaw aħna. U dan ma napplikawhx biss bejnietna l-bnedmin, iżda napplikawh għal Alla wkoll. F’qalbna, lkoll nemmnu li, għalkemm Alla tana lil Ibnu u allura kollox miegħu, għadu midjun magħna, għandu jtina u jekk ma jagħtiniex ligħandu jtina fil-pront, ngħoddulu l-interessi u l-multi. Imn’Alla ma jirraġunax bħalna.

Sakemm nibqgħu nittieħdu mill-mentalità tad-drittijiet, ma nistgħu qatt ngħixu l-esperjenza tal-imħabba li minnha tiġi l-fidi. Min jaħseb kemm se jieħu ma’ jista’ qatt iħobb għax l-imħabba tagħti u ma tistennix lura. Min jaħseb kemm se jieħu lura mhux vera jħobb. Nistgħu inparlaw u nippridkaw għal sigħat sħaħ: jekk f’moħħna hemm tarġa għola jew but itqal, kollu ta’ xejn; inkunu qed ngħaddu biż-żmien lilna nfusna.

Alla jaf, ħaddieħor jinduna, iżda jekk aħna ngħixu mingħalina li nħobbu u nemmnu, aħna stess nisfaw vittma tal-illużjoni li noħolqu.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.