Lectio Divina għat-22 Ħadd. Sena “B”

Print Friendly, PDF & Email

Vanġelu (Mt 7, 1-23): Il-Fariżej u l-Iskribi ġa rajnihom jinżlu darb’oħra minn Ġerusalem (vjaġġ ta’ tlett ijiem) biex jiftħu għajnejn il-poplu li Ġesu kien qed jagħmel il-mirakli bis-saħħa ta’ Belżebul, l-alla pagan tal-Filistej, li (kienu jgħidu)  kien ifejqilhom il-morda. Illum nerġgħu narawhom jinżlu minn Ġerusalem. Dan ifisser li kien urġenti għalihom li jaraw xi ħwejjeġ gravi qed jikkommetti Ġesu.

  1. L-ewwel fil-lista kienet li d-dixxipli kielu l-ħobż bla ma ħaslu jdejhom. Għall-Lhud, din ma kinitx kwestjoni ta’ iġjene. In fatti, dil-purifikazzjoni tal-idejn kienet issir wara li wieħed ikun inħasel. Imma gwaj għal min ma kienx iħares din l-ossessjoni li kienet ġejja mill-ktieb tal-Eżodu. Hawn insibu riti dettaljati għall-purifikazzjoni tal-qassisin li kienu l-aktar viċin t’Alla. Għalhekk kellhom ibiegħdu minnhom kull impurita’. Dawn ir-riti ġew imposti fuq il-poplu kollu tant li t-Talmud jiddedika trattat sħiħ għalihom. Dan ir-rit ġej mill-fatt li l-Lhud kienu jqisu l-ħobż bħala rigal minn għand Alla, allura wieħed kellu jieklu b’idejh indaf. Il-problema hi li, tant daħħlu dettalji u irqaqat f’dan ir-rit, li maż-żmien tilfu l-vera s-sinifikat tiegħu.
  2. “Meta jerġgħu lura mis-suq, ma jiklux jekk ma jinħaslux.” Fis-suq faċli li Lhudi jmiss ma’ pagan jew ma xi oġġett li jkollu. Dil-ħaġa tniġġes lill-Lhudi u jkollu jinħasel qabel l-ikel. Dan isir hekk: xi ħadd ieħor irid iferragħlu ilma frisk għal tlett darbiet fuq idu l-leminija waqt li jżomm is-swaba miftuħin sew. L-istess għax-xellugija. Hawn jgħid il-barka: “Imbierek Int, li tqaddisna bil-Kmandamenti Tiegħek u titlobna l-purifikazzjoni.” Wara dan jixxotta jdejh b’xugaman u ma jitkellimx qabel ma jiekol. Jekk jitkellem, irid jerġa’ jinħasel. Għandu mnejn li dawn ir-riti u oħrajn ta’ reliġjonijiet oħra aħna narawhom redikoli jekk mhux taċ-ċajt ukoll. Qatt ħsibna li r-riti tagħna jistgħu jidhru hekk ukoll għal min mhux Nisrani? Mela importanti ħafna li nkunu nafu preċiżament kull ġest u rit li nagħmlu biex nagħtu sens lil din l-imġieba Nisranija, kemm għalina kif ukoll għal min jistaqsina. Imsieken aħna jekk nagħmlu r-riti bla ma nkunu nafu għal fejn qed nagħmluhom.
  3. “Id-dixxipli tiegħek …. jieklu b’idejhom mhux indaf.” L-akkuża kienet li, la Ġesu jħalli d-dixxipli jittraskuraw it-tradizzjonijiet ta’ missirijiethom, sinjal li hu eretiku u perikoluż. Ma jafx id-differenza bejn idejn puri u mpuri? Fil-Bibbja l-idejn huma simbolu tax-xogħol kollu li jagħmel il-bniedem. Bl-idejn wieħed jista’ jfejjaq jew iweġġa’, jagħmel it-tajjeb jew il-ħażin. X’jagħmel l-idejn impuri? Għall-Lhud, tmiss ma’ pagan, lebbruż, mejjet jew l-oġġetti tagħhom. Għal Ġesu, l-idejn puri mhumiex dawk li nħaslu bl-ilma imma dawk li temgħu lil min kien bil-ġuħ, sqew lil min kien bil-għatx u qajmu lil min kien waqa’. Mela, mhux ir-riti imma l-opri tajba favur il-ħajja li jġibu l-purita’. L-opri ħżiena favur il-mewt jagħmlu bniedem impur. Għalhekk Ġesu jweġibhom b’ton iebes: “Sewwa ħabbar Isaija fuqkom, ja ipokriti.” Ipokrites tfisser attur li dak iż-żmien kien dejjem jirreċta b’maskra f’wiċċu. Ġesu qed jgħidilhom: “Intom qed tirreċtaw kummiedja reliġjuża li ma tinteressa xejn lil Alla. Hu ma jridx ir-ritwali esterni għax dawn iħallu barra l-essenzjali, i.e. li tibdlu qalbkom.” Il-palk ta’ dil-kummiedja kien it-Tempju ta’ Ġerusalem. Ġesu jfakkar li anki l-profeti kienu akkużaw il-Lhud fuq hekk: “Dan il-poplu bix-xofftejn jagħtini qima, imma qalbhom hija ‘l bogħod minni. Moħħhom, ħsibijiethom u l-għażliet li jagħmlu mhux Tiegħi. Jgħallmu duttrina ivvintata minn bnedmin u jittraskuraw il-kmandament Tiegħi.” Alla ma jridx ir-riti vojta u vanitużi tagħhom għax dawn ma jġibux bidla fil-qalb. Din biss tgħinek biex tagħmel azzjonijiet puri.
  4. “M’hemm xejn minn barra li meta jidħol fil-bniedem itebbgħu. Imma dak li joħroġ mill-bniedem ….. żina, serq, qtil..” Ġesu kien imħasseb fuq id-dixxipli li ma jmorrux jintilfu fuq l-osservanza tal-irqaqat tar-riti umani u jirriskjaw li jitilfu l-essenzjal, i.e. dak li verament itebba’ lill-bniedem. Għalhekk dil-parti tas-silta hi ndirizzata għall-folla kollha. Tgħodd għalina wkoll illum. Jagħmel enfasi fuq dal-kliem billi jibda hekk: “Isimgħuni intom ilkoll u ifhmuni”. U jkompli: “Mhux dak li ġej minn barra jtebbgħa l-bniedem imma dak li joħroġ minn ġewwa: (a) żina, prostituzzjoni, tbiegħ lil ġismek għall-qliegħ, promotion, eċċ; (b) serq: mhux biss direttament imma wkol meta nuża’ ħażin il-ġid li tani Alla, jew meta nisraq isem xi ħadd bil-malafama; (ċ) qtil: mhux biss b’idi imma wkoll meta bi lsieni noqtol il-ferħ, it-bissima u l-paċi tal-ieħor bit-tqasqis; (d) adulterji: l-infedelta’ kollha kontra l-imħabba, bi tfittxija tal-pjaċir egoista, u meta nuża lill-ieħor bħala oġġett; (e) regħba: nakkumula kemm niflaħ, waqt li Ġesu jgħidli li l-ferħ insibu meta nagħti u nħobb kemm niflaħ: “Issib iktar ferħ meta tagħti milli meta tirċievi.” Tifel żgħir ikun irid kull ma jara. Ir-rgħib qisu tifel, għadu ma mmaturax; (f) ħżunija: meta naħseb il-ħażin biss fuq l-oħrajn, dejjem nissuspetta.  Dan ta’ spiss iwassal għall-malafama; (g) qerq: meta, biex inkabbar ġidi jew il-pożizzjoni tiegħi, inqarraq kemm niflaħ; (ħ) faħx: meta nitlef il-kontroll fuq kollox – sess, ikel, xorb, divertiment; nagħmel li jogħġobni; (i) għejra: ngħir għax nibża’ li jeħduli xi ħaġa, qisni tifel żgħir; (j) dagħa: mhux biss insult lejn Alla u kull ma hu qaddis, imma niċħad u nopponi l-verita’; (k) kburija: arroganza,irrid dejjem nidher, nara ‘l kulħadd dubbien; dan mhux kobor imma mard; (l) bluha: iblah hu dak li jfassal ħajtu fuq valuri żbaljati. E.g. min jakkumula biss fl-aħħar ta’ħajtu jinduna kemm investa ħażin għax issa jrid iħalli kollox warajh.
  5. “Dal-ħażen kollu minn ġewwa joħroġ u jtebba’ lill-bniedem.” Dal-ħażen ma jmurx billli taħsel idejk bl-ilma imma billi tħalli l-Kelma t’Alla tippurifika lil qalbek.

Sors: lachiesa.it/liturgia/omelie/padrefernandoarmellini

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading