Ix-Xahar tal-Ħolqien 2018. Messaġġ mill-Kummissjoni Interdjoċesana Ambjent


Min hu fidil f’ħaġa tassew żgħira, hu fidil ukoll fil-ħafna (Lq:16:10)

Hi ħaġa tassew nobbli li wieħed iħabrek biex jieħu ħsieb tal-ħolqien b’għemejjel ċkejkna ta’ kuljum … bħal meta wieħed jevita l-użu ta’ materjal tal-plastik jew tal-karta, inaqqas il-konsum tal-ilma, jifred l-iskart, isajjar biss dak li jaħseb li jiflaħ jiekol, jittratta b’għożża l-ħlejjaq ħajjin l-oħra, jinqeda bit-trasport pubbliku jew jaqsam l-istess karozza ma’ iktar minn persuna waħda, jiżra’ s-siġar, jitfi dwal mixgħula għalxejn, u ħafna iżjed.” (Laudato Si`, par.211)

POSTER2Matul ix-Xahar tal-Ħolqien, li beda fl-1 ta’ Settembru (il-jum ta’ talb għall-Kura tal-Ħolqien) u jintemm fl-4 ta’ Ottubru – jum il-Festa ta’ San Franġisk t’Assisi, dawk kollha li jemmnu fi Kristu huma mistiedna sabiex jirriflettu fuq kemm il-ħolqien hu sinjal ċar tal-imħabba li Alla l-Missier għandu lejn uliedu. Iżda huwa wkoll żmien li matulu aħna msejħa sabiex naraw kemm qed napprezzaw dan ir-rigal, u kemm aħna amministraturi għaqlin tiegħu. Bħalma għamlet fl-imgħoddi, il-Kummissjoni Interdjoċesana Ambjent (KA) tixtieq twassal il-ħsibijiet tagħha biex tgħin f’din ir-riflessjoni.

Hu faċli ħafna li tikkritika biss u toqgħod tistenna lil ħaddieħor jagħmel xi ħaġa, li tkun negattiv u li tiffoka biss fuq “kemm għad fadal xi jsir”. L-Enċiklika tal-Papa Franġisku Laudato Si` tfakkarna b’mod l-aktar qawwi li anke jekk l-awtoritajiet ma jagħmlux xogħolhom f’dan il-qasam, aħna, bħala ċittadini u wisq aktar bħala Nsara, għandna d-dmir li nieħdu ħsieb din id-dar komuni tagħna, li għal ħafna żmien ġiet traskurata.

Fil-messaġġ tiegħu għal dan il-Jum[1], il-Papa Franġisku għażel li jiffoka fuq l-ilma u l-baħar, temi li l-KA tkellmet dwarhom diversi drabi fi stqarrijiet imgħoddija. F’din l-istqarrija l-KA iddeċidiet li tiffoka fuq l-iskart, minħabba l-impatt dirett li dan għandu kemm fuq il-kwalità tal-ilma tal-pjan u kemm fuq il-biodiversità tal-ibħra. B’mod aktar speċifiku sa toffri xi ħsibijiet dwar dawk il-prattiċi li fl-immaniġġjar tal-iskart huma magħrufa bħala t-3Rs: Reduce (naqqas), Reuse (erġa’ uża) u Recycle (Irriċikla), minħabba li dawn joffru opportunità lil kull persuna ta’ rieda tajba sabiex tagħti sehemha b’mod tanġibbli u mhux bil-paroli biss.

(1)   Naqqas l-iskart (Reduce). Dan hu l-mod l-aktar effettiv li bih nistgħu nirbħu l-ġlieda kontra l-iskart. Inqas ma noħolqu skart inqas ikollna problema biex naraw x’se nagħmlu bih. Filwaqt li tistenna bil-ħerqa il-qafas politiku dwar il-kwistjoni tas-Single Use Plastic li l-ERA (fuq talba tal-Ministru għallAmbjent Hosè Herrera) qed tħejji għall-konsultazzjoni pubblika[2], il-KA tappella liċ-ċittadini individwali, lill-organizzazzjonijiet u b’mod speċjali lill-produtturi sabiex ma jużawx iżjed oġġetti tal-plastik bħal tazzi, platti, pożati, straws, boroz u fliexken tal-ilma tal-plastik li jintużaw darba u jintremew. Il-KA tistieden lill-awtoritajiet sabiex jimpenjaw ruħhom ħalli tkun imsaħħa u infurzata bis-serjetà il-liġi li tipprojbixxi l-użu tal-basktijiet tal-plastik u ssir estensjoni tagħha sabiex tinkludi l-boroż tal-plastik, ir-rilaxx tal-bżieżaq (balloon releases) u l-użu tas-single use plastic. Il-KA tistieden ukoll lill-konsumaturi biex għax-xirja tagħhom jużaw basktijiet tad-drapp.

(2)   Erġa uża (Reuse). Minkejja l-ammont dejjem jiżdied ta’ skart iġġenerat f’pajjiżna, il-KA tinnota b’sodisfazzjon iż-żieda wkoll ta’ websajts u gruppi lokali Facebook, kif ukoll entitajiet li qed jiġbru u jagħmlu użu mill-ġdid ta’ oġġetti li għalkemm ikunu skartati minn xi wħud, xorta jkunu tajbin biex jinqeda bihom ħaddieħor. Responsabbiltà ambjentali titlob minna li ma ninġarrux mill-ġirja sfrenata tal-konsumiżmu, imma li nagħmlu użu għaqli mir-riżorsi tagħna.

(3)   Irriċikla (Recycle). Minna ċ-ċittadini huwa diġà mitlub niffaċiltaw ir-reċiklaġġ billi nisseparaw l-iskart li ma stajniex nevitaw u ma stajniex nerġgħu nużaw. Il-KA tħoss li bħala ċittadini u bħala Nsara aħna fid-dmir li nikkoperaw mal-awtoritajiet u l-kumpaniji li jimmaniġġjaw l-iskart sabiex jitkabbar il-persentaġġ ta’ skart li jkun riċiklat, speċjalment issa li qed titnieda l-inizjattiva nazzjonali għall-ġbir tal-iskart organiku[3].

Huwa faċli li wieħed jaqta’ qalbu quddiem id-dimensjoni tal-problemi ambjentali. Madanakollu għall-Insara li jemmnu fi Kristu Rxoxt, “It-tama tistedinna nagħrfu li dejjem hemm triq ’il quddiem, li dejjem nistgħu naqilbu r-rotta, li dejjem nistgħu nagħmlu xi ħaġa biex insewwu l-problemi” (Laudato Si`, par.61). Il-KA tinnota b’sodisfazzjon kbir inizjattivi ta’ individwi (bħalma huma d-diversi clean ups li jsiru madwar pajjiżna), ta’ organizzazjonijiet (eż. Puttinu Cares u l-Kumitat Festi Esterni ta’ San Ġorġ Ħal Qormi li stqarrew li mhumiex se jitilqu bżieżaq fl-arja waqt iċ-ċelebrazzjonjiet tagħhom) u tal-awtoritajiet sabiex tkun indirizzata l-kwistjoni tal-iskart f’Malta. Waqt li tesprimi s-sodisfazzjon tagħha f’dan ir-rigward, il-KA tħeġġeġ lil kulħadd iħares lil hinn mill-interessi personali, u lkoll flimkien naħdmu għall-ġid komuni b’risq dawk kollha li jgħammru f’din id-dar komuni li Alla l-Missier għoġbu jagħtina.

L-Erbgħa 12 ta’ Settembru 2018

[1] Ara: http://w2.vatican.va/content/francesco/en/messages/pont-messages/2018/documents/papa-francesco_20180901_messaggio-giornata-cura-creato.html

[2] http://www.independent.com.mt/articles/2018-05-16/local-news/ERA-to-prepare-strategy-to-tackle-single-use-plastic-6736189941

[3] https://www.timesofmalta.com/articles/view/20180827/local/watch-every-family-to-receive-its-own-organic-waste-bin.687742

Author: laikosblog

Blog tas-Segretarjat għal-Lajċi.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.