“KUNU QADDISIN …”


Fr. Philip Cutajar OFMCap jikteb il-ħsibijiet tiegħu dwar l-Eżortazzjoni Appostolika tal-Papa Franġisku, Gaudete et Exsultate, dwar is-Sejħa għall-Qdusija llum.

Il-Papa Franġisku fl-aħħar dokument tiegħu… l-aktar wieħed riċenti…dak li tana proprju fid-19 ta’ Marzu ta’ din is-sena jmur jagħmililna sejħa speċjali għall-qdusija. Fl-Eżortazzjoni Appostolika “IFIRĦU U THENNEW” il-Papa Franġisku jagħmlilna sejħa li hija sejħa antika u qadima daqs il-ħolqien tal-bniedem, imma fl-istess waqt hija sejħa friska u dejjem ġdida mhux biss għax diġà għal għa diversi drabi saħaq fuqha  Ġesù Kristu fl-Evanġelu imma wkoll għax il-Knisja Ommna kontinwament tfakkarna fiha u tgħina nilħquha billi ngħixuha.

Il-qdusija li mhijiex xi sejħa ta’ xi wħud, xi sejħa li hija riservata bħal monopolju tal-patrijiet u s-sorijiet, imma hija sejħa universali. Hija sejħa fejn aħna lkoll ġejna msejjħin għaliha. Kull min hu mgħammed huwa msejjaħ sabiex isir qaddis. Il-Mulej Ġesù lil kull wieħed u waħda minna għadu anke llum jgħidilna: “Kunu mela perfetti, bħalma hu Perfett  Missierkom li hu fis-smewwiet” (Mt 5, 48). Dak li Ġesù jgħid fl-Evanġelju miktub minn Mattew isib it-traduzzjoni tiegħu f’diversi verżjoni fil-kelmiet: “Kunu mela qaddisin, bħalma hu Qaddis Missierkom li hu fis-smewwiet”. U s-sejħa li Ġesù jagħmlilna  f’Mattew “Kunu mela perfetti….Kunu mela qaddisin…” f’Luqa mhux tinbidel imma tiġi ppreżentata b’mod aktar ċar, prattiku u konkret: “Ħennu, bħalma hu ħanin Missierkom” (Lq 6, 36).

Il-qdusija hi varjata daqskemm varjata hi l-umanità; il-Mulej għandu fi ħsiebu mixja partikulari għal kull min jemmen, mhux biss għall-kleru, l-ikkonsagrati, jew dawk li jħaddnu ħajja kontemplattiva. Ilkoll aħna msejħin għall-qdusija, hu x’inhu r-rwol tagħna, “ilkoll imsejħin inkunu qaddisin billi ngħixu bi mħabba u kull wieħed minna joffri x-xhieda tiegħu, waqt li ta’ kuljum induru lejn Alla” – jgħidilna l-Papa Franġisku.

ID-DISKORS TAL-MUNTANJA – IL-BEATITUDNIJIET

U dan naslu għalih billi ngħixu b’mod speċjali d-diskors tal-Muntanja, l-hekk imsejjaħ id-diskors tat-Tmin Beatituudnijiet li nsibu fl-Evanġelju miktub minn San Mattew, il-Kapitlu 5. Il-Papa Franġisku ikompli jgħidilna:

“Il-Beatitudnijiet huma n-normi, il-programm, id-direttivi  li ħallielna Ġesù bil-għan li filwaqt li nwettqu l-aktar affarijiet ordinarji imma b’mod straordinarju fil-ħajja ta’ kuljum, insiru qaddisn. F’dan il-każ, “hienja” u “mberkin” isiru sinonimi ta’ “qaddisin”. Niksbu l-ferħ veru mill-prattika fidila tal-Beatitudnijiet u nistgħu nesprimuhom biss jekk l-Ispirtu s-Santu jidħol fina bil-qawwa tiegħu u jeħlisna mid-dgħufija, mill-egoiżmu, mill-għażż u mill-kburija”; jgħidilna l-Papa Franġisku fl-Eżortazzjoni Apostolika “Ifirħu u Thennew”.

Il-Papa Franġisku jfisser kull waħda mill-Beatitudnijiet u l-istedina tagħhom, u jagħlaq hekk kull taqsima:

  • “Li nkunu foqra fl-ispirtu, din hi l-qdusija”.
  • “Li nwieġbu b’qalb ħelwa u umli, din hi l-qdusija”
  • “Li nagħrfu nibku mal-oħrajn, din hi l-qdusija”.
  • “Li nkunu bil-ġuħ u l-għatx għall-ġustizzja, din hi l-qdusija”.
  • “Li nħarsu u naġixxu bil-ħniena, din hi l-qdusija”.
  • “Li nżommu qalbna safja minn dak kollu li jtappan l-imħabba, din hi l-qdusija”.
  • “Li niżirgħu l-paċi madwarna, din hi l-qdusija”
  • “Li nilqgħu ta’ kuljum it-triq tal-Vanġelu minkejja li toħolqilna l-problemi, din hi l-qdusija”.

U dan huwa u għandu jkun il-programm ta’ kull wieħed u waħda minna. Dan huwa l-programm li kull parroċċa, kull komunità reliġjuża, kull familja, kull moviment u grupp ta’ spiritwalità jridu jfasslu bil-għan jkunu tassew  qaddisa.

 

L-EVANĠELJU TAL-ĦNIENA

Silta oħra li nsibuha wkoll fl-Evanġelju miktub minn San Mattew din id-darba fil-Kapitlu 26 tkompli tgħina sabiex, insiru qaddisin billi naraw dejjem lil Kristu fil-morda, fil-fqar, f’dawk li jbatu l-ġuħ u l-għatx tal-ġustizzja, fil-ħabsin, fil-barranin li qed jiġu f’pajjiżna jfittxu futur aħjar. Dan huwa l-Evanġelju ta’ l-Opri tal-Ħniena li fuqhom fl-aħħar ta’ ħajjitna ser niġu ġġudikati. Din ser tkun il-karta tal-eżami li jekk ngħaddu minnu nidħlu fil-ħajja ta’ dejjem.

Fil-kapitlu 25 tal-Vanġelu ta’ Mattew (vv. 31-46), Ġesù jieqaf fuq il-beatitudni tal-ħniena. “Jekk irridu nfittxu dik il-qdusija li hi mogħġuba f’għajnejn Alla, f’dan it-test nsibu sewwasew regola ta’ mġiba li fuqha għad isir ħaqq minna”. Meta nagħrfu lil Kristu fil-fqir u f’min qed ibati, allura hemmhekk tidher quddiemna l-istess qalb ta’ Kristu, is-sentimenti tiegħu u l-għażliet l-iżjed profondi tiegħu. “Il-Mulej uriena ċar ħafna kif il-qdusija ma nistgħux nifhmuha u lanqas ngħixuha jekk inwarrbu għall-ġenb dawn l-esiġenzi tiegħu”.

Inkunu tassew qaddisin kemm il-darba nuru ħniena u ma ngħalqu qatt qalbna għall-foqra, għall-imwarrbin, għall-emarġinati, għall-abbandunati, għall-anzjani tagħna billi nkunu kontra l-ewtanasja, għat-trabi fil-ġuf billi niddefendu l-ħajja sa mill-konċipiment tagħha u qatt ma naċċettaw l-abort, billi nilqgħu l-emigranti li qed jiġi fostna u nħobbuhom bħala proxxmu tagħna.

 

 XI KARATTERISTIĊI TAL-QDUSIJA FID-DINJA TAL-LUM

 Il-Papa mbagħad ikellimna dwar “xi aspetti tas-sejħa għall-qdusija li nittama li jidwu b’mod speċjali”, fl-għamla ta’ “ħames wirjiet kbar tal-imħabba lejn Alla u lejn il-proxxmu li nqishom ta’ importanza partikulari minħabba f’xi riskji u limiti tal-kultura tal-lum”. Dawn huma:

1)    Nissaportu, nistabru u nimxu bi ħlewwa

  Jeħtieġ nitqabdu u ngħassu sewwa fuq il-ġibdiet aggressivi u egoċentriċi tagħna: l-Insara “jistgħu jispiċċaw jieħdu sehem fi xbieki ta’ vjolenza verbali permezz tal-internet u d-diversi oqsma jew spazji ta’ skambju diġitali”. Imqar fil-midja Kattolika nistgħu naqbżu l-limiti, u xi drabi jiġu ttollerati l-akkużi foloz u l-kalunnja. “Hu sinifikattiv kif xi drabi, aħna u nippretendu li qed niddefendu kmandamenti oħra, nagħlqu għalkollox għajnejna għat-tmien wieħed: ‘La tixhidx fil-falz’, u neqirdu bla ħniena l-immaġni tal-oħrajn”.

2)    Il-ferħ u s-sens ta’ umoriżmu

 Il-qaddis hu kapaċi jgħix bil-ferħ u s-sens ta’ umoriżmu. Mingħajr ma jitlef ir-realiżmu, idawwal lill-oħrajn bi spirtu pożittiv u għani fil-ħniena.

 3)    Kuraġġ u ħeġġa

 Fl-istess waqt, il-qdusija hi qalbiena, hi qabża ta’ evanġelizzazzjoni li tħalli marka f’din id-dinja. “Il-qlubija u l-kuraġġ appostoliku huma kostituttivi tal-missjoni”.

 4)    Fil-komunità

 Il-mixja lejn il-qdusija hi vjaġġ li ngħixuh u nelaborawh fil-komunità. Meta naqsmu l-Kelma u niċċelebraw l-Ewkaristija flimkien, insiru iżjed aħwa, u dan ftit ftit jibdilna f’komunità qaddisa u missjunarja. Dan hu l-post ukoll għal esperjenzi mistiċi awtentiċi u maqsuma bejnietna.

 5)    Dejjem fit-talb

Talb kollu fiduċja, ikun xi jkun it-tul tiegħu, jirrappreżenta t-tweġiba tal-qalb li tinfetaħ għal-laqgħa personali ma’ Alla, fejn nistgħu nisimgħu l-leħen ħelu tal-Mulej.

Author: laikosblog

Blog tas-Segretarjat għal-Lajċi.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.