Lectio Divina tad-29 Ħadd. Sena “B”

Vanġelu (Mk 10, 35-45): Għat-tielet darba Ġesu’ jgħid lid-dixxipli li kellu jbati.  Il-Missier se jgħaddi lill-Ħaruf f’idejn l-ilpup. Dan l-uniku mod kif l-ilpup jirrejalizzaw kemm huma bhejjem selvaġġi.  Dawn se jaqtgħuhielu għall-mewt, u jerħuh f’idejn il-pagani li se jiddieħku bih, jifflaġġellawh u joqtluh.  Wara tlitt ijiem iqum mill-mewt (Mk 10, 33-34).

  1. Wara dan id-diskors konna nissoponu li d-dixxipli se jipperswaduh biex ma jmurx Ġerusalem.  Minn flok, Ġwanni u Ġakbu jitolbuh: “Ħallina noqogħdu wieħed fuq il-lemin tiegħek u l-ieħor fuq ix-xellug.”  Meta nkiteb l-Evanġelju, Ġakbu ġa kien l-ewwel appostlu li ta ħajtu għal Kristu, u Ġwanni kien mar Efesu fejn kien imfittex ħafna mill-komunitajiet  Insara.  Għalhekk, Luqa ma jsemmix dan l-episodju kemm xejn imbarazzanti u Mattew iwaħħal f’ommhom li marret titlob dan lil Ġesu’. Skont Mark, imma, kienu huma li kellhom il-kilba biex ikunu minn ta’ quddiem.  Li talbu, riduh ukoll bil-fors: “…irriduk tagħtihulna.”  Ġesu’ kien jaf il-ħolm tagħhom li jsiru importanti f’xi pożizzjoni ta’ poter. Ġesu’ ġa kien wissa lil Pietru fuq hekk: “Int qed tirraġuna skont il-kriterji tal-bnedmin mhux ta’ Alla.  Jien ġejt nilliberak minn dan ix-xitan tal-poter li ma jħallikx tgħix ta’ uman imma ta’ lupu salvaġġ.”   Hekk Ġesu’ ried isalva lil Pietru, għalissa mhux li jieħdu l-Ġenna, imma li jeħilsu mill-ħakma ta’ dan ix-xitan.  Bl-istess mod irid isalva lilna.  Dan iseħħ jekk ta’ spiss nirriflettu fuq il-kelma tiegħu, għax dan hu proċess li jieħu ż-żmien. Ġesu’ jieħu ħafna paċenzja bina kif kien jagħmel mad-dixxipli.  Ftit ġimgħat ilu smajnieh  isaqsihom: “X’kontu qed titħaddtu bejnietkom fit-triq?”  Għax kienu qed jitmasħnu fuq min kien l-ikbar fosthom.  Illum isaqsihom bil-kalma kollha: “Xi triduni nagħmlilkom? Għiduli x’tixtiequ ħalli nivvalutawh u naraw jekk dan hux se jwassalkom biex tkunu aktar umani jew le.”  Ma jgħajjatx magħhom imma jtihom ċans jesprimu x’għandhom f’qalbhom ħalli jikxef ix-xitan li għandhom.  Anki aħna, fit-talb tagħna, għandna naqsmu ħsibijietna mal-Mulej, u Hu jgħallimna kif niddixxernu dak li hu r-rieda tiegħu u dak li mhux.
  2. “Ħallina noqogħdu fuq il-lemin u x-xellug tiegħek fil-glorja.”  Din ideja li ħaduha mir-rejiet ta’ dak iż-żmien fejn min kien joqgħod ma’ ġemb ir-re kien jaqsam il-poter miegħu. Hawn ix-xitan inkixef.  Ġesu’ jrid lid-dixxipli u lilna naqsmu l-glorja tiegħu.  Imma liema glorja?  Għal Ġwanni u Ġakbu il-glorja kienet tmiss lil min jaħkem, għandu l-flus u ħafna sefturi.  Ħasbu li Ġesu’ se jilħaq il-glorja tiegħu meta jkeċċi r-Rumani mill-Palestina u jieħu postu fuq it-tron ta’ Israel.  Il-kelma użata għal ‘glorja’ hi kavutt li tfisser il-mument fejn wieħed juri s-sbuħija kollha tiegħu.  Il-glorja t’Alla narawha meta Hu juri s-sbuħija, il-kobor u l-qawwa kollha tiegħu.  Imma matul is-sekli, kibret l-ideja li Alla juri l-glorja tiegħu meta jeqred l-għedewwa u jikkastiga l-ħżiena.  Din mhijiex sbuħija imma kruha. Kienu l-bnedmin li attribwew din il-kruha lil Alla.  Mentri l-glorja t’Alla tibbrilla fuq wiċċ Ġesu’, u s-sbuħija tiegħu hi l-immensita ta’ mħabbtu bla kundizzjoni, li wasslitu biex jirregalalna ħajtu fuq is-salib. Dil-glorja hi kuntrarju għal dak li ħasbu ulied Żebedew. “Dan Alla li qal: ‘Ħa jiddi d-dawl fid-dlam, dak hu li idda fi qlubna biex jagħtina d-dawl tal-għarfien tal-glorja t’Alla, li tiddi f’wiċċ Kristu’” (2 Kor 4, 6). Id-dixxipli kienu għadhom ‘il bogħod biex jifhmu li bniedem hu sabiħ meta jħobb u jservi lill-oħrajn.  Illum ukoll, anki dawk l-insara impenjati sew fil-qadi tal-proxxmu, iridu joqogħdu għassa għal din it-tentazzjoni biex jidhru, jispikkaw u jieħdu l-glorja huma.  Dixxiplu dehen ta’ Kristu jfittex dejjem l-aħħar post. “Il-Knisja għal xi wħud qed issir l-akbar ostaklu għall-fidi, għax ma jarawx fiha ħlief ambizzjoni għall-poter.” (Joseph Ratzinger).
  3. “Għandkom il-ħila tixorbu l-kalċi li se nixrob jien?”  Din l-espressjoni Biblika tfisser li tieħu sehem ma’ xi ħadd kemm fil-ferħ tiegħu u kemm  fid-destin tiegħu.  Ġesu’, mela, qed jistaqsi jekk iridux jagħmlu l-istess għażla li se jagħmel hu, għażla ta’ ħajja mogħtija bħala rigal.  Fl-aħħar ċena, mbagħad, bħala sinjal tal-għaqda bejnu u bejn id-dixxipli, jagħżel l-Ewkaristija, fejn kollha xorbu mill-istess kalċi.  Li tieħu sehem fl-Ewkaristija hija l-qofol ta’ xi tfisser tkun dixxiplu. “Titgħammdu bl-istess Magħmudija”  tfisser li timxi t-triq kollha li mexa Ġesu’. Din għandha tkun il-glorja tad-dixxiplu. “Għandna”, qalulu. La wieġbu bla ma qagħdu jaħsbuha sinjal li ma fehmux sew x’jinvolvi l-kliem ta’ Ġesu’.  Anki llum insibu min ifixkel x’inhi il-propja glorja ma’ glorja tad-dinja: inkini, bews tal-idejn, titli ta’ unur, eċċ.  Dawn jistgħu jwasslu għal tellieqa għall-ewwel postijiet, l-istess kif inħolqot il-firda fl-Appostli.  “Dil-ħaġa hi għal dawk li għalihom ġiet imħejjija,” i.e. dawk li jgħixu sefturi ta’ l-oħrajn.
  4. “L-għaxra l-oħra saħnu għal Ġwanni u Ġakbu,” għax huma wkoll riedu l-ewwel post.  Hawn għandna l-ewwel qasma (xiżma) fil-Kinisja.  Ix-xiżmi li ġew wara din, kollha kienu kawża tal-kilba għall-poter.  (Dan ifakkarna fi żmien Reħobogħam, meta kien jgħakkes lill-poplu Lhudi, u għalhekk għaxar tribuijiet inqasmu mit-tnejn l-oħra, u, li kieku ma kienx għall-profeta, kienu jispiċċaw fi gwerra ċivili.)  Ġesu’ sejjaħ lejh lit-tnax għax qalbhom kienet ‘il bogħod minnu: “dawk li jaħkmu fuq l-oħrajn jgħakksuhom.  Jużaw il-poter billi jordnaw, jippretendu privileġġi, qima, bews tal-idejn, u li tindirazzahom kif jixraq. Fostkom m’għandux ikun hekk.  Min irid ikun fl-ewwel post għandu jkun ilsir ta’ kulħadd, ikun diakonos, i.e. joffri ruħu minn qalbu biex iservi.  Din hi l-loġika l-ġdida: min irid ikun l-ewwel, irid joqgħod l-aħħar,  għax Bin il-bniedem ma ġiex biex ikun moqdi imma biex jaqdi, u biex jagħti ħajtu b’fidwa għall-kotra.”

Sors: lachiesa.it/liturgia/omelie/padrefernando armellini    

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading