Vanġelu (Mk 10, 46-52): Il-Ħadd li għadda rajna kemm id-dixxipli għadhom fl-għama ifittxu l-glorja tad-dinja. Ġesu darba qallhom: “Għandkom għajnejn u ma tarawx.” Biex jurihom kemm irid jiftħilhom għajnejhom, ifejjaq għama f’żewġ okkażżjonijiet. L-ewwel meta kien ħiereġ minn Jeriko biex ikompli s-seba’ u għoxrin kilometri li kien jonqsu għal Ġerusalem. Din kienet triq ta’ periklu, b’ħafna ħallelin jaqbżu fuq il-vjaġġaturi. Għalhekk dawn kienu jistennew karovana b’ħafna nies u għases għall-protezzjoni biex jieħdu dit-triq għat-telgħa, Kien żmien l-Għid, u l-Lhud kienu mħeġġin jagħtu karita’ lill-fqar. Għalhekk it-tallaba kienu jistennew il-pellegrini ħerġin minn Ġeriko.
Mark kiteb fatt li ġara, imma jixtieqna neħduh bħala parabbola ta’ passaġġ mid-dlam għad-dawl. Ta’ spiss inwissu lil xi ħadd li jkun qed jiżbalja: “M’intix tara x’inti tagħmel u fejn sejjer?” U dan wara jgħid: “Kont fit-triq ħażina, imma ħabib fetaħli għajnejja.” Mela, barra l-għama tal-ġisem hemm dik spiritwali. Ġesu fuq is-salib talab: “Aħfrilhom għax ma jafux x’inhuma jagħmlu għax għomja. Ma jafux x’inhu ġust u x’mhux.” Din hi l-kundizzjoni ta’ min m’għandux id-dawl ta’ Kristu. Hekk kien Bartimew. X’jiġrilu meta bniedem bħal dan fi triqtu jiltaqa’ ma’ Kristu? Jinfetħulu għajnejh u jinbidel għal kollox.
- Ħafna minn dawk li fejjaq Ġesu ma nafux isimhom. Illum Mark jinsisti fuq il-kunjom “Bartimew”, bin Timew, għax l-iben kien isir jixbaħ lill-missieru, u għax Timew tfisser unur. Hawn qiegħed l-għamad tad-dixxipli meta moħħhom biss fl-unur u l-glorja. Mark ikompli jgħid aktar fuq Bartimew: (a) bil-qiegħda –mela mhux jgħix imma passiv, jivveġeta, jikkuntenta b’li jiddobba għall-ħajja bijoloġika biss; (b) fil-ġemb tat-triq – fil-marġini tas-soċjeta’, i.e. mhux qed jieħu sehem fil-bini tas-Saltna t’Alla. Dan eżempu ta’ kull min ma rċeviex id-dawl tal-Vanġelu u tal-Għid; (ċ) tallab – b’rasu inklinata ‘l isfel, jissemma’ l-muniti jaqgħu f’ħoġru. Min jgħix iħares lejn l-art u l-ħwejjeġ tal-art, ikun qed jeżisti biss. “Alla għamel kollox tajjeb u poġġa f’qalb il-bniedem l-Infinit” (Koħelet). Li ssalva tfisser li tgħolli ħarstek ‘il fuq biex tagħti sens għall-eżistenza tiegħek. Dan nagħmluh jekk niltaqgħu ma’ Kristu biex ifejjaqna mill-għama tagħna.
- “Bin David, ikollok ħniena minni!” Ħafna huma dawk li jidraw b’ħajja bla sens għax jimxu mal-kurrent. Dawn qegħdin fl-għama. Bartimew mhux bħalhom. Dejjem ifittex kif se joħroġ mid-dlam għad-dawl. Ma jarax imma jisma’. Kull min miexi fid-dlam irid jissemma’ sew, għax jiġi mument fejn jisma’ leħen li jista’ jiftaħlu għajnejh. Illum wasal il-mument għal Bartimew. Kif sema’ dan il-leħen qabad jgħajjat: “Ikollok ħniena minni!” Kull min ifittex id-dawl u sens għal ħajtu se jsib min jiskuraġġieh u jgħajjat miegħu: “Sikket dan in-nuqqas ta’ kwiet f’ħajtek, u kompli għix kif kont. Ma kontx qed tiddobba?” Bartimew jgħallimna kif ma nħallux nies bħal dawn jaqtgħulna qalbna. Dawn jistgħu jkunu mhux biss ħbieb jew familjari, imma nies li suppost iressquna lejn Kristu: dixxipli u Insara mpenjati, li huma umani u fraġli u kull tant, biex jimxu skont is-sens komun, iċajpru u jgħawġu l-proposta ta’ Ġesu.
- “Sejħulu!” Ġesu jisma’ l-għajjat tal-għama, jieqaf u jibgħat għalih. Il-veru dixxiplu għandu jkun sensittiv u attent għas-sejħa ta’ dawk li huma għatxana għall-Kelma t’Alla għax dawn ikunu qed juru kemm id-dawl ta’ Kristu hu nieqes f’ħajjithom. Biex jgħallem dil-ħaġa lid-dixxipli, Ġesu ma jsejjaħx hu lil Bartimew, imma jibgħat lilhom biex iressquh lejh. Dawn huma l-medjaturi u s-segwaċi sinċieri ta’ Kristu, li, meta jisimgħu it-tnehid tal-aħwa f’diffikulta’, jmorru jagħmlulhom kuraġġ u jeħduhom għand Kristu. Kull min ikun miexi fil-għama jkollu bżonn tliet ħwejjeġ: (a) “Agħmel il-qalb,” kuraġġ, għax trid tagħmel bidla radikali f’ħajtek. Int se tħalli min jiftaħlek għajnejk u se tintebaħ x’impenn trid tidħol għalih; (b) “Qum”, i.e. irxoxta għall-bidu ta’ ħajja ġdida; (ċ) “Hu Ġesu li qed isejjaħlek, għax għandu nteress personali fik, għax int prezzjuż f’għajnejh u Hu jħobbok.” Mela, wieħed jiltaqa’ mad-dawl ta’ Kristu permezz ta’ dawn il-medjaturi.
- “Dak tajjar il-mantar…u mar ħdejn Ġesu.” Is-soltu, wieħed għama iqum bil-mod, jitleflef fil-mantar u jitlob lil xi ħadd imexxieh. Il-ġesti ta’ Bartimew differenti għax għandhom sinifikat tejoloġiku: (a) Tajjar il-mantell u l-ftit muniti li kellu f’ħoġru. Dawn ma jinterssawhx aktar. B’hekk juri li lest jiddistakka ruħu kompletament mill-ħajja ta’ qabel. Dan ifakkarna fil-katekumeni fi żmien San Mark. Meta dawn kienu jersqu għall-Magħmudija, kienu jarmu l-libsa l-qadima, għax issa se jilbsu lil Kristu; (b) “Qabeż fuq riġlejh u mar ħdejn Ġesu” li qallu: “Xi tridni nagħmillek?” Din l-istess mistoqsija li kien għamel lil Ġwanni u l-Ġakbu. Meta aħna mmorru għand Ġesu, nitolbuh ħwejjeġ materjali biss bħaż-żewġ dixxipli, jew nitolbu bħal Bartimew li talab kemm għad-dawl t’għajnejh u kemm għad-dawl biex idawwallu trieqtu, u b’hekk ma jiħux triqat oħra li jwasslu għall-mewt? Dan id-dawl tal-Vanġelu jiħtieġ li nitolbuh aħna wkoll, u mhux biex Ġesu joqgħod jagħmel il-mirakli magħna.
- “Mur, il-fidi tiegħek fejqitek.” Il-fidi, i.e. min jafda fil-Mulej, jinfetħulu għajnejh u jsalva, i.e. ikun jista’ jgħix ta’ veru bniedem uman. “Mur, ibda din it-triq ġdida. M’għandekx bżonn min ireġik, għax issa għandek il-Vanġelu biex idawwallek il-passi tiegħek. Se tibda vjaġġ impenjattiv, ta’ riskju u mimli sagrifiċċji, għax ikollok tħalli warajk dak li kont imdorri bih. Din triq għat-telgħa.”
- “U baqa’ miexi warajh.” Is-seba’ (numru perfett) verbi li juża Mark għal Bartimew juru l-mixja ta’ kull dixxiplu: sema’ (li kien ġej Ġesu), għajjat (lil Ġesu għall-għajnuna), qabeż (fuq riġlejh –ħa deċiżjoni), mar (ħdejn Ġesu), talab (il-fejqan), u mexa warajh.
Sors: lachiesa.it/liturgia/omelie/padrefernandoarmellini