L-Evanġelju tal-Ħadd 28 ta’ Ottubru 2018


Ħsieb minn Fr Michael Bugeja
Ara l-qari kollu tal-quddiesa tal-lum: http://www.laikos.org/QQ/Qari_Quddies.php
Mk 10, 46-52

Huwa u dieħel f’Ġeriko, belt ta’ fama mhux wisq tajba, Ġesù sejjaħ lejh raġel li kien tela’ f’siġra biex jarah; ma setax jarah minħabba n-nies, għax kien qasir. Ġesù sejjaħlu u messlu qalbu u minn raġel ta’ statura żgħira bidlu fi ġgant ta’ konverżjoni u ġustizzja. Kien jismu Żakkew.

Huwa u ħiereġ minn Ġeriko, wara li wassal il-Kelma tiegħu u qal dak li kellu xi jgħid, folla kbira kienet miexja warajh, ukien hemm raġel ieħor, raġel li kien xi darba jara, imma għal xi raġuni, li aħna wkoll ma nafux, kien tilef id-dawl. Kien jaf x’jiġifieri id-dawl, il-kuluri, is-sbuħija tal-ħolqien u l-uċuh ta’ dawk li kienu jdawruh, iżda ma baqax. Min jitwieled agħma dan kollu ma jistax ikun jaf x’inhu, imma min kien jara u tilef id-dawl, jaf x’qed jitlef.

Bartimew, bim il-ġentlomi, għax ismu hekk ifisser, jistħoqqlu l-ġieħ għall-kuraġġ li wera. Sema’ b’Ġesù u għaraf li hu l-Messija, Bin David, dak li kellu jiġi jeħles minn kull xkiel. Ma ddejjaqx jidher ikrah, ma ddejjaqx jistona, ma ddejjaqx jiftaħ ħalqu u jgħajjat anke jekk issogra l-esklużjoni; hekk jew hekk xi ftit jew wisq kien diġa eskluż. Is-soċjetà magħmula minn merħla nies, li jirraġunaw b’moħħ wiħed li ma huta’ ħadd minnhom, kienet diġa neħħitlu d-dritt li jgħajjat u jitlob għall-ħniena: bdew isikktuh. In-nies hekk tirraġuna, min hu fil-ħama għalaqlu ħalqu, għax jekk jitla minnha iħammeġ lilna wkoll. U min jirraġuna hekk ikun fil-ħama iktar minn min jidher li hu.

Ġesù jieqaf. San Mark juża dan il-verb biex iwaqqaf lil Ġesù fil-mixja tiegħu ma’ dawk li taparsi rieduh iżda bdew jaħsbu li kliem dak ir-raġel kien ereżija. Ġesù jieqaf. U jordna lilhom, li bdew iwaqqfuh, dawk li kienu jaraw, iżda ma riedux li ħaddieħor jara bħalhom, biex iressuqhulu quddiemu. Dak ir-raġel, jgħidilna San Mark, ma qagħadx jistenna lilhom iressquh. Li kien għalihom baqa’ agħma. Qabeż fuq saqajh u resq lejn Ġesù. Kif? M anafux lanqas, imma jidher li fih kien hemm dawl jiddi, li fin-nies li kien hemm kien mitfi għal kolox.

Il-mexxejja tal-bnedmin jgħaddu minn żewġ tentazzjonijiet qawwija, u mhux rari li jaqgħu għal xi waħda minnhom. U dawk immexxijja minnhom, tant drawhom, li jew ma jarawhomx jew drawhom tant li ma jagħtux kas, forsi kultant għax jaqblilhom ukoll. l-ewwel hemm it-tentazzjoni li jzommu taħt il-ħakma tagħhom lil dawk li jmexxu billi jagħtuhom li jridu, jħalluhom jagħmlu li jridu; ir-riżultat: konfużjoni sħiħa, mibgħeda u għira għax il-bniedem qatt m’għandu xeba’. It-tentazzjoni l-oħra hi li jwerwru lin-nies li jmexxu, izommuhom il-ħin kollu mwerwrin biex jekk ma jirrispettawhomx għax iħobbuhom, juru li jirrispettawhom għax jibżgħu minnhom; ir-riżultat: stat dittatorjali kiefer.

Ġesù ma jaqa għall-ebda waħda minn daw it-tentazzjonijiet għax mhux imqanqal mill-ħtieġa għall-poplarità iżda mill-imħabba. Għax iħobb irid li dawk li jħobb jifirħu mhux jibżgħu, jieħdu lura d-dawl. Għax iħobb irid li dawk li jħobb jagħmlu għażliet tajba li jagħtu dinjità lilhom u lil ħaddieħor billi jgħixu f’ordni u sliem. Barra minn hekk, filwaqt li l-bnedmin iħokku dahar xulxin u jħosshom komdi, l-ewwel kelma ta’ Ġesù, mhux ħokkli dahri ħa nħokklok dahrek iżda: xi trid mingħandi, xi tridni nagħmillek. Qalb li tħobb qatt ma tara x’se tieħu, iżda dejjem x’se tagħti.

Li kieku dak ir-raġel ta kas in-nies u sema’ minnhom, tkaxkar mal-kurrent tagħhom biex jogħġobhom, kien jibqa’ jiddependi mill-karità tagħhom. Ġesù, imqanqal mill-fidi tiegħu tah id-dawl u l-libertà.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.