F’Garissa ż-żerriegħa tal-paċi bejn l-Insara u l-Musulmani qed tibda tagħti l-frott


Is-Sibt 27 ta’ Ottubru 2018: Stejjer ta’ koeżistenza bejn il-fidili taż-żewġ reliġjonijiet. Il-memorja tal-attakki mill-milizzji al-Shabbab, ir-ritorn għall-kalma, id-djalogu interreliġjuż, ix-xogħlijiet tal-Knisja fl-intervista mal-Isqof Joseph Alessandro.

Rapport ta’ Cristina Uguccioni … La Stampa, 23 ta’ Ottubru 2018

Id-djoċesi ta’ Garissa, li tinsab fil-grigal tal-Kenja, fuq il-fruntiera mas-Somalja, tkopri 145,000 kilometru kwadru (terz tal-pajjiż). Jgħixu fiha miljun ruħ, li 98% minnhom jistqarru l-fidi Iżlamika. Il-Kattoliċi huma madwar 8,000 (0.8%), l-aktar minn partijiet oħra tal-Kenja: jinsabu f’seba’ parroċċi u għandhom mal-ħmistax-il saċerdot u erba’ komunitajiet ta’ reliġjużi. Sfortunatament, dan ir-reġjun, f’dawn l-aħħar snin, kien milqut ħażin mill-milizzji Somali ta’ al-Shabbab li wettqu bosta attakki. L-iktar wieħed serju kien f’April 2015 meta t-terroristi ħabtu għall-Università ta’ Garissa, bdew jisparaw u ħatfu għexieren ta’ nies. Huma telqu lill-Musulmani u taw is-salt liż-żgħażagħ Insara. Il-vittmi kienu 148: 147 student u gwardjan.

JA01.png

L-Isqof ta’ din id-Djoċesi huwa Patri Joseph Alessandro: Malti ta’ 73 sena, huwa jappartjeni għall-Ordni tal-Kapuċċini Frati Minuri. Wasal fil-Kenja għall-ewwel darba fl-1989 u kienu nasbuh fl-1993: grupp ta’ terroristi (ix-Shifta) waqqfuh waqt li kien qed isuq il-karozza tiegħu u, wara li sparawlu, serquh. Wara li għamel diversi operazzjonijiet fl-Ingilterra, huwa għadda l-konvalexxenza tiegħu f’Malta, fejn il-ħutu l-Kapuċċini għażluh bħala superjur provinċjali. Fl-aħħar tal-mandat tiegħu, huwa talab biex jirritorna lejn il-Kenja, lejn iż-żona ta’ Garissa, fejn kien hemm ftit saċedoti u l-isqof, li ma tantx kien f’saħħtu, ried min jgħinu. Maħtur isqof koadjutur fl-2012, Mons. Alessandro beda jmexxi d-Djoċesi fl-2015. F’dan id-djalogu ma’ Vatikan Insider, huwa jitkellem dwar il-ħajja tad-djoċesi u l-kwalità tar-relazzjonijiet bejn Kristjani u Musulmani.

X’inhi s-sitwazzjoni f’Garissa bħalissa?

“Reġa’ hemm il-kalma u t-trankwillità. Wara l-attakk fuq l-università, ħafna Nsara kienu ppreferew li jitilqu mill-belt u jmorru l-irħula minnfejn kienu ġew inkella jmorru lejn il-kontea ġirien u jerġgħu lura Garissa matul il-ġurnata biex jaħdmu. Issa marru lura jgħixu fil-belt, fejn m’hemmx periklu għaliex il-gvern saħħaħ il-preżenza tal-aġenziji tal-infurzar tal-liġi, li jkomplu jgħassu anke l-knejjes. Dan l-aħħar, il-milizzji Somali ta’ al-Shabbab m’għadx għandhom fil-mira tagħhom nies pajżana, iżda l-pulizija fuq il-fruntiera Somala. L-università reġgħet fetħet u qegħdin jattendu numru tajjeb ta’ Kattoliċi, li aħna nsegwu u norganizzawlhom laqgħat ta’ talb u ċelebrazzjonijiet Ewkaristiċi. Dak fl-università kien attakk terribbli li laqat l-aktar lill-Insara, li kienu wkoll fil-mira fl-imgħoddi. Madankollu, dawn it-terroristi mhumiex biss jattakkaw lill-Insara: fil-fatt fis-Somalja għadhom għaddejjin bl-attakki anki fejn m’hemmx Insara. Fil-Kenja, l-għan ewlieni tat-terroristi ta’ al-Shabaab huwa li jġiegħel lill-gvern jirtira t-truppi mibgħuta lis-Somalja biex jiġġildilhom “.

Fil-passat kif kienu r-relazzjonijiet bejn Kristjani u Musulmani fir-reġjun?

JA02.png“Kienu tajbin. Mhux daqshekk mal-gvern. Qabel l-indipendenza mill-Ingliżi (1963), il-biċċa l-kbira tat-territorju ta’ Garissa kien jagħmel parti mis-Somalja. Imbagħad sar parti mill-Kenja u t-tribù Somali – pjuttost magħluqa – imbagħad ġiet maqsuma. Dan ikkawża ħafna problemi: fit-territorju tagħna, il-membri ta’ din it-tribu jħossuhom Somali u spiss ikollhom il-qraba tagħhom mal-fruntiera. Għal xi żmien, grupp ta’ terroristi, ix-Shifta, kien attiv u wettaq azzjonijiet vjolenti (attakki, serq): madankollu, ma kienx daqshekk radikali u vjolenti daqs al-Shabbab “

X’inhi l-opinjoni ta’ al-Shabbab tal-Musulmani li jgħixu fit-territorju ta’ Garissa?

“Hawnhekk il-Musulmani – li jappartjenu għal xi tribujiet, tnejn minnhom huma miftuħa ħafna għall-Insara – huma dħulin u ma jridux ġlied. Jikkunsidraw lill-Islam bħala reliġjon ta’ paċi: ma jappoġġjawx lit-terroristi. Xi wħud, madankollu, jibżgħu li jikkundannaw dan il-grupp bil-miftuħ kemm minħabba li jibżgħu minn xi ritaljazzjoni kontra l-qraba tagħhom fis-Somalja u minħabba li jappartjenu lill-istess tribù tat-terroristi u jibżgħu li jkunu meqjusa bħala tradituri. Dawn il-Musulmani jsofru u ma jitkellmux: huma jibżgħu mill-attakki, u fl-istess ħin, ma jħossux li għandhom imorru għand il-pulizija biex jirraportaw. Riċentement, madankollu, l-armata setgħet isserraħ fuq il-kollaborazzjoni ta’ nies ta’ fidi Islamika. Il-Knisja Kattolika il-Musulmani jħarsu lejha b’simpatija u ammirazzjoni għall-bosta xogħlijiet li tnedew. Dan ġara iktar minn darba li fidili Iżlamiċi qalu lilna s-saċerdoti: “Hija ħasra tassew li – bħala Insara – għandkom tmorru l-infern, nies twajba bħalkom!””.

Liema xogħlijiet soċjali ġew promossi fid-Djoċesi?

“Minbarra l-kura pastorali, għandna xi kliniċi, sptar, ċentru ta’ rijabilitazzjoni għal tfal b’diżabilità, orfanatrofju għall-bniet u xi skejjel primarji. Barra minn hekk, twaqqfu ħames gruppi għall-promozzjoni tan-nisa, kif ukoll distribuzzjoni regolari ta’ ikel u kullma hu meħtieġ għal dawk l-aktar fil-bżonn. Kull persuna hija kreatura ta’ Alla, għandha d-dinjità invjolabbli, trid tkun maħbuba u rispettata: dan huwa dak li nixtiequ nittrasmettu permezz tax-xogħlijiet tagħna, intiżi għall-popolazzjoni kollha. L-iskejjel, per eżempju, jattendu fihom it-tfal Insara u Musulmani. Aħna konvinti li l-istituzzjoni edukattiva Kattolika jista’ jkollha rwol deċiżiv fil-bini ta’ soċjetà ta’ ħidma flimkien u paċifika. Il-ġenituri Musulmani jafdawna, huma għandhom stima lejna u jgħidu li huma kuntenti li qed jibagħtu lit-tfal tagħhom lill-iskejjel tagħna: jafu li naħdmu bil-passjoni għall-formazzjoni umana tal-ġenerazzjonijiet żagħżugħa. Aħna ngħaddu lill-istudenti tagħna l-valuri tal-Evanġelju (li huma universali), bħalma hi l-imħabba għall-proxxmu, il-ġustizzja, il-paċi u l-maħfra. It-tfal jassimilawhom u, billi jistudjaw u jilagħbu flimkien, jitgħallmu jħobbu lil xulxin, jgħixu flimkien, ma jikkunsidrawx bħala avversarji lil dawk li ġejjin minn tribù oħra jew jistqarru reliġjon differenti. Ejjew inħawlu, konvinti li l-frott se jiġi “.

X’forom jieħu d-djalogu interreliġjuż fid-djoċesi tiegħek?

JA03“Aħna dejjem mexjin ’l quddiem djalogu interreliġjuż permezz ta’ diversi inizjattivi. Ftit snin ilu, il-Konferenza Episkopali Amerikana ffinanzjat programm ta’ sentejn li kien jinkludi laqgħat regolari f’parroċċi individwali bejn gruppi ta’ nisa, żgħażagħ, adulti u awtoritajiet reliġjużi. L-għan kien li jsiru jafu lil xulxin, jikkonfrontaw lil xulxin u jiġu evitati konflitti li setgħu jinqalgħu. Iż-żgħażagħ organizzaw ukoll kompetizzjonijiet sportivi flimkien. Issa l-fondi ntemmu iżda l-gruppi għadhom jiltaqgħu. U r-riżultati huma inkoraġġanti ħafna. Ngħidu aħna: m’ilux, fil-parroċċa, il-grupp interreligjuż tan-nisa seta’ jwaqqaf kunflitt li kien se jinqala’ bejn l-irġiel. Personalment, xi kultant ikolli laqgħat, speċjalment ta’ talb, mal-imam lokali, li wħud minnhom, wara l-attakk fuq l-università, ġew il-katidral – sinċerament sogħbiena – biex joffru kondoljanzi u apoloġiji għal dak li ġara “.

Kif tiddeskrivi l-fidi tal-Kattoliċi ta’ Garissa?

“Ċara, soda. L-attakk fuq l-università seħħ nhar Ħamis ix-Xirka: il-Ġimgħa u s-Sibt il-katidral baqa’ tista’ tgħid abbandunat iżda f’Ħadd il-Għid kien ippakkjat. U kien hemm ukoll ħafna tfal, minħabba li kellhom isiru l-magħmudijiet. Niftakar li l-ġurnalisti barranin li ġew fil-belt minħabba l-attakk kienu mistagħġba ħafna meta raw dik il-folla ta’ fidili. Issa, kif għidt, reġa’ għandna l-kalma; Il-kattoliċi ma jibżgħux idendlu l-kuruna tar-rużarju m’għonqhom jew jilbsu t-shirts bix-xbieha ta’ Ġesù u tal-Madonna. Naturalment, jibżgħu mill-attakki, iżda jkomplu jmorru l-knisja; huma jgħidu: “Jekk għandna mmutu, aħjar li jiġri jkun hawn, fid-dar tal-Mulej”. U hekk jgħidu ż-żgħażagħ. Aħna s-saċerdoti nappoġġjawhom u nħeġġuhom biex jitolbu. It-talb għandu qawwi kbira kontra l-ħażen. Għandi ħafna fiduċja fl-Ispirtu s-Santu, fl-intervent tiegħu: huwa Hu li jiggwida l-Knisja. Għal raġunijiet ta’ sigurtà, fil-belt ta’ Mandera, fil-parti l-iżjed imbiegħda fit-tramuntana tad-Djoċesi, m’hemm ebda sacerdot preżenti b’mod permanenti: il-fidili jkomplu jgħixu l- ħajja tagħhom bil-fidi. Meta mmur minn żmien għal żmien biex niltaqa’ magħhom, nara kif l-Ispirtu s-Santu qiegħed jaħdem. Kristu qal li hu se jkun magħna kuljum sal-aħħar tal-ħin: dejjem nirrepetuha lill-fidili tagħna u huma fehmuha”.

Hemm sinjali li r-relazzjonijiet bejn l-Insara u l-Musulmani se jitjiebu?

“Jiena għandi ħafna fiduċja, bażikament għal żewġ raġunijiet. L-ewwelnett, il-gvern qed jagħmel ħiltu biex itejjeb l-infrastrutturi taż-żona (toroq, il-linji (networks) tal-ilma u l-elettriku) u biex jgħin lil dan ir-reġjun jiżviluppa u jiftaħ aktar. Qed jaħdem ukoll biex jgħin liż-żgħażagħ li jixtiequ jistudjaw u jsibu impjieg. L-edukazzjoni hija waħda mill-erba’ pilastri tal-ħidma tal-gvern. Iż-żgħażagħ li jibdew jiċċaqilqu minħabba x-xogħol jew li jattendu l-universitajiet Kenjani f’naħat oħrajn jitgħallmu kif għandhom imorru ma’ tribu oħrajn, isiru jafu modi differenti ta’ kif ngħixu. U dan jgħin biex tinbidel il-mentalità, biex jingħelbu dawk il-forom ta’għeluq li kultant, fir-reġjun tagħna, huma ostaklu għall-koeżistenza. Aħna qrib dawn iż-żgħażagħ, nakkumpanjawhom u nappoġġjawhom (anke finanzjarjament) fl-istudji tagħhom. Fuq kollox, jiena għandi tama sħiħa għaliex naf li Alla jegħleb il-ħażen u ma jabbandunax lil uliedu. Aħna, bl-għajnuna tiegħu, nagħmlu l-almu tagħna biex niżirgħu ż-żerriegħa tajba tal-Evanġelju u mbagħad nħallu l-futur f’idejh. Forsi aħna ma narawx minnufih il-frott tal-impenn tagħna, imma dan huwa OK: dan għad jarawh il-ġenerazzjonijiet ta’ wrajna. Nitolbu lill-aħwa tagħna fil-fidi tad-dinja kollha biex jappoġġjaw il-komunitajiet tagħna bit-talb sabiex inkunu nistgħu nipproponu l-Evanġelju b’ħajjitna”.

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Louis Spiteri

Author: laikosblog

Blog tas-Segretarjat għal-Lajċi.

2 thoughts on “F’Garissa ż-żerriegħa tal-paċi bejn l-Insara u l-Musulmani qed tibda tagħti l-frott”

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.