L-Isqof Mario Grech fil-bidu tal-Ministeru Pastorali tal-Kan. Ġwann Sultana

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ħadd, 11 ta’ Novembru 2018: L-omelija tal-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex, fil-bidu tal-Ministeru Pastorali tal-Kan. Ġwann Sultana bħala Arċipriet tal-Parroċċa ta’ Marija Assunta, iż-Żebbuġ, Għawdex. Ritratt: Matthew Vella Refalo.

ritratt-matthew-vella-refalo-e1542126585743.jpg

IL-KBIR FOST L-AĦWA FIL-PARROĊĊA

Il-liturġija tal-lum, meta qegħdin miġbura madwar saċerdot li qed jinawgura l-ministeru tiegħu bħala Ragħaj ta’ din il-komunità parrokkjali, għandha tifsira partikulari għall-komunità parrokkjali li qed tilqa’ lil “ħuha l-kbir” li qed nafdalu l-uffiċċju ta’ kappillan. Imma l-istess liturġija għandha tifsira speċjali għalik, Dun Ġwann, meta llum qed terġa’ tingħata lill-Knisja li tgħammar fost dawn il-familji. Għalhekk, fid-dawl tal-Vanġelu li xxandar illum (Mk 12:38-44), nixtieq noffrilek ftit rakkomandazzjonijiet bl-awgurju li ngħinek tvara dan il-ministeru.

1. Fil-Vanġelu laqatni l-fatt li Kristu kien imur it-Tempju ta’ Ġerusalemm. Għalkemm kien l-Iben ta’ Alla, huwa xorta kien jagħmel il-ħin għat-talb. Għalkemm Kristu huwa s-Saċerdot il-kbir tal-Liġi l-Ġdida, xorta kien iħoss il-ħtieġa mhux li jippresiedi l-laqgħat tat-talb fit-Tempju, imma li personalment jidħol f’kuntatt mal-Missier. Huwa fatt li l-qawwa tal-ministeru tagħna r-Ragħajja niksbuha biss bit-talb. Jekk ma nkunux saċerdoti li nitolbu, hemm ir-riskju li nsiru sempliċi funzjonarji tal-kult. Jekk irridu nkunu saċerdoti tajba, irkupptejna jridu jrabbu l-kallu bil-ħin li ngħaddu nitolbu fil-preżenza ta’ Ġesù. Għalhekk it-talb irid ikun fuq quddiem nett fil-lista tal-prijoritajiet tagħna. Għax jekk is-santwarju ma jkunx għal qalbek, taf tkun kollox imma mhux gwida tal-ħajja spiritwali, u qatt ma tasal biex tkebbes ix-xewqa għal Alla fil-qalb tal-poplu fdat f’idejk!

Nifhem li xi drabi tkun l-istess komunità parrokkjali li, meta ma jkollhiex il-prijoritajiet f’posthom, kapaċi tfixklek fil-ħajja tat-talb. Naf b’kappillan li ma jistax imur joqgħod jitlob fil-knisja għax, malli jintefa’ quddiem Ġesù Sagramentat, jibdew ġejjin in-nies biex ikellmuh. Hija ħaġa tajba li n-nies tfittex lis-saċerdot; imma importanti li l-poplu ta’ Alla jgħin lilna s-saċerdoti biex qabel kollox inkunu saċerdoti mogħtija għat-talb. Hija parti mill-ministeru tagħna li fit-talb tagħna ninterċedu għall-komunità ekkleżjali.

Għalhekk, għażiż Kappillan, inħeġġek biex tikber fit-talb personali kif ukoll dak liturġiku. Dwar iċ-ċelebrazzjonijiet liturġiċi noqogħdu ferm attenti, għax hemm linja fina bejn li l-altar ikun iċ-ċentru tal-kult divin li jogħġob lil Alla u li nirriduċuh għal palk tat-teatrini b’atturi mlibbsa bi lbies liturġiku – kapaċi jkollna ritwal reliġjuż sabiħ b’animazzjoni artistika, imma xorta ma naslux biex nagħmlu esperjenza ta’ Alla.

2. Ġesù għandu kelma iebsa għall-iskribi li llum nistgħu ngħidu li jappartienu għall-kategorija tal-kleru: “Iftħu għajnejkom mill-kittieba, li jħobbu jduru mat-toroq bi lbiesi twal, jixtiequ min isellmilhom fil-pjazez, u fis-sinagogi joqogħdu fis-siġġijiet ta’ quddiem, u fil-postijiet ewlenin fil-pranzijiet; iberbqu ġid ir-romol, u mbagħad għal wiċċ in-nies idumu ħafna jitolbu”. Fil-fehma tiegħi dan kollu jinġabar f’kelma waħda li jħobb juża l-Missier tagħna l-Papa Franġisku biex jiddeskrivi marda kerha tagħna s-saċerdoti: klerikaliżmu! Il-klerikaliżmu jeżisti fejn aħna s-saċerdoti nħossuna superjuri għall-oħrajn, mhux biss fit-tagħlim teoloġiku imma wkoll fil-ħajja spiritwali u morali. Hemm il-klerikaliżmu fejn is-saċerdoti huma maqtugħin min-nies u minflok jgħaddu ħinhom fis-sagristiji jew fl-uffiċċji parrokkjali biex jevitaw li joħorġu fit-toroq fejn jgħammru l-familji. Attitudni bħal din twassal biex flok naqdu n-nies, ninqdew bihom! Hemm riħa ta’ klerikaliżmu meta aħna s-saċerdoti nimbuttaw ’il quddiem stili ta’ knisja trijonfalista minflok ta’ knisja umli u feruta.

3. Laqatni wkoll il-fatt li għalkemm fit-Tempju kien hemm il-klassi għanja u dik fqira, Ġesù jxaqleb fuq in-naħa tal-foqra. Il-fatt li l-ħarsa ta’ Ġesù tistrieħ fuq armla fqira jindikalna b’mod ċar li hawnhekk Ġesù qed jagħmel l-għażla preferenzjali favur il-foqra. Seta’, kieku ried, jippreferi lil dawk li kellhom il-ġid u l-poter, imma għażel li jkun qrib dawk li la kellhom ebda protezzjoni u anqas rikonoxximent soċjali. Għalhekk nirrakkomandalek biex bħala kappillan inti tfittex il-foqra u tkun ħabib tagħhom. Meta qed insemmi l-foqra, ma għandix f’moħħi biss lil dawk li ma għandhomx għaxja ta’ lejla jew huma morda, imma ninkludi wkoll lil dawk li għandhom faqar reliġjuż, spiritwali u morali. Tibżax tħammeġ idejk, għax jekk ma tħammiġhomx, idejk jibqgħu maħmuġin. Fittex ikseb il-kuraġġ biex tfassal “Knisja” fejn il-foqra jħossuhom milqugħa.

4. Kristu ma jiżvaluta lil ħadd, lanqas lil dawk li huwa żvalutati mis-soċjetà! Fil-fatt, filwaqt li ħadd ma ta kas ta’ din l-armla fqira li tefgħet ftit ħabbiet fit-teżor tat-Tempju, Ġesù japprezzaha, ifaħħarha u jpoġġiha bħala mudell. Għalhekk nistiednek, Kappillan, biex trawwam fik din l-attitudni li tapprezza u tistma lil kulħadd fil-parroċċa, anki lil dawk li jistgħu joffru biss ftit – biex nagħti eżempju, qed nirreferi wkoll għal dawk li ma jiġux regolarment il-knisja għax jiġu ftit; qed nirreferi għal dawk li l-fidi tagħhom hija żgħira daqs iż-żerriegħa tas-senapa; għandi f’moħħi anki lil dawk li għandhom ftit biss tajjeb fil-ħajja! Ftakar li anki dawk li għandhom biss ftit (dimensjoni spiritwali u dik morali), għandhom valur! Qis li l-miżien tiegħek ikun differenti minn dak li tuża d-dinja! Dak li jniżżel fil-keffa tal-miżien mhix il-kwantità, imma dak li joħroġ mill-qalb. Ħadd ma għandu jħossu eskuż mill-parroċċa li hija d-dar komuni tagħna.

5. Ġesù jqegħdilna lil armla fqira bħala eżempju biex nimitawh. Hija tefgħet fit-teżor tat-Tempju kulma kellha, dak kollu li kellha biex tgħix! Dan ifisser li hija kellha fiduċja għamja f’Alla, li issa li tat kollox, ser jipprovdilha biex tgħix; ifisser ukoll li hija għamlet l-offerta sħiħa tagħha nfisha lil Alla. Jekk dan huwa eżempju għall-imgħammdin kolha, kemm jgħodd b’mod speċjali għalina r-Ragħajja? Jekk irridu nkunu ragħajja tajba, bħall-armla tat-Tempju rridu nagħmlu din l-għotja sħiħa tagħna nfusna lil Alla u lill-Knisja. Ħafna drabi dan jitlob minna ċaħdiet ibsin li jaqtgħu fil-laħam il-ħaj. Ma nistgħux nippretendu li ser naqdu sew l-uffiċċju fdat lilna mill-Mulej jekk ma nkunux deċiżi li nagħtuh kollox mingħajr ebda riserva.

6. Ninnota wkoll li fit-Tempju Ġesù jgħallem lid-dixxipli jagħmlu dixxerniment dwar x’tip ta’ ġenerożità għandu l-bniedem. Kien hemm l-għonja u l-foqra. Ġesù ma waqafx fl-apparenza jew fuq il-ħsejjes li kienu jagħmlu l-offerti, imma kien jiddixxerni liema kienet il-qalb sinċiera u awtentika li kienet qed tagħmel l-offerta. Huwa jeduka lid-dixxipli jiffurmaw il-kuxjenza ħalli mbagħad jagħmlu dixxerniment tajjeb. Għażiż Kappillan, il-ministeru tiegħek għandu jkollu din il-marka tad-dixxerniment. L-ewwel u qabel kollox għaliex inti stess trid il-ħin kollu tiddixxerni x’inhi r-rieda ta’ Alla għal dan il-poplu – il-programm pastorali tiegħek irid ikun frott ta’ dixxerniment. Imbagħad inti msejjaħ biex bil-ministeru tiegħek tgħin lill-bniedem isawwar kuxjenza ffurmata biex ikun jista’ jagħmel dixxerniment u hekk ikun jista’ jagħżel mhux biss il-qamħ mill-karfa, imma wkoll bejn il-qamħ it-tajjeb u dak inqas tajjeb. Kif jistqarru l-Isqfijiet fis-Sinodu li ntemm ftit jiem ilu, “kull dixxerniment personali jisfida lill-komunità kollha, iħeġġiġha biex tagħti widen għal dak li l-Ispirtu qed jissuġġerilha permezz tal-esperjenza spiritwali tal-membri tagħha: bħal kull min jemmen, anki l-Knisja hi dejjem f’dixxerniment” (Dokument finali tal-XV-il Assemblea Ġenerali Ordinarja tas-Sinodu tal-Isqfijiet, 3-28 ta’ Ottubru 2018, 105).

Dawn huma ftit ħsibijiet imnebbħa mill-Vanġelu li tħabbrilna llum bit-tama li jgħinuk fil-missjoni ġdida tiegħek. Ma għandekx missjoni ħafifa! Ħa jkun hemm waqtiet fejn ir-responsabbiltà pastorali tnaffrek u forsi wkoll tkun ittentat tqatta’ l-karti tal-ġurament ta’ fedeltà li għadek kif ħadt quddiem Alla. Agħmel il-qalb! Ħares lejn ta’ qablek – hawn magħna l-predeċessur tiegħek il-Kan. Reuben Micallef, kif ukoll il-Kan. Noel Saliba li ppreċeda fl-uffiċċju ta’ Arċipriet lil Micallef. Hawn ukoll sħabek fil-Kulleġġ tal-Kappillani li jistgħu jgħinuk ħafna. Fuq kollox inpoġġik taħt il-ħarsien tal-Madonna, Omm is-Saċerdot, biex tgħinek twassal fit-tmiem dak li l-Mulej qed jagħtik li tibda llum.

 

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

%d