Ħsieb minn Fr Michael Bugeja
Ara l-qari kollu tal-quddiesa tal-lum: http://www.laikos.org/QQ/Qari_Quddies.php
Lq 17, 11-19
Iċ-ċavetta hija s-Samarija. Is-Samaritani huma dawk li jgħidu li f’idejhom għandhom il-Ġuadiżmu ta’ qabel l-eżilju. Huma l-oriġinali. Il-Lhud, jgħidu s-Samaritani, huma dawk li ġew lura mill-eżilju ta’ Banilonja b’forma ta’ Ġuadiżmu, mbabas. Għas-Samaritani l-għolja l-qaddisa mhix Sijon tal-Lhud, iżda l-muntanja Gereżim.
Għalhekk is-Samaritana f’Kapitlu 4 tal-Evanġelju ta’ San Ġwann, lil Ġesù tistaqsih dwar fejn hu l-vera post ta’ qima lil Alla. Ovvjament, bejniethom kien hemm naqra iżjed minn pika. F’Kapitlu 4 ta’ San Ġwann, is-Samaritani emmnu f’Ġesù u rieduh jibqa’ magħhom, u hu baqa’ hemm jumejn. Iżda meta Ġesù kien sejjer Ġerusalemm, għax kien sejjer Ġerusalemm, is-Samaritani ma ħallewhx jidħol fir-raħal tagħhom u kellu jibqa’ sejjer. Il-pika żviluppat f’mibgħeda.
F’din is-silta Ġesù kien għaddej minn fuq il-fruntiera, u barra mill-ibliet u l-irħula kienu jinġabru kolonji ta’ dawk morda bil-lebbra. Fil-mard m’hemmx piki, wisq inqas mibgħeda. Lhud u Samaritani magħqudin fit-tabtija u fl-esklużjoni soċjali minħabba l-mard jgħixu flimkien, jaqsmu flimkien l-eseprjenza tat-tbatija li l-għeżież tagħhom jew ma riedux jew ma setgħux minħabba l-liġi jieħdu iktar ħsiebhom. Id-dehra ta’ dawn il-morda kienet tkexkex lil kulmin jarahom, mhux wisq minħabba l-kundizzjoni tagħhom daqskemm bil-mod kif kienu obbligati jilbsu u jġibu ruħhom. Kienu bħal iħirsa bla serħan, marbutin f’post wieħed minn fejn ma setgħux joħorġu u ħadd ma seta’ jżurhom. Dawn l-għaxra kienu qrib raħal u kienu qed jissugraw bil-kbir. Jista’ jkun li kienu qed ifittxu x’jieklu biex jgħixu. L-għaks wassalhom biex jissugraw ħajjithom.
Iżda s-sogru tagħhom swielhom ħafna. Iltaqgħu ma’ Ġesù, l-imgħallem. Talbuh ikollu ħniena minnhom. Ma jitoluhx il-fejqan, jitolbuh ħniena u minn dik Ġesù dejjem kellu iktar milli jkun hemm bżonn, iktar minn kemm, min jitlobhielu jkun jistenna. Ġesù ma jagħmel ebda refernza għall-marda u l-kundizzjoni li ġġib magħha. Morru erġgħu lura fil-komunità, uru ruħkom lill-qassisin biex jiċċertifikawkom li fiqtu tassew. Disa’ minn għaxra ħatfuh fil-kelma u baqgħu sejrin, b’seba’ mitt sena, biex jerġgħu għall-ħajja normali. Li kien jinteressahom kien li setgħu jerġgħu ikomplu fejn kienu ħallew qabel mardu. Ftit li xejn indunaw li messithom grazzja kbira u setgħu jibdew mill-ġdid.
Iżda wieħed, li kien Samaritan, induna li xi ħadd bidillu ħajtu, tah ħelsien ġdid, tah dinjità, tah iċ-ċans mill-ġdid li jerġa jibda jgħix u ħassu grat. Reġa lura, inqata’ minn mal-oħrajn biex jagħmel dak li ħass li kien xieraq. Hawn hi d-differenza.
Meta wieħed jinqata’ mill-istint tal-merħla u jibda jaħseb b’rasu, jinduna li hemm ġrajjiet u sitwazzjonijiet li huma iktar importanti, anke mill-fejqan. Għalhekk jerġa’ lura jroddlu ħajr.
Meta aħna llum qed niġu kontinwament magħġuna bil-ħmira tal-eżaltazzjoni tagħna nfusna mogħnija b’kull dritt imnissel minn kull ħtieġa maħluqa, ftit li xejn napprezzaw dakli ħaddieħor jagħmel magħna, dak li Alla jagħmel magħna. Minflok insiru qaddejja ta’ xulxin u ta’ Alla, nagħmlu lill-ħaddieħor u lil Alla stess, dispensatur tad-drittijiet. Huwa dmir tagħhom li jaqduna, mela m’għandniex għalfejn inroddulhom ħajr.
Dan jidher iżjed f’kuntrast mas-silta ta’ qabel din meta Ġesù jitkellem dwar is-sid u l-qaddej. Ġara sewwa sew il-kuntrarju.
Ġesù jikkumenta, donnu b’sobgħa dwar l-attitudni tad-disgħa l-oħra, li kienu ta’ ġewwa. Barrani biss ħass li, minkejja li Ġesù kien Lhudi, Alla nqeda bih biex jagħmillu l-ġid. Minħabba f’hekk ġarrab it-tieni fejqan.
Wara l-ewwel fejqan, dak ir-raġel xorta waħda miet. Wara t-tieni fejqan beda jgħix għal dejjem.