L-Evanġelju tal-Ħamis 15 ta’ Novembru 2018


Ħsieb minn Fr Michael Bugeja
Ara l-qari kollu tal-quddiesa tal-lum: http://www.laikos.org/QQ/Qari_Quddies.php
Lq 17, 20-25

Kemm aħna xortina tajba! Is-saltna ta’ Alla qiegħda fostna.

Il-fariżej ġralhom bħalma kien ġralu Pietru u qala ċanfira papali, li fiha Ġesù urieh biċ-ċar li jeħtieġlu jimxi warajh u mhux quddiemu. Ippruvaw jirraġunaw dak li hu ta’ Alla bil-moħħ ċkejken u dgħajjef nieqes tal-bnedmin. Kienu qed ikunu ta’ skandlu għalihom infushom; ifixklu lilhom infushom u anke lil dawk li kienu jisimgħuhom jew jagħmluha magħhom.

Kienu maħkumin mir-Rumani u kienu skomdi ħafna. Ma setgħux jagħmlu li jridu, riedu jikkontribwixxu minn bwiethom għat-tmexxija tal-imperu. Diġa li toħroġ minn butek hija daqqa ta’ sejf, aħseb u ara li trid taħleb butek biex tmantni lil min qed ixekkillek il-libertà, jaħkmek biex tagħmel dak li jrid hu minflok dak li trid int. Minħabba f’hekk kienu daħħluha f’moħħhom li s-saltna ta’ Alla kellha sseħħ billi xi armata kbira mmexxijja mill-messija mwiegħed, teqred minn wiċċ id-dinja lir-Rumani. Imbagħad setgħu jieħdu nifs ta’ mistrieħ u jgħidu ‘għall-erwieħ’! Qabdu l-kelma ta’ Alla u dawruha skont dak li kienu jixtiequ li Alla jagħmel, minflok fittxew li jagħmlu dak li jrid Alla minnhom. It-tama tagħhom kienet li dan se jseħħ malajr. Imma kienet iktar xewqa milli tama.

Ġesù jurihom li s-saltna ta’ Alla qiegħda fosthom, jistgħu jarawha b’għajnejhom u jmissuha b’idejhom. Setgħu jgħixuha minn hawn stess għax ma kinetx armata lesta għall-gwerra imma ħajja lesta biex tingħax. Kienet il-mibgħeda lejn il-ħakkiema li xennqithom tant għaliha. Iżda Alla, għall grazzja tiegħu, ma jaħsibhiex bħall-bnedmin.

Il-Messija li ġie biex iwaqqaf is-saltna ta’ Alla kien quddiemhom, jitkellem magħhom, jiekol magħhom, jgħix magħhom, imma huma ma għarfuhx. Ġie f’daru imma niesu mhux biss ma għarfuhx, iżda wisq inqas laqgħuh. Il-kliem li kien jgħidilhom, l-imħabba li wriehom meta fetħilhom għajnejhom, iċ-ċanfiriet tiegħu meta ppruvaw jonsbuh, ma swew għalxejn. Li kieku kellna nkejlu s-suċċess ta’ Ġesù minn kemm irnexxa mal-fariżej, kieku Ġesù jinsab isfel nett fil-lista ta’ dawk li rnexxew fil-ħajja.

Ġesù, x’ħin kien waħdu mad-dixxipli, jkompli jiftħilhom għajnejhom dwar dan, biex ma jintilfux jaħlu ħajjithom jistennew dak li għandu jiġri u jinsew li qed jgħixu llum. Anke aħna fi żmienna, nisimgħu ħafna li jgħidu li waslet l-aħħar tad-dinja, u xi ftit jew wisq jaqbadna ftit paniku. Imma tasal id-data mħabbra u ma jiġri xejn. Kienet biss aljenazzjoni. Tmorrux, tiġrux warajhom. Min jaljenana minn dak li nistgħu nagħmlu llum bil-wegħda ta’ ġejjieni li ħadd ma jafu, ikun qed ifixkilna milli naħsbu fillum, napprezzawh u napprezzaw l-opportunità li għandna li minnu nistgħu nagħmlu għada aħjar, li bih nistgħu inħejju ruħna għal meta s-saltna ta’ Alla ma tibqax esperjenza mdgħajfa bir-rabtiet u d-dgħufijiet tad-dinja, imma tkun l-esperjenza ta’ Alla nnifsu fl-eternità.

Qiegħda fostna biex ngħixuha għax Ġesù għaddielna l-esperjenza ta’ Alla u għamilielna faċli ngħiuxha. Fil-prefazju ta’ Kristu Re, il-Knisja, b’għerf kbir u b’esperjenza millenarja, tfaħħar lil Alla talli kkonsagra lil Ġesù Kristu, biex irodd lill-Missier is-saltna ta’ Alla fuq din l-art, mibdula f’saltna ta’ verità u ħajja, qdusija u grazzja, ġustizzja, mħabba u sliem. Is-saltna tinbidel hawn biex minn hawn tibda l-ħajja ma’ Alla.

L-aħħar tad-dinja jasal meta ma tkunx qed tistennieh, bħalma tasal il-mewt meta ma tkunx qed tistenniha. Mhux kulħadd jifhem u japprezza s-saltna ta’ Alla fostna. Il-Messija ma jingħarafx minn ta’ ġewwa u jbati biex ikun mifhum mill-oħrajn.

Aħna tassew xortina tajba, għax hu bata għalina. Is-saltna qigħeda f’qalbna u fostna. J’Alla ma jiġrilniex bħall-fariżej u dak li hu ċar quddiemna nibqgħu ma narawhx.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.