Il-Knisja tikber fis-silenzju


Il-Ħamis 15 ta’ Novembru 2018. Il-Knisja tikber fis-silenzju, fis-sempliċità, bis-sagrifiċċju Ewkaristiku, fil-komunità fraterna, fejn kulħadd iħobb lil xulxin bla ma jkisser lill-ieħor. Hekk qal il-Papa Franġisku fl-omelija li għamel illum fil-kappella tad-Dar Santa Marta. Franġisku kien qed jagħmel riflessjoni fuq is-silta tal-Vanġelu meħuda minn San Luqa.

Il-Knisja turi x’inhi bl-Ewkaristija u bl-opri tajba anke jekk dawn ma jkunux aħbar, għax min-natura tagħha l-Għarusa ta’ Kristu hi silenzjuża, tkattar il-frott mingħajr ma toqgħod iddoqq it-trombi bħalma jagħmlu l-Fariżej.

Il-Mulej spjegalna kif għandha tikber il-Knisja bil-parabbola tar-raġel li jiżra’ ż-żerriegħa li tikber bi nhar u bil-lejl. Alla jkabbar u wara jidher il-frott. Dan hu importanti għax il-Knisja tikber fis-silenzju, fis-satra.  Dan hu l-istil ekkleżjali.

U kif turi ruħha l-Knisja? Ġesù jgħidilna li l-Knisja turi ruħha bil-frott tal-opri tajba biex in-nies jaraw u jigglorifikaw lill-Missier li hu fis-sema, u fiċ-ċelebrazzjoni, jiġifieri fit-tifħir u s-sagrifiċċju tal-Mulej: l-Ewkaristija.

Il-Knisja tikber bix-xhieda, bit-talb, bil-ġibda tal-Ispirtu li hemm fiha, mhux bl-avvenimenti. Hu minnu li dawn jgħinu, imma l-veru tkabbir tal-Knisja, dak li jagħti l-frott, hu s-silenzju, is-satra tal-opri tajba u ċ-ċelebrazzjoni tal-Għid tal-Mulej: it-tifħir lil Alla.

Il-Mulej jgħinna biex ma naqgħux għat-tentazzjoni tas-seduzzjoni, li nkunu rridu li l-Knisja tidher aktar u noqogħdu nfittxu x’se nagħmlu biex tidher aktar. B’hekk, bħal dejjem, insiru Knisja tal-avvenimenti, iżda nieqsa mill-ħila li tikber fis-silenzju, bl-opri tajba, fis-satra.

F’dinja fejn spiss aħna naqgħu għall-ispettaklu, għall-mondanità, għall-apparenzi, il-Papa Franġisku jfakkar li Ġesù nnifsu kien ittantat għas-seduzzjoni tal-ispettaklu: ‘Għalfejn qed tieħu daż-żmien kollu biex iġġib ir-redenzjoni? Agħmel miraklu. Intefa’ minn fuq it-tempju biex jiġu l-anġli jilqgħuk u kulħadd jara u jemmen fik!’

Iżda Hu għażel it-triq tal-predikazzjoni, tat-talb, tal-opri tajba, tas-salib u tat-tbatija. Is-salib tat-tbatija, osserva l-Papa Franġsiku, għax il-Knisja tikber ukoll bid-demm tal-martri, irġiel u nisa li jagħtu ħajjithom. Illum hawn bosta minnhom u hija kurjuża li dawn ma jaslux fl-aħbarijiet. Id-dinja dawn taħbihom għax l-ispirtu tad-dinja ma jittollerax il-martirju imma jaħbih, temm jgħid il-Qdusija Tiegħu l-Papa Bergoglio.

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Joe Huber.