Evanġelju tal-Ġimgħa 16 ta’ Novembru 2018

Print Friendly, PDF & Email

Ħsieb minn Fr Michael Bugeja
Ara l-qari kollu tal-quddiesa tal-lum: http://www.laikos.org/QQ/Qari_Quddies.php
Lq 17, 26-37

Meta tkun taf li kull bidu għandu tmiem, tista’ tipposponi t-tħejjija għalih, iżda ż-żmien tat-tmiem ma tista’ tiposponih qatt. Xi darba jasal għal kulħadd, għax, wasal għal kulħadd. Nistgħu nilludu lilna nfusna u naħsbu li t-tmiem għadu ’l bogħod u ftit li xejn nirrejaliżżaw li t-tmiem huwa llum eqreb milli kien il-bieraħ.

Jidhirli li San Ġorġ Preca kien iħobb jgħid li ‘tardare sì, scappare no!’ Tħalli għal darb oħra tista’, imma taħrab, qatt. Għerf? Jista’ jkun għal min jinduna bir-rejaltà imma huwa għerf li ġej mit-tiġrib tal-bniedem. Ilkoll kemm aħna dfinna lil xi ħadd li konna nixtiequ li jibqa’ magħna għal dejjem, iżda x-xewqat tagħna ma jiksru qatt ir-regola. Dak li ġie irid jitlaq.

Ġesù kien jaf minn xhiex kienu se jgħaddu d-dixxipli tiegħu meta hu kien se jbati ħafna minn dak in-nisel, u huma nħasdu għall-aħbar, aħseb u ara meta dalwaqt dan kien se jiġri tassew. Kien jaf li lanqas għad-difna tiegħu ma kienu se jkunu hemm, għax imħabbithom lejh kienet se tkun megħluba mill-biża’.

Meta l-Evanġelju ta’ San Luqa, kif nafuh aħna, kien fl-idejn, min qrah jew semgħu kien jaf ukoll li kien seħħ tmiem ieħor. Ġerusalem fis-sena 70 kienet inqerdet, u t-tempju, li nbena ftit għexieren ta’ snin qabel minn Erodi l-Kbir, ma kien fadal xejn minnu, ħlief ħajt li għadu magħna sallum. Tmiem vjolenti li ġab miegħu il-qerda ta’ ħafna.

Imma hemm tmiem ieħor li Ġesù jitkellem dwaru; it-tmiem ta’ kollox u ta’ kulħadd. Tmiem li ħafna jiffantasizzaw dwaru għax ħadd ma jaf meta u kif se jkun. Tmiem li ħafna jippruvaw jispjegaw jew jinjoraw u fl-istess ħin kulħadd jaf, fil-fond ta’ qalbu, li huwa eqreb illum milli kien il-bieraħ. Iżda l-biża’ li jqanqal fina, jogħsfor fl-aljenazzjoni ta’ kif se nibqgħu ngħixu għal dejjem, billi nħabirku u nissieltu u niġġieldu, biex, jekk għallinqas ma nkunux qawwijin fit-tmiem, ħadd ma jkun jista’ għalina sakemm jasal, kultant anke billi ngħaffġu, nżebilħu u nkissru lil xulxin.

Kienu jieklu u jixorbu, iżewġu u jiżżewġu; sinjali ta’ festa’. Jixtru, ibigħu, iħawlu, jibnu; sinjali ta’ qliegħ u u ġmiegħ ta’ ġid bħala valur assolut. Ħajja ta’ aljenazzjoni, bil-għan li tiffanga u taħżen u tagħmel festa wara l-oħra. Il-bniedem li jagħmel għamad fuq għajnejh biex ma jarax u forsi jinsa. Iżda r-rejaltà mhix riservata għal min hu bil-ġuħ jew jgħix fil-miżerja; hija r-rejaltà ta’ kulħadd.

U għalhekk Ġesù jisħaq ma’ dawk li jridu jisimgħuh biex iħejju ruħhom. Għad għandek iċ-ċans huwa l-kliem tiegħu li għadu jidwi u jirbombja fil-fond tal-eżistenza tagħna. Huwa kliem ta’ tama għal min irid jisma’, ta’ kuraġġ għal min irid ikun rejalistiku u ma jgħixx fil-ħolm. Għix u tħallix l-illużjoni ssir ir-rejaltà ta’ ħajtek.

Ġesù jsemmi wkoll żewġ tipi ta’ tfixkil. Tħabbilx rasek dwar dak li tħalli warajk u tħarisx lura. Parir ħażin? Ilkoll nafuha t-tweġiba.

L-isqra jinġabru mhux biex jieklu dak li tħalli warajk, iżda biex jieklu li jkun fadal minnek.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading