Riflessjoni fuq l-opri tal-ħniena


Minn Angelo Xuereb

Ir-reliġjon nisranija hija mibnija fuq il-ħniena. Sidna Ġesù Kristu stess qalilna: “Ħennu bħalma hu ħanin Missierkom” (Lq 6, 36).

Il-ħniena lejn il-proxxmu tista’ tieħu diversi forom. Fil-ħajja ta’ kuljum insibu diversi sitwazzjonijiet u tbatijiet. U dawn iridu risposta differenti. Għalhekk insibu li hemm erbatax-il opra tal-ħniena jiġifieri seba’ li jmissu lill-ġisem u seba’ li jmissu lir-ruħ. Dan ma jfissirx li ma hemmx modi oħra kif tgħin lill-proxxmu fid-dinja tal-lum.

L-opri tal-ħniena li jmissu lill-gisem

  1. Itma lil min huwa bil-ġuħ.
  2. Isqi lil min hu bil-għatx.
  3. Libbes lil min huwa għarwien.
  4. Ilqa’ lil min hu bla dar.
  5. Żur il-morda.
  6. Żur il-ħabsin.
  7. Idfen il-mejtin.

L-opri tal-ħniena li jmissu lir-ruħ

  1. Agħti parir lill-ħosbenin.
  2. Għallem lil min ma jafx.
  3. Widdeb il-midinbin.
  4. Farraġ lill-imnikktin.
  5. Aħfer il-ħtijiet.
  6. Stabar b’min idejqek.
  7. Itlob lil Alla għall-ħajjin u l-mejtin.

L-opri tal-ħniena jfissru li n-nisrani għandu jimpurtah minn dak li qiegħed jiġri madwaru mhux biex joqgħod jikkumenta imma biex jgħin. Meta nagħmlu dawn l-opri ta’ ħniena nkunu qegħdin nimxu kemm fuq u t-tagħlim ul-eżempju li tana Kristu. Jekk naqraw il-Vanġelu naraw kemm kien iħenn billi jfejjaq il-mard tal-ġisem u tar-ruħ u kemm kien jgħallem.

Iżda l-aqwa opra ta’ ħniena għamilha meta miet fuq is-salib għalina. Il-bniedem kien miġġieled ma’ Alla permezz tad-dnub u Kristu offra ħajtu biex tiġi s-salvazzjoni. Ġesù miet u aħna ħadna l-ħajja.

L-opri ta’ ħniena skont l-ispirtu ta’ Kristu huma meta wieħed jagħmilhom bla ebda interessi jiġifieri ma jkun jistenna xejn lil min ikun għen, mal -bnedmin tad-dinja kollha u saħansitra mal-għedewwa tiegħu.

Naraw lill-proxxmu tagħna qisu Kristu

Meta nagħmlu xi opra ta’ ħniena mal-proxxmu tagħna rridu naraw fih lil Kristu. Ta’ min jinnota li  wieħed mill-modi ta’ presenza ta’ Kristu fid-dinja  huwa fil-proxxmu. Huwa stess qalilna fil-Vanġelu li ser inkunu ġġudikati fuq l-opri ta’ ħniena: “Tassew, ngħidilkom, kulma għamiltu ma’ wieħed mill-iżgħar fost dawn ħuti, għamiltuh miegħi” (Mt 25, 40). Proprju dan ser ikun il-ġudizzju lit-tajbin. U lill-ħżiena ser ikun talli ma għamlux opri ta’ ħniena: “Tassew, ngħidilkom, dak li ma għamiltux ma wieħed minn dawk iż-żgħar, anqas miegħi ma  għamiltuh. U dawn imorru fit-tbatija ta’ dejjem u l-ġusti fil-ħajja ta’ dejjem” (Mt 25, 46).

Jekk inqallbu l-Vanġelu nsibu diversi tagħlim li jagħtina dawl fuq l-opri tal-ħniena. Insibu l-parabbola tal-Għani u Lazzru. Il-għani kien medhi fih innifsu billi jagħmel pranzijiet u jilbes ilbies mill-isbaħ filwaqt li ma kienx jagħti kas tal-fqir li kellu wara l-bieb. Ġesù jikkundanna bl-aħrax dan l-istil ta’ ħajja.

Insibu l-parabbola tas-Sammaritan it-tajjeb. Dan ġabar mit-triq wieħed Lhudi ferut li kien safa l-mira tal-ħallelin. Ġabru u ħadu f’lukanda u ħallashielu. Ta’ min jinnota li s-Sammaritani u l-Lhud ma kinux jitħamlu ma’ xulxin. Iżda s-samaritan it-tajjeb ma mexiex mal-kurrent iżda għamel ħniena ma’ wieħed barrani.

Fl-istorja tal-Knisja nsibu diversi qaddisin li kkonċentraw fuq xi waħda mill-opri tal-ħniena u fuqha bnew ħajjithom. Fosthom  insibu lil Santa Teresa ta’ Calcutta li għaddiet ħajjitha taħdem fost l-aktar foqra. Għalkemm hija esperjenzat il-faqar tal-Indja kienet ukoll konxja li fis-soċjetà materjalista tal-Punent hemm ġuħ, għera u għatx bi stil differenti. L-istil tagħha kienet li tagħti dinjità lil kulħadd.

F’pajjiżna fost ħafna li spikkaw fl-opri tal-ħniena nsibu lil San Ġorġ Preca. Kien konvint li t-tagħlim huwa l-għajn ta’ kull ġid u għal dan il-għan iddedika ħajtu u waqqaf is-Soċjetà tad-Duttrina Nisranija. Ma nistgħux ma nsemmux lis-Serv ta’ Alla Dun Mikiel Attard, li ddedika ħajtu għal opra ta’ direzzjoni spiritwali u kien  jisma’ kontinwament lil dawk li għaddejjin minn xi problema.

Nistgħu nħennu fl-ambjent tagħna

Biex nibdew nagħmlu opri ta’ ħniena ma hemmx bżonn nitbegħdu minn xtutna iżda nġibu ruħna bi stil ta’ veri nsara filwaqt li meta naraw xi ħadd għandu bżonn tal-għajnuna ngħinuh. L-ewwel nett irridu nitbegħdu minn stil ta’ konsumiżmu u rimi ta’ ikel u ħela ta’ ilma filwaqt li ħwejjeġ li jkunu għadhom tajbin nagħtuhom għall-missjoni jew lil xi għaqda li tqassamhom lil dawk li jeħtiguhom.

 

Jekk xi ħadd ikun għaddej minn xi problema ngħinuh milli nistgħu avolja l-problema jkun forsi ġabha f’idejh. Għal dawk li  ngħalqu f’ħabs ta’ nuqqas ta’ tama u forsi ta’ solitudni jew f’xi vizzju flok nikkundanawhom inħobbuhom u ngħinuhom joħorġu minn dan id-dlam tagħhom.

Opri oħra ta’ ħniena  huwa li naħfru l-ħtijiet. Forsi aktar faċli li tgħin lil min huwa fil-bżonn milli  min naqsek f’xi ħaġa. Niftakru li anki aħna għandna n-nuqqasijiet u d-dnubiet tagħna u rridu min jagħdirna u jaħfrilna. Opra oħra ta’ ħniena hija t-tagħlim. Ta’ min isemmi li kulħadd jista’ jgħallem anki billi kultant fid-diskursati li jkollu jżerqaq xi tagħlima jew riflessjoni li jkun għamel.

L-aħħar opra ta’ ħniena li tmiss lir-ruħ hija li nitolbu għall-ħajjin u l-mejtin. Nitolbu għall-ħajjin biex Alla jgħinhom fil-ħtiġijiet tal-ġisem u tar-ruħ u għall-mejtin sabiex dawk li mietu fil-grazzja ta’ Alla imma jridu jissaffew Alla jagħtihom il-ġenna.

Ma ttrattajtx l-opri kollha kemm huma: Iżda nkun nonqos jekk ma nsemmix l-opri ta’ ħniena mal-morda. Il-mard huwa prova qawwija għal dak li jimrad u l-familjari tiegħu u għalhekk l-għajnuna anki żgħira tgħoġob wisq lil Alla. Min irid jimxi fuq il-passi ta’ Kristu għandu jiflihom kollha u jara Alla xi jrid minnu li jagħmel. Mhux kulħadd huwa msejjaħ għall-istess ħaġa filwaqt li kull persuna qiegħda tgħix f’sitwazzjonijiet differenti.

Fuq kollox l-erbatax-il opra ta’ ħniena nistgħu  ngħidu li huma mibnija fuq ir-regola tad-deheb li tgħid: “Agħmel lill-ħaddieħor dak li trid li jagħmlu lilek u la tagħmilx lilll-oħrajn dak li ma tridx li jagħmlu lilek.”

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.