Quddiesa ta’ ringrazzjament għall-gradwati l-ġodda tal-Università ta’ Malta


Il-Ħamis, 15 ta’ Novembru 2018: L-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi ser iċċelebra Quddiesa għall-gradwati l-ġodda tal-Università ta’ Malta, fil-Konkatidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta.

L-omelija tal-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi – Fil-Konkatidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta

Jum il-Gradwazzjoni hu bla dubju jum ta’ soddisfazzjon għalikom ilkoll. Wara snin ta’ studju, qed taraw it-tarf u taqtgħu l-frott tal-ħidmiet tagħkom. Magħkom jifirħu wkoll il-familji tagħkom, dawk kollha li għallmukom l-Università, u jifraħ ukoll il-pajjiż kollu. Għalhekk illum tħossu sentiment ta’ gratitudni.

Fil-Quddiesa qed ngħidu grazzi lil Alla li kien magħkom tul is-snin u għenkom biex taslu hawn—kif għedna fis-Salm, “hieni min f’Alla jsib l-għajnuna tiegħu”—u ma’ din qed ngħaqqdu l-grazzi lil tant nies li tul is-snin għenukom fl-isforzi tagħkom. Hi grazzi li toħroġ mill-qalb.

Qed ngħidu din il-grazzi lil Alla waqt li llum nagħmlu t-tifkira ta’ San Albert il-Kbir, li kien patri Dumnikan imma wkoll, fost l-oħrajn, xjenzat, filosofu, teologu u kittieb ta’ madwar 38 volum fuq tant suġġetti. Hu żgur bniedem ta’ ispirazzjoni dwar kemm hu importanti l-istudju u kemm għandu jiswa għall-ħajja.

Fl-istess waqt li intom tħarsu lejn is-snin li għaddew u tgħidu grazzi, il-gradwazzjoni titfa’ wkoll ħarsitkom ’il quddiem. Intom qed taħsbu f’karriera fil-linja ta’ dak li studjajtu u ppreparajtu għalih. Hi ħaġa tassew sabiħa li tirsistu biex tistgħu ssarrfu l-istudju tagħkom f’ħidma siewja, u tħossu s-soddisfazzjon li dak li ħdimtu għalih tul is-snin issa jservikom għall-ħidmiet li jkollkom.

Intom u tiċċelebraw u tħarsu ’l quddiem, fittxu li tgħixu l-valuri veri li jagħtu sens u jsebbħu lill-ħajja tagħkom, u fl-istess waqt itejbu l-ħajja tal-oħrajn li magħhom tkunu qed taħdmu jew b’xi mod qed taqdu. Ġesù Kristu jurina fil-fatt liema huma dawn il-valuri. Minn fost dawn, se nsemmi tlieta li żgur huma importanti ħafna.

L-integrità
Il-pajjiż jiggwadanja bil-kbir jekk ikollu nies ta’ integrità, li kapaċi jagħżlu dak li hu sewwa u ġust u veru. U jagħmlu dan ukoll meta ma jkunx moda jew dawk ta’ madwarna jaħsbuha differenti. It-talba li nagħmel għalikom illum hi li tħaddmu t-talenti li Alla takom fil-professjoni tagħkom mhux biex tagħmlu l-qligħ minn fuq dahar ħaddieħor jew biex tħarsu lejn il-ħajja biss biex taraw kemm se tirrendilkom dħul, wisq inqas biex tistagħnew minn prattiċi korrotti. Imma li tkunu nies ta’ onestà u integrità. Pajjiżna jeħtieġ nies bħal dawn f’kull qasam.

Ir-rispett lejn kull id-dinjità ta’ kull persuna
Fl-ewwel qari, fl-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lil Filemon, rajna kif hu jirrakkomanda dan ir-rispett lejn ilsir li kien ħarab u jgħidlu biex jilqgħu bħala ħuh l-għażiż. Fil-professjoni tagħkom se tiġu wiċċ imb wiċċ ma’ diversi nies. Jalla dejjem turu rispett lejhom u tagħtuhom servizz f’waqtu filwaqt li tħarsu d-dinjità tagħhom. Ikunu min ikunu, kemm jekk ta’ kulur differenti tal-ġilda, kemm jekk ta’ ideat differenti, kull persuna hi maħluqa xbieha ta’ Alla u jistħoqqilha rispett. Uru dan ir-rispett ukoll fil-kitba tagħkom biex jagħmel tajjeb ukoll għall-insulti u l-kliem li jweġġa’ li niltaqgħu miegħu fuq is-social media fi żmienna.

L-impenn għal soċjetà aħjar
Inħeġġiġkom biex, immexxijin minn valuri sodi, timpenjaw ruħkom fis-soċjetà u tagħtu sehem fil-ħajja politika, soċjali, ekonomika u kulturali. Tingħalqux fikom infuskom. Meta dawk li għandhom valuri sodi jibżgħu jagħtu s-sehem tagħhom, l-ispazju faċli jimtela minn oħrajn li jagħmlu ħsara flok ġid. Fejn għandkom l-opportunità, kunu aġenti ta’ bidla għall-aħjar. Kif qal Ġesù fl-Evanġelju tal-lum: “Is-Saltna ta’ Alla fostkom qiegħda”. Qatt tħallu min jaqtgħalkom qalbkom jew jitfilkom l-entużjażmu jew jimliekom bi skoraġġiment. Użaw l-enerġija tagħkom bħala forza ta’ tiġdid fis-soċjetà Maltija ta’ żminijietna.

Għal dan nixtieq li nitolbu flimkien f’din il-Quddiesa biex jum il-gradwazzjoni jkun tassew jum ta’ ferħ u ċelebrazzjoni, imma wkoll jum ta’ ħarsa b’fiduċja ’l quddiem biex tkunu nies ta’ integrità, turu rispett sħiħ lejn id-dinjità ta’ kull bniedem, u timpenjaw ruħkom bis-sħiħ għal soċjetà Maltija mġedda.

✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju

Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Fil 7-20
Salm: 145 (146), 7.8-9a.9bċ-10
Evanġelju: Lq 17, 20-25

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.