Evanġelju tal-Ħamis 29 ta’ Novembru 2018


Ħsieb minn Fr Michael Bugeja
Ara l-qari kollu tal-quddiesa tal-lum: http://www.laikos.org/QQ/Qari_Quddies.php
Lq 21, 20-28

Sakemm jidher li kollox sewwa, kollox jibqa’ għaddej u l-esperjenzi tal-imgħoddi, dak li għaddejna minnu aħna u missirijietna qabilna, jogħsfor u jdub fix-xejn u aħna nġeddu l-perseveranza fl-illużjoni li dak għadda u mar u qatt m’hu se jerġa jiġi. Sakemm inxellfu difrejna, sakemm inħossu xi ħaġa li tant theddidna li twaqqalna kulma nkunu bnejna u jsir kollox trab. Dak li nkunu bnejna fuqu jsir ħama li tiblagħna. Il-kliem ta’ Ġesù huwa mimli tama u qawwa: qawwu qalbkom u erfgħu raskom, għax il-fidwa tagħkom hi fil-qrib; warrbu l-bibien u erfgħu raskom ħalli jidħol is-sultan tal-glorja; il-glorja tiegħu li hi l-imħabba, il-ħniena u l-mogħdrija, għax il-Mulej juri s-setgħa tiegħu meta jaħfrilna u jħenn għalina.

Iċ-ċirku tal-ħażen dejjem jagħlaq u jissikka ma’ għonq minn hu kompliċi fih. Ġerusalemm, is-simbolu tal-qawwa u tas-setgħa titlrf il-qawwa tagħha u tiddgħajjef sakemm tiġġarraf għal kollox. Ma jibqax ġebla fuq oħra minnha, għax dak li hu moħbi għad jixxandar, dak li jingħad fil-widnejn, għad jitħabbar minn fuq il-bjut. Ir-rifjut ta’ dak li Alla jibgħat jgħid lill-bnedmin iwassal għad-disperazzjoni ta’ min jagħżlu għall-kuntrarju tal-hena li jġarrbu dawk li jemmnu kull ma jibgħat jgħdilhom. Il-ħażin jilludina li ħadd u xejn ma jista’ għalina, li l-gidba tagħna saret il-verità li jemmen kulħadd, iżda il-ġawhar mixħut f’riġlejn il-qżieqeż huwa mitluf u ddisprezzat u huma stess iduru għal min ixerrdu quddiemhom. It-tmiem, jista’ jkun ’il bogħod iżda ħadd ma jwaqqfu. It-tmiem iwaqqaf lilna, għax iwaqqaf iż-żmien li fih nistgħu nieħdu deċiżjonijiet: ħaddieħor iħażżimna u jeħodna fejn ma rridux.

Ikun inutli li nipprotestaw, jekk ikun fadlilna l-kelma, ikun inutli li nippruvaw inreġġgħu l-arloġġ lura għax ma jobdiniex. Iż-żmien huwa issa, il-post huwa hawn. Ġerusalemm taqa’ u ssir ħerba, iżda qalbna tibqa’ sħiħa jekk fiha tgħamma ril-verità ta’ Alla. il-ħażin inissel il-ħażen u t-taħwid irawwem iktar taħwid. M’hemmx gidba waħda li ssib prova fil-verità; għal kull gidba hemm gidba oħra li tipprova ssaħħaħha u min jigdibha jasal biex jemmen li m’hemm xejn iktar veru minnha. Min jagħti l-impressjoni li jemminha huwa għadu tal-giddieb għax f’idejh għandu l-qerda tiegħu. Imma dan kollu min jagħżilha ma jemmnux, għax jaħseb li ħakem kollox u lil kulħadd fil-qabda ta’ jdejh. Dan kollu jwassal għall-qerda ta’ Ġerusalemm, għat-tixjin tal-bniedem li jaħseb li laħaq is-sema b’idu u ħakimha.

Qawwu qalbkom u erfgħu raskom għax il-fidwa tagħkom hi fil-qrib. Id-dixxiplu li jżomm sħiħ waqt il-ħin tal-prova għandu għalfejn jimla’ qalbu bil-kuraġġ u jerfa’ rasu bla mistħija, għax il-qawwa mhix fil-qerq iżda fil-verità li ġejja minn Alla. Id-difett tal-ħażen u dak li jinkapaċitah huwa l-qerq li fuqu huwa mibni, il-gidba li kif titlissen tibda tieħu l-aħħar nifsijiet tagħha.

Il-verità hija Ġesù nnifsu u l-verità tiegħu hija l-imħabba li ma tixxejjirx mal-irjieħ. Il-glorja ta’ Ġesù ssib il-milja tagħha fuq is-salib fejn isseħħ l-għotja sħiħa frott l-imħabba bla limitazzjonijiet u kundizzjonijiet, u fejn dak li qal sab il-milja tiegħu. Il-glorja tat-tieni miġja ti;lħaq il-qofol tagħha meta dawk li żammew sħiħ sal-aħħar jingħaqdu miegħu għal dejjem.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.