Għad-dawl tas-siġra tal-Milied

Print Friendly, PDF & Email

Qiegħed bilqiegħda. F’kamra pjuttost miftuħa. Billejl. Fid-dlam. Għall-grazzja tal-Mulej is-sett tat-televiżjoni jinstab issa mitfi. U jien, komdu komdu, wara galoppi sħaħ ta’ jiem li ma jispiċċaw qatt nittrottja fl-isptar, qiegħed fil-kwiet. Inħares. Fil-paċi. Lejn is-siġra tal-Milied …

X’naqbad ngħid? Is-seħer tad-dawl tagħha daħħalni f’qoxorti. Imma mhux li werwirni tafux! Imma hekk, ħeddilni. Dak id-dawl ġentili ġentili tagħha. Jixgħel, bil-mod. U jmur jorqod. Imqar għal nitfa ta’ sekonda. U jien hemm. Fis-skiet. Quddiemu.

Emmnuni li ma mortx fi ħsibijieti fuq il-ħafna dekorazzjonijiet mill-isbaħ li fiha s-siġra tal-Milied. Qishomx il-proprjetajiet teatrali? Le! Għalija rajthom wisq. U ma tantx għandi aptit nimraħ fuqhom. Mhux għax ma jogħġbunix tafux! Biss, aktar ma nikber, aktar inħoss li għandi nintasab fil-kwiet. Dak il-kwiet li, il-Filokalija, jiġifieri l-ġabra tal-għerf spiritwali tal-Lvant Nisrani li jibda’ mir-raba sas-seklu ħmistax, tgħallimni li hu omm l-għerf.

Kos hux! Sabiħa nkun nafha b’għajnejja magħluqa l-Filokalija. Imma kemm hu isbaħ meta nitgħallimha fis-skiet li joħroġ mit-taħbit ta’ ħajti! Jew, kif jiġri lili, mill-galoppi li nagħmel biex immur inżur lil Kristu kif preżenti fil-marid u l-marida! Għax anki t-tajjeb ħbieb għandu l-ġirja tiegħu. Anki t-tajjeb jaf jittrottja. U anki t-tajjeb jaf jeqleb ukoll u jkollu bżonn, minn żmien għal żmien, dik it-taħrika biex jerġa’ jiġi f’postu.

Hekk qed jgħallimni bħalissa d-dawl tas-siġra tal-Milied. Tiffangax! Mhux fl-ikel. Imma fl-informazzjoni li qatt ma ssir formazzjoni. Tiffangax f’li dejjem tixtieq u tinsa dak li għandek f’idejk issa. Tiffangax fix-xewqat tiegħek li jagħmluk skjav u skjava. Għax huma xewqat mhux tal-Ispirtu s-Santu li jiskomodak imma huma biss xewqat misjuqa minn ġisem u moħħ li jaraw sa mneħrihom. Li ma jagħrfux. U li jagħmlu kollox biex jiksbu dak li jridu. Le! Tiffangax! Tixtieqx!

Imma d-dawl ħiemed tas-siġra tal-Milied lili qed jgħidli biex nikkuntenta b’dak li l-Mulej qiegħed jagħtini bħalissa. Għax anki fil-galoppi mhemmx biss l-ingroppi u l-intoppi imma hemm maħżuna wkoll il-barkiet. U x’barkiet! Bħal meta niltaqa’ ma’ dak jew dik. Li jgħiduli kelma ta’ kuraġġ. Apprezzament. Aċċettazzjoni. U mogħdrija. U, wara kollox, x’hemm isbaħ meta xi ħadd jurini għarfien. Meta xi ħadd jimxi miegħi. Meta xi ħadd jgħidli: “Grazzi!”

Għalhekk, id-dawl sieket tas-siġra tal-Milied jurini li dak li qiegħed hemm fuq, dak li kulħadd qed iċapċaplu, wasal hemm l-għaliex kien hemm oħrajn li għenuh biex jitla’ hemm fuq. Mur neħħi n-nies ta’ taħtu ħa tara kif jaqa’ kollox! Domino effect! Le ħbieb! In-nies il-kbar huma dawk li ma jidhrux! In-nies il-kbar huma dawk li ġew imċaħħda! In-nies il-kbar huma dawk li qatt ma tawhom ċans! U, għax huma immexxijin minn Dak li ġie f’daru u niesu ma laqgħuhx (Ġw 1:11), minn Dak li l-bnedmin li lilhom ġie isalva tawh il-ġenb, għax ħabbew id-dlam aktar mid-dawl (Ġw 3:19), huma jikbru. Jogħlew bħall-ajkli. Ħallini nfakkrek: mhux l-għaliex sabu lil min jimbuttahom. Lil min jgħaddilhom il-kelma. Jew min jissimpatizza magħhom. L-ebda klikka ma ippromoviethom. Le! Lil dawn ma ssibhomx fil-listi tal-pjaċiri. Għax lil dawn dejjem joħduhom for granted. U jinħassu biss meta ma jkunux jistgħu jagħtu s-servizz tad-deheb li qiegħdin jagħtu. Madankollu, Dak li jara dak li hu fil-moħbi (Mt 6:4), jgħolliehom Hu ‘il fuq. Meta, fi x’ħin u kif irid Hu!

Id-dawl ħiemed tas-siġra tal-Milied reġa’ semmagħli dik l-għanja sabiħa, qadima u ġdida, Ninni la tibkix iżjed! U, b’sorpriża kbira għalija, din m’hijiex le indirizzata aktar għalih. Hu m’għandux għalfejn jikbi. Jekk niġu f’dan int u jien aħna tal-biki. Aħna l-midinbin! Biss, f’dak il-ħin, għad-dawl tas-siġra tal-Milied, ma stajtx ma nħarisx in-naħa l-oħra. U hemm, ħarset il-Bambin, poġġietli fuq fommi dawn il-kelmiet:

Ninsab miexi ‘l quddiem fil-ħajja fost qawsalli u maltempati, imma b’rasi merfugħa ‘l fuq ferħan bix-xorti li messitni, għax jiena iben ta’ re. Inħoss li demm Ġesu’ għaddej jiċċirkola fil-vini tiegħi, u poġġejt il-fiduċja tiegħi fil-ħniena kbira tal-Mulej (Djarju ta’ Santa Fawtina, 992).

Jeżiżti dawl isbaħ għalija u għalik minn dawn il-kelmiet? Aħna u ntemmu s-sena 2018?

Patri Mario Attard OFM Cap

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading