Ħajja ta’ fedeltà


Il-Ħadd, 30 ta’ Diċembru 2018: Omelija tal-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi waqt Quddiesa fil-festa tal-Familja Mqaddsa.

banner-family.154651616985.jpg

L-omelija tal-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi – Fil-Knisja Parrokkjali, Ħal Balzan

Meta nħarsu lejn il-Familja ta’ Nazaret—ta’ Ġesù, Marija u Ġużeppi—li l-Knisja tqiegħed bħala ispirazzjoni u għajnuna għall-ħajja tal-familja, jista’ jkun li tiġina l-mistoqsija: Imma din il-familja li għexet 2,000 sena ilu x’messaġġ tista’ tagħtina għal ħajjitna llum? Meta llum tant inbidlu ċ-ċirkustanzi tal-ħajja, u tant hawn tifsiriet differenti ta’ familja, x’tista’ tgħidilna din il-familja li fiha twieled u kiber Ġesù?

Hemm ħafna li tista’ tgħidilna u tgħallimna jekk aħna niftħu qalbna għal dak li l-Kelma ta’ Alla turina fuq din il-familja.

Tbatija
L-ewwel nett, l-Evanġelju jurina li din hi familja li għaddiet minn diffikultajiet u problemi. Mhux kollox kien ward u żahar. Kellha esperjenzi iebsa ta’ tbatija.

Kellha għal xi żmien problema ta’ residenza, meta Marija lanqas kellha fejn twelled lil Ġesù għax ħadd ma kellu post għalih. Kienet familja refuġjata meta l-ħajja tat-tarbija kienet fil-periklu minħabba s-sitwazzjoni politika ta’ dak iż-żmien u Ġużeppi u Marija kellhom jaħarbu lejn l-Eġittu. Ma nafx sabux min jgħidilhom ‘go back to your country’ imma żgur li għaddew mit-tbatija ta’ familja refuġjata li qed tfittex kenn għaliha u speċjalment għat-tifel. Kien hemm ukoll kultant problema ta’ komunikazzjoni, kif naraw meta kemm Marija kif ukoll Ġużeppi mhux dejjem jifhmu lil xulxin jew dak li qed jiġri. L-Evanġelju li smajna llum, meta Ġesù ntilef fit-tempju, hu każ ta’ dan. Ma setgħux jifhmu x’qalilhom Ġesù li hu kellu jkun f’dak li hu ta’ missieru meta baqa’ fit-tem

Dawn huma wħud mill-problemi li għaddiet minnhom din il-familja. Kollha juru t-tbatija tal-familja ta’ Nazaret. Għalhekk il-familja li l-Knisja tippreżenta bħala ispirazzjoni hi familja li daqet il-morr tal-ħajja. Hu f’din il-familja li Alla għażel biex tkun b’mod speċjali l-familja tiegħu, biex jitwieled u jgħix fiha.

X’messaġġ tagħtina din il-festa? Hemm ħafna valuri sbieħ li għexet din il-familja li jistgħu jispirawna f’ħajjitna. Nixtieq insemmi valur wieħed biss li hu tant importanti għal żmienna: il-fedeltà.

Il-fedeltà lejn Alla
F’din il-familja naraw il-fedeltà lejn Alla. Marija u Ġużeppi mhux dejjem setgħu jifhmu b’mod ċar dak li kien qed jiġri, kultant kellhom diversi mistoqsijiet. Imma huma qiegħdu l-fiduċja tagħhom f’Alla u mxew skont il-kelma tiegħu. Kellhom din il-fedeltà lejh li tispikka.

Aħna wkoll imsejħin għal din il-fedeltà lejn Alla. Jeħtieġ li jkollna ħin għalih biex hu jurina x’inhu l-aħjar. Meta nagħmlu hekk, inkunu qed immorru f’ras il-għajn. Il-ħin tat-talb fil-familja jagħtina din l-opportunità. Meta niġu flimkien hawnhekk għall-quddiesa, dan hu li qed nagħmlu. Hu bil-barka u l-għajnuna tiegħu li l-familja nistgħu nagħmluha ħajja sabiħa.

Il-fedeltà lejn xulxin
F’din il-familja ta’ Nazaret, tolqotna l-fedeltà lejn xulxin. Marija u Ġużeppi kontinwament jaħsbu kif se jagħmlu l-ħajja ta’ xulxin aħjar. Ġesù nnifsu, kif naraw fl-Evanġelju tal-lum, wara li sabuh fit-tempju, jerġa’ lura d-dar jgħix b’fedeltà lejn il-ġenituri tiegħu.

Hi din il-fedeltà li tagħmel ħajjitna fil-familja ħajja sabiħa. Kultant tisma’ u taqra kliem kontra l-fedeltà. Hawn min saħansitra jiftaħar b’ħajja ta’ infedeltà u jgħid li jħossu kuntent jgħix hekk. Imma l-esperjenza tal-ħajja turi li hi l-fedeltà sħiħa li verament tassigura ambjent ta’ mħabba u għożża fil-familja.

Talba
F’din il-festa tal-Familja Mqaddsa, nitolbu lill-Mulej biex il-familji tagħna jkunu ambjent ta’ fedeltà fejn nistgħu ngħixu fl-għożża ta’ xulxin, fejn inħobbu u nkunu maħbuba. Nitolbuh biex meta jinqalgħu d-diffikultajiet inħarsu lejhom bħala opportunità għal imħabba akbar, u nfittxu l-għajnuna f’waqtha li jkollna bżonn biex insaħħu l-ħajja tal-familja.

Nitolbuh ukoll għal dawk li bħalissa għaddejjin minn problemi fil-ħajja tal-familja, biex isibu l-għajnuna li jeħtieġu u biex fina jsibu nies mhux li jikkundannaw imma li joffru l-appoġġ meħtieġ u s-solidarjetà lil kull min għaddej minn tbatija.

Jalla l-Familja Mqaddsa tkompli tkun għall-familji tagħna ta’ ispirazzjoni u inkoraġġiment fil-ħajja ta’ kuljum.

✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.