Omelija tal-Isqof Mario Grech fl-Erbgħa tal-Irmied.


L-Erbgħa 6 ta’ Marzu 2019: Omelija tal-Isqof Mario Grech fl-quddiesa tat-tberik u tqegħid tal-Irmied fil-Katidral ta’ Għawdex, Victoria.

IMG_7944

IR-RANDAN FID-DAWL TAL-MESSAĠĠ TAL-MADONNA TA’ PINU

Din is-sena fid-Djoċesi tagħna sejrin ngħixu ż-żmien tar-Randan fil-kuntest tas-Sena Marjana. Għalhekk hija xewqa tiegħi li f’dan ir-Randan nipproponilkom lil Marija bħala dik li sseħibna fil-mixja tagħna wara Kristu, għax Marija hija dik li għexet il-misteru tal-passjoni, il-mewt u l-qawmien. Fil-fatt, ħsibna li anki l-Eżerċizzi tar-Randan din is-sena jkollhom tema Marjana. Ħejjejna materjal u tlabt lill-predikaturi tal-Eżerċizzi biex bil-kelma tagħhom jgħinuna nimxu flimkien ma’ Marija Ommna din it-triq sabiħa li twassal għall-Għid il-Kbir.

Ir-raġuni għaliex qed niċċelebraw is-Sena Marjana hija biex flimkien irroddu ħajr lil Alla tal-erba’ mitt sena tal-Kwadru tal-Madonna Ta’ Pinu – kwadru għażiż għalina lkoll. Meta tfajt ħarsti fuq din il-ġrajja ta’ Ta’ Pinu li seħħet fl-1883, ftakart li Franġisku Portelli, li bħal Karmni Grima kellu l-kollokji mal-Madonna, jixhed li għal sitt darbiet sema’ l-Verġni Mbierka u kull darba talbitu biex ixerred id-devozzjoni lejn il-pjaga l-moħbija ta’ Ġesù.

San Bernard minn Clairvaux (1090-1153) ukoll kellu rivelazzjoni ta’ din ix-xorta. Meta, waqt li kien miġbur fit-talb, hu staqsa lil Ġesù liema pjaga kkawżatlu l-aktar uġigħ, Ġesù qallu li kienet “il-pjaga fuq spalltu, li kienet fonda tlitt iswaba’, tliet għadmiet mikxufa bil-piż tas-salib. Din il-pjaga mhix magħrufa mill-bnedmin. Għarraf lill-Insara dwar dan u kun af li jaqilgħu kull grazzja li jitolbuni f’ġieħ din il-pjaga”.

Għalhekk, meta niftakru li fl-1883 f’Ta’ Pinu l-Madonna fdat lil wieħed minna l-messaġġ dwar il-pjaga l-moħbija ta’ Binha, nara li hemm rabta bejn is-Sena Marjana u dak li qed ninawguraw illum: il-mixja lejn l-Għid. Għax il-pjagi ta’ Ġesù huma sintesi tal-ġrajja tal-passjoni, il-mewt u l-qawmien ta’ Ġesù. Għalhekk għar-Randan ta’ din is-sena nixtieq nipproponilkom dak li l-Madonna Ta’ Pinu fdat lil Franġisk Portelli: id-devozzjoni lejn il-pjagi mqaddsa ta’ Ġesù, partikularment lejn il-pjaga l-moħbija. Il-pjagi ta’ Ġesù jirrivelaw kemm hija kbira l-imħabba ta’ Alla għalina u xi prezz għoli Ġesù ħallas għalina, li kif jgħid Iżaija (imbagħad jerġa’ jtennih San Pietru fl-Ewwel Ittra tiegħu 2:24), “aħna konna mifdija bil-ġrieħu tiegħu” (53:4).

San Bernard jagħmel xebh bejn il-pjagi ta’ Ġesù u x-“xquq tal-blat” li jsemmi l-Għanja tal-għanjiet: “Ħamiema tiegħi ġewwa x-xquq tal-blat, moħbija ġo xi rdum, urini wiċċek, semmagħli leħnek, għax leħnek ħlejju u sbejjaħ wiċċek” (2:14). Skont il-Missirijiet tal-Knisja, il-‘ħamiema’ hija r-ruħ tal-bniedem jew il-Knisja! San Bernard jikkummenta hekk dwar dan: “Ix-xquq fil-blat huma l-pjagi ta’ Ġesù. Fil-fatt, Ġesù huwa l-blata. F’dawn ix-xquq il-ħamiema tħossha żgura u mħarsa mit-tajr li jipprova jaħtafha. Fejn jista’ jkun hemm post daqshekk tajjeb u stabbli għad-dgħajfin jekk mhux fil-pjagi tal-Feddej? Daqskemm hu għandu qawwa li jsalvana, daqshekk ieħor hemm fix-xquq [fil-pjagi] hemm il-kenn. Ikun kemm ikun gravi d-dnub, u ttaqqalna kemm ittaqqalna l-kuxjenza tagħna, xejn ma għandu jaqtgħalna qalbna, għax niftakru fil-pjagi tal-Mulej” (In Cant. Serm. LXI, 3).

Ġesù ma kienx ikollu l-pjagi kieku l-umanità ma kinitx hija wkoll miksija bil-pjagi! Kif jgħid San Pietru fl-ewwel diskors li għamel wara Għid il-Ħamsin, aħna sallabna lil Kristu (ara Atti 2:36) bid-dnub tagħna! Għalhekk il-kontemplazzjoni tal-pjagi ta’ Kristu tfakkarna li aħna msejknin, dgħajfin u midinbin. Dan ngħiduh mhux biex naqtgħu qalbna, imma għaliex dawn il-pjagi huma għajn tal-miżerikordja divina. Fi kliem San Ġwann Griżostmu, l-ilma u d-demm li ħarġu mill-ferita tal-kustat miftuħ ta’ Ġesù jiffiguraw il-magħmudija u l-Ewkaristija – li huma żewġ sagramenti li jaħfru d-dnubiet (żewġ sagramenti li aħna nfakkru b’mod solenni fit-Tridu tal-Għid). Ħa jkun dan ir-Randan mument fejn aħna nerġgħu nduqu l-ħniena bla tarf ta’ Alla. Anki jekk dnubietna huma ħomor bħall-iskarlatt, id-demm u l-ilma għandhom qawwa li jnaddfuna. Għalhekk ir-Randan huwa żmien ta’ konverżjoni – liema konverżjoni ma sseħħx bil-ħila tagħna jew bil-penitenzi li nagħmlu, imma hija grazzja li taslilna mis-Sema. Il-konverżjoni hija frott ta’ att ta’ mħabba li Ġesù Kristu jagħmel magħna midinbin.

Illum ukoll aħna nistgħu npoġġu jdejna fuq il-pjagi ta’ Ġesù! Bħall-Appostlu San Tumas nixtiequ nqiegħdu subgħajna fil-pjagi ta’ Ġesù. Il-Papa Franġisku jgħidilna li l-pjagi ta’ Ġesù huma l-istess pjagi li hemm fil-ġisem tal-bniedem ta’ ħdejna – allura l-pjaga tal-faqar, tal-ġuħ, tal-vjolenza, tad-droga, tal-kalunnji, tal-mard… X’inhi l-attitudni tagħna quddiem il-feriti tal-proxxmu? Ma nistax ngħid li aħna indifferenti għal dawn il-weġgħat. Fil-fatt, xi drabi l-bniedem imut, jgħaddu s-snin u xorta jkun hawn min jieħu pjaċir jiftaħlu u jperriċlu l-pjagi tiegħu. Mhix attitudni Kristjana li aħna niftħu l-pjagi ta’ xulxin. Minflok, aħna għandna nitfgħu l-balzmu fuq il-pjagi tal-proxxmu u ninfaxxawhom. Kif jgħallem il-Papa Franġisku, jeħtieġ li aħna mmissu l-pjagi mhux biss b’idejna imma b’qalbna billi nagħtuhom bewsa. Din hija l-karità li l-Knisja tistedinna nagħmlu fir-Randan.

Wara li San Tumas daħħal subgħajh fil-pjaga ta’ Ġesù, huwa għamel dik l-affermazzjoni qawwija: “Mulej tiegħi u Alla tiegħi”. Dan hu li jien, Isqof tagħkom, nawguralkom għal dan ir-Randan: li fid-dawl tal-messaġġ li l-Madonna Ta’ Pinu fdat lil Franġisk Portelli biex ixerred id-devozzjoni lejn il-pjaga l-moħbija ta’ Ġesù, dawn il-jiem tar-Randan ikunu jiem ta’ riflessjoni, talb u karità, biex meta jasal l-Għid il-Kbir, inkunu nistgħu bħal San Tumas nagħmlu stqarrija tal-fidi: “Mulej tiegħi u Alla tiegħi”. Amen.

 

Published by

laikosblog

Blog tas-Segretarjat għal-Lajċi.